Ϸվ

Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B10-0175/2024Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B10-0175/2024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ambjenti mingħajr duħħan u aerosols

20.11.2024-()

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Catarina Martins
f’isem il-Grupp The Left

10‑0175/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ambjenti mingħajr duħħan u aerosols

()

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 168 tiegħu,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li jħassar id-Direttiva 2001/37/KE[1],

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/522 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Marzu 2021 li jistabbilixxi Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (il-programm l-UE għas-Saħħa) għall-perjodu 2021-2027, u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 282/2014[2],

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar ambjenti bla tipjip[3],

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta’ Frar 2022 dwar it-tisħiħ tal-Ewropa fil-ġlieda kontra l-kanċer – lejn strateġija komprensiva u koordinata tas-16 ta’ Frar 2022[4],

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar il-prevenzjoni, il-ġestjoni u l-kura aħjar tad-dijabete fl-UE fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tad-Dijabete[5],

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Diċembru 2023 dwar il-mard mhux komunikabbli (NCDs)[6],

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 2021 intitolata “Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer” (),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Settembru 2024 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ambjenti mingħajr duħħan u aerosol li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2009/C 296/02 (),

wara li kkunsidra l-inizjattiva tal-Kummissjoni ta’ Diċembru 2021 intitolata “Healthier together – EU non-communicable diseases (NCD) initiative” (Healthier Together – L-Inizjattiva tal-UE dwar il-mard mhux komunikabbli (NCDs)),

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU, u b’mod partikolari l-Għan 3:

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, trattat adottat waqt is-56 Assemblea Dinjija tas-Saħħa li saret f’Ġinevra, l-Iżvizzera fil-21 ta’ Mejju 2003[7],

wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.billi l-protezzjoni tas-saħħa hija waħda mid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u kulħadd għandu d-dritt li jgħix f’ambjent sikur;

B.billi l-epidemija tat-tabakk hija waħda mill-akbar theddidiet għas-saħħa pubblika li d-dinja qatt iffaċċjat, hekk if toqtol ’il fuq minn 8 miljun persuna fis-sena globalment[8]; billi kull sena, l-industrija tat-tabakk tiswa lid-dinja 600 miljun siġra, 200000 ettaru ta’ art, 22 biljun tunnellata ta’ ilma u 84 miljun tunnellata ta’ CO2[9];

C.billi s-suq u l-użu ta’ prodotti ġodda u emerġenti tat-tabakk, tan-nikotina u mhux tan-nikotina, bħas-sigaretti elettroniċi, il-prodotti tat-tabakk imsaħħan (HTPs) u prodotti oħra li jemettu l-aerosols, qed jikbru b’rata mgħaġġla[10];

D.billi d-duħħan second-hand jikkawża mwiet prematuri u jżid ir-riskju li tiġi żviluppata firxa wiesgħa ta’ mard mhux komunikabbli inkluż il-kanċer, il-mard kardjovaskulari u l-mard respiratorju kroniku; billi l-aerosols second-hand minn prodotti ġodda u emerġenti jemettu partiċelli fini u ultrafini, u dan joħloq riskju għas-saħħa mhux biss għall-utent iżda wkoll għal dawk li jkunu fil-qrib; billi l-ambjenti kkontaminati mid-duħħan u l-aerosols joħolqu riskji għas-saħħa, b’mod partikolari għall-persuni vulnerabbli;

E.billi prodotti emerġenti fihom sustanzi kimiċi perikolużi li joħolqu aerosols bi proprjetajiet tossiċi u karċinoġeniċi, bħall-formaldeid, l-aċetaldeid, u l-akroleina[11];

F.billi t-tipjip jagħmel ħsara lil kważi kull organu tal-ġisem u jikkawża ħafna mard, inklużi l-kanċer, il-mard tal-qalb, il-puplesiji, il-mard tal-pulmun, id-dijabete tat-tip 2 u l-mard pulmonari ostruttiv kroniku;

G.billi l-esponiment għad-duħħan second-hand u għall-aerosols għandu impatt sproporzjonat fuq il-gruppi vulnerabbli, inklużi t-tfal, in-nisa tqal u l-anzjani;

H.billi l-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer għandu l-għan li joħloq “ġenerazzjoni ħielsa mit-tabakk” sal-2040, fejn inqas minn 5% tal-popolazzjoni tuża t-tabakk, meta mqabbel ma’ 24% tal-popolazzjoni llum il-ġurnata; billi l-espansjoni ta’ ambjenti mingħajr duħħan hija għodda ta’ politika importanti li diġà kkontribwiet għal titjib fir-rati kemm tal-morbożità kif ukoll tal-mortalità, inkluż billi timmotiva lill-persuni li jpejpu biex jieqfu u tiskoraġġixxi lin-nies milli jibdew ipejpu;

I.billi aspett ta’ tħassib meta jibdew jintużaw prodotti ġodda u emerġenti tat-tabakk, tan-nikotina u prodotti relatati huwa l-attrazzjoni tagħhom fost iż-żgħażagħ u f’xi każijiet anke t-tfal;

J.billi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill attwali tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar l-ambjenti mingħajr duħħan[12] tistabbilixxi rakkomandazzjonijiet għall-Istati Membri biex jimplimentaw il-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tad-WHO u b’hekk tipprovdilhom gwida biex jikkonformaw mal-impenji legali tagħhom li jipproteġu lin-nies mid-duħħan second-hand f’kull post tax-xogħol fuq ġewwa, fit-trasport pubbliku u f’kull spazju pubbliku fuq ġewwa;

K.billi l-Istati Membri kollha tal-UE huma partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tad-WHO; billi l-Prinċipju 1 tal-linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 jistipula li l-eliminazzjoni totali tat-tipjip u d-duħħan tat-tabakk fi spazji jew ambjenti speċifiċi hija meħtieġa biex tipproteġi kontra l-esponiment u jinħoloq ambjent 100% mingħajr duħħan;

L.billi l-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tad-WHO tirrikonoxxi l-HTPs bħala prodotti tat-tabakk, li huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tad-WHO, kif innutat fid-Deċiżjoni FCTC/COP8(22); billi l-partijiet għall-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tad-WHO huma mħeġġa jagħtu prijorità lil miżuri li jipproteġu lin-nies mill-esponiment għall-emissjonijiet tagħhom u jestendu b’mod espliċitu l-liġijiet kontra d-duħħan biex jinkludu l-HTPs;

M.billi r-regolamentazzjoni tal-HTPs u tal-prodotti ġodda u emerġenti tan-nikotina u mhux tan-nikotina għadha frammentata madwar l-UE, u dan jagħmilha diffiċli għall-awtoritajiet nazzjonali biex jinfurzaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali;

N.billi r-reviżjoni proposta mill-Kummissjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ambjenti mingħajr duħħan għandha l-għan li tipproteġi aħjar lin-nies, speċjalment lit-tfal, liż-żgħażagħ u lin-nisa tqal, mill-effetti tad-duħħan second-hand u tal-aerosols u tirrakkomanda l-estensjoni tal-politiki dwar ambjenti bla tipjip għal żoni ewlenin fuq barra bħal postijiet tal-logħob pubbliċi, parks tad-divertiment, pixxini tal-għawm, stabbilimenti tal-kura tas-saħħa u edukattivi, binjiet pubbliċi u stazzjonijiet tat-trasport;

O.billi l-proposta tal-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll li l-Istati Membri jestendu l-politiki għal ambjenti mingħajr duħħan għal prodotti ġodda u emerġenti, bħall-HTPs u s-sigaretti elettroniċi; billi l-proposta tħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki u jsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali biex jimmassimizzaw l-impatt tal-miżuri meħuda fl-UE kollha;

P.billi l-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ permezz ta’ għotja diretta ta’ EUR16-il miljun mill-programm l-UE għas-Saħħa, bi EUR80 miljun mill-Programm Orizzont Ewropa li diġà ġew iddedikati għat-tisħiħ tal-kontroll tat-tabakk, tan-nikotina u tal-prodotti relatati u għall-prevenzjoni tad-dipendenza fuqhom; billi l-Kummissjoni se tiżviluppa wkoll sett ta’ għodod ta’ prevenzjoni biex tappoġġja l-protezzjoni tas-saħħa tat-tfal u taż-żgħażagħ;

Q.billi l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni għandha tiġi mmonitorjata regolarment biex jitkejjel il-progress fil-kisba tal-objettivi tagħha u jiġu identifikati lakuni fl-isforzi biex jiġu indirizzati ambjenti mingħajr duħħan u aerosols;

R.billi l-prattika tat-tkabbir tat-tabakk tagħmel ħsara mhux biss lis-saħħa tal-bniedem, iżda wkoll lis-saħħa tal-ħamrija, u tipperikola l-futur tal-provvista tal-ikel tagħna; billi llum, rekord ta’ 349 miljun persuna qed jiffaċċjaw insigurtà tal-ikel akuta, filwaqt li t-tabakk qed jitkabbar f’aktar minn 124 pajjiż, u qed jieħu 3.2 miljun ettaru ta’ art fertili li jistgħu jintużaw għat-tkabbir tal-ikel;

S.billi l-inizjattiva konġunta tan-NU u tad-WHO għal “azjendi agrikoli ħielsa mit-tabakk” għandha l-għan li tappoġġja lill-pajjiżi fil-ħolqien ta’ ekosistema abilitanti u ta’ appoġġ għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-għelejjel biex tgħin lill-bdiewa jibdlu kif jaqilgħu l-għajxien tagħhom mit-tkabbir tat-tabakk għal għajxien alternattiv[13];

T.billi l-isforzi għall-kontroll tat-tabakk huma sistematikament opposti mill-industrija tat-tabakk;[14];

U.billi, bħala firmatarja tal-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tad-WHO, l-UE hija obbligata tillimita l-interazzjonijiet tagħha mal-industrija tat-tabakk u tagħmel dawk l-interazzjonijiet trasparenti;

V.billi, f’Diċembru 2023, l-Ombudsman Ewropew sabet li l-Kummissjoni kienet naqset milli tiżgura t-trasparenza fid-dipartimenti kollha tagħha fir-rigward tal-laqgħat tagħha mal-lobbisti tat-tabakk[15];

1.Jiddispjaċih ħafna għall-fatt li l-Kummissjoni dewmet il-pubblikazzjoni ta’ din il-proposta tant mistennija b’aktar minn disa’ xhur minn meta kien oriġinarjament ippjanat li tiġi ppubblikata;

2.Itenni l-appoġġ qawwi u kontinwu tiegħu għall-għan li tinħoloq “ġenerazzjoni ħielsa mit-tabakk”, kif stabbilit fil-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer; jissottolinja l-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi sabiex l-għan ta’ “ġenerazzjoni ħielsa mit-tabakk” ikun jista’ jintlaħaq sal-2035, ħames snin qabel l-iskadenza; jitlob li jiġu allokati riżorsi xierqa biex jitkejjel il-progress u l-kisba ta’ dan l-għan;

3.Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill aġġornata dwar l-ambjenti mingħajr duħħan u aerosols; iqis li ż-żieda fl-użu tal-HTPs, tas-sigaretti elettroniċi u ta’ prodotti oħra li jemettu l-aerosols fi spazji pubbliċi fuq barra u fuq ġewwa hija riskju għas-saħħa pubblika u problema ambjentali;

4.Jissottolinja li ma hemm l-ebda livell sikur ippruvat ta’ esponiment għad-duħħan u għall-aerosols;

5.Jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi protezzjoni effettiva mid-duħħan second-hand u mill-aerosols; jenfasizza l-ħtieġa għal protezzjoni minn ambjenti kkontaminati bit-tabakk;

6.Jissottolinja li l-ambjenti mingħajr duħħan jipproteġu s-saħħa kemm ta’ dawk li ma jpejpux kif ukoll ta’ dawk li jpejpu, peress li jipprevjenu li dawk li ma jpejpux ma jkunux esposti u jħeġġu lil dawk li jpejpu biex inaqqsu l-konsum tagħhom jew jieqfu għalkollox;

7.Jistieden lill-Istati Membri jestendu l-projbizzjonijiet fuq it-tipjip fil-pubbliku għall-HTPs ġodda u emerġenti, għas-sigaretti elettroniċi, u għal prodotti oħra li jemettu l-aerosols;

8.Jissuġġerixxi li l-projbizzjonijiet fuq it-tipjip u l-prodotti li jemettu l-aerosols għandhom jitfasslu b’tali mod li jiżguraw l-ogħla livell ta’ protezzjoni, speċjalment għat-tfal, iż-żgħażagħ, in-nisa tqal u gruppi vulnerabbli oħra;

9.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu studji u jistimulaw aktar riċerka dwar ir-riskji assoċjati mal-esponiment second-hand għall-HTPs u għall-aerosols, inkluż mis-sigaretti elettroniċi;

10.Jesprimi tħassib dwar ir-riskji għas-saħħa pubblika li qed jiżdiedu minħabba ż-żieda fil-prodotti tal-vaping fis-suq illeċitu; jenfasizza li n-nuqqas ta’ kontroll fuq is-sikurezza u l-oriġini ta’ dawn il-prodotti jipperikola s-saħħa pubblika, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri iktar qawwija biex jipprevjenu d-dħul illegali ta’ dawn il-prodotti fis-suq;

11.Jilqa’ l-provvediment tal-Kummissjoni għall-finanzjament permezz tal-Programm l-UE għas-Saħħa, sabiex tappoġġja lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-politiki tas-saħħa, inklużi dawn il-miżuri rakkomandati; jappella għall-implimentazzjoni ta’ politiki tas-saħħa li għandhom l-għan li jappoġġjaw lin-nies biex jieqfu mit-tipjip, bħal konsultazzjonijiet u aċċess għal mediċini affordabbli biex jieqfu jpejpu;

12.Jiddeplora t-tnaqqis ta’ 20% mill-programm l-UE għas-Saħħa fl-ambitu tal-baġit tal-UE; jinsab imħasseb serjament dwar l-investiment fit-tul tal-UE għas-saħħa;

13.Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, bħala kwistjoni ta’ prijorità, reviżjoni tad-direttivi dwar ir-reklamar tat-tabakk[16], it-tassazzjoni fuq it-tabakk[17] u l-prodotti tat-tabakk;

14.Jissottolinja li hemm kunflitt fundamentali u irrikonċiljabbli bejn l-interessi tal-industrija tat-tabakk u l-interessi tal-politika tas-saħħa pubblika;

15.Jenfasizza li l-industrija tat-tabakk konxjament ċaħdet li l-prodotti tagħha kienu marbuta mal-kanċer u ddikjarat b’mod falz li d-duħħan second-hand ma kkawża l-ebda ħsara; jikkundanna l-fatt li din l-imġiba qarrieqa għadha għaddejja llum b’kumpaniji tat-tabakk, tas-sigaretti elettroniċi u kumpaniji oħra tan-nikotina li jaħbu n-natura ta’ dipendenza tal-prodotti tagħhom, filwaqt li jimmiraw direttament lejn it-tfal u l-adulti żgħażagħ b’reklami għall-prodotti perikolużi tagħhom[18];

16.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu miżuri addizzjonali biex inaqqsu n-natura attreanti u d-disponibbiltà tal-vapes, b’mod partikolari għat-tfal u ż-żgħażagħ;

17.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bħala firmatarji għall-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tad-WHO, jillimitaw b’mod effettiv l-interazzjonijiet tal-UE mal-industrija tat-tabakk, u jippermettu l-kontribut tal-industrija fil-konsultazzjonijiet pubbliċi biss, u jagħmlu dawk l-interazzjonijiet kompletament u proattivament trasparenti;

18.Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tiżviluppa inizjattivi ta’ “azjendi agrikoli ħielsa mit-tabakk” fl-ambitu tal-programmi ta’ appoġġ finanzjarju tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tipprevjeni l-pjantaġġuni tat-tabakk milli jaċċessaw il-finanzjament pubbliku tal-UE;

19.Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill, erba’ snin wara l-adozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni, dwar il-progress fl-implimentazzjoni tagħha u fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill fl-Istati Membri;

20.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Aġġornata l-aħħar: 25 ta' Novembru 2024
Avviż legali-Politika tal-privatezza