Ϸվ

Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B10-0182/2024Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B10-0182/2024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar id-deterjorament tal-kriżi demokratika tal-Georgia wara l-elezzjonijiet parlamentari reċenti u l-allegata frodi elettorali

22.11.2024-()

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Rasa Juknevičienė, Antonio López‑Istúriz White, Michael Gahler, Andrzej Halicki, David McAllister, Sebastião Bugalho, Isabel Wiseler‑Lima, Nicolás Pascual de la Parte, Mika Aaltola, Wouter Beke, Krzysztof Brejza, Daniel Caspary, Sandra Kalniete, Łukasz Kohut, Andrey Kovatchev, Ana Miguel Pedro, Davor Ivo Stier, Riho Terras, Matej Tonin, Milan Zver
f’isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuniRC-B10-0179/2024

ʰċܰ:
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument:
B10-0182/2024
Testi mressqa :
B10-0182/2024
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

10‑0182/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-deterjorament tal-kriżi demokratika tal-Georgia wara l-elezzjonijiet parlamentari reċenti u l-allegata frodi elettorali

()

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Georgia,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta’ Ottubru 2024 mill-kap tad-delegazzjoni ta’ osservazzjoni elettorali tal-Parlament Ewropew dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Georgia,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Ħbieb tal-Georgia, li jirrappreżenta l-parlamenti nazzjonali, tas-6 ta’ Novembru 2024 bit-titolu “On international inquiry commission to investigate irregularities of elections in Georgia” (Rigward il-kummissjoni ta’ inkjesta internazzjonali biex tinvestiga l-irregolaritajiet tal-elezzjonijiet fil-Georgia),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-sejbiet preliminari u l-konklużjonijiet maħruġa mill-missjoni internazzjonali ta’ osservazzjoni elettorali mmexxija mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) fir-rigward tal-elezzjonijiet parlamentari tas-26 ta’ Ottubru 2024 fil-Georgia,

wara li kkunsidra l-istatus tal-Georgia bħala pajjiż kandidat tal-UE, mogħti mill-Kunsill Ewropew fis-summit tiegħu tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2024 bit-titolu “2024 Communication on EU enlargement policy” (Komunikazzjoni tal-2024 dwar il-politika tat-tkabbir tal-UE) (), li tinkludi l-ewwel rapport ta’ progress dwar il-Georgia,

wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.billi l-elezzjonijiet parlamentari tal-Georgia tas-26 ta’ Ottubru 2024 offrew għażla ta’ kandidati, iżda ġew ivvizzjati minn irregolaritajiet serji, rapporti dokumentati ta’ manipulazzjoni tal-voti u s-soppressjoni tal-libertajiet tal-votanti, b’mod partikolari permezz ta’ intimidazzjoni, xiri tal-voti, fastidju tal-osservaturi, esklużjoni tal-media mill-postijiet tal-votazzjoni, traċċar tal-votanti u konfiska ta’ dokumenti ta’ identità f’żoni rurali; billi l-impjegati tas-settur pubbliku u r-riċevituri tal-benefiċċji soċjali ffaċċjaw pressjoni biex jappoġġjaw lill-partit fil-gvern;

B.billi l-elezzjonijiet parlamentari tal-Georgia tas-26 ta’ Ottubru 2024 immarkaw l-ewwel użu sħiħ mill-pajjiż ta’ sistema proporzjonali, b’apparat elettroniku għall-identifikazzjoni tal-votant u għall-għadd tal-voti; billi l-użu ta’ dawn it-teknoloġiji wassal għal tħassib dwar it-trasparenza, is-segretezza tal-vot u n-nuqqas ta’ verifika indipendenti;

C.billi l-emendi reċenti għall-Kodiċi Elettorali, inkluż it-tneħħija tal-kwoti tal-ġeneru, biddlu l-kompożizzjoni tal-Kumitat Elettorali Ċentrali u, flimkien mal-promulgazzjoni tal-Liġi dwar it-Trasparenza tal-Influwenza Barranija, illimitaw il-libertajiet fundamentali, stigmatizzaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u xekklu l-integrità tal-istituzzjonijiet demokratiċi tal-Georgia;

D.billi l-missjonijiet indipendenti ta’ osservazzjoni elettorali Georgjani rispettati kkonkludew li taħlita ta’ koerċizzjoni qabel l-elezzjoni, manipulazzjoni ta’ jum l-elezzjoni u aċċess ristrett għall-osservaturi kienet tfisser li l-elezzjonijiet ma kinux jirriflettu r-rieda vera tal-poplu Georgjan; billi sistema ta’ konfiska tal-karti tal-identità, ġbir tad-data u preżenza mhux awtorizzata ħolqot ambjent koerċittiv, li saħħet il-kompliċità tal-atturi statali fl-iffaċilitar tal-frodi elettorali; billi l-prinċipju tas-segretezza tal-votant inkiser b’mod wiesa’ fil-jum tal-elezzjoni; billi l-elezzjonijiet ġew imbagħbsa permezz ta’ taħlita ta’ intimidazzjoni tal-votant, ostruzzjoni tal-osservazzjoni u manipulazzjoni tal-proċeduri tal-votant;

E.billi l-anomaliji mifruxa fil-parteċipazzjoni elettorali u fl-ishma tal-vot tal-partiti għall-partit fil-gvern kienu konsistenti ma’ ħafna rapporti ta’ prattika elettorali ħażina;

F.billi l-Georgia, bħala pajjiż kandidat tal-UE, għandha tirrispetta bis-sħiħ il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u tissodisfa it-12-il pass stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023;

G.billi l-President tal-Georgia, Salome Zourabichvili, ikkundannat pubblikament l-elezzjonijiet bħala mbagħbsa, iddikjarat li ma kinitx se tirrikonoxxihom, u appellat għal investigazzjoni internazzjonali; billi l-oppożizzjoni demokratika kkontestat ukoll ir-riżultati tal-elezzjoni, u xi forzi politiċi tal-oppożizzjoni ddikjaraw li għandhom imnejn ma jokkupawx is-siġġijiet tagħhom fil-parlament il-ġdid;

H.billi, fid-dikjarazzjoni tiegħu wara l-elezzjonijiet, il-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà fakkar li l-osservaturi internazzjonali ma kinux iddikjaraw l-elezzjonijiet liberi u ġusti, talbu li jsiru inkjesta u investigazzjoni trasparenti dwar l-irregolaritajiet u l-pressjoni u l-intimidazzjoni tal-votanti, u enfasizza l-ħtieġa li titreġġa’ lura t-tendenza ta’ erożjoni demokratika fil-Georgia; billi, f’diskors waqt seduta ddedikata tal-Parlament, il-Viċi President tal-Kummissjoni Margaritis Schinas enfasizza li l-elezzjonijiet fil-Georgia ma laħqux l-istandards mistennija ta’ pajjiż li għandu status ta’ kandidat tal-UE;

1.Jikkundanna bil-qawwa l-bosta każijiet ta’ ksur elettorali serju rrapportat li seħħ matul l-elezzjonijiet parlamentari Georgjani tas-26 ta’ Ottubru 2024, inklużi każijiet dokumentati ta’ intimidazzjoni, manipulazzjoni tal-vot, tfigħ ta’ voti żejda, interferenza ma’ osservaturi tal-elezzjonijiet u l-media, u l-manipulazzjoni rrapportata li tinvolvi magni tal-votazzjoni elettroniċi li ppermettiet voti multipli għal kull dokument tal-identità;

2.Iqis li l-frodi elettorali estensiva rrapportata ddgħajjef l-integrità tal-proċess elettorali, il-leġittimità tar-riżultati u l-fiduċja tal-pubbliku fi kwalunkwe gvern ġdid, u ma sservix bħala rappreżentanza affidabbli tar-rieda tal-poplu Georgjan;

3.Jappoġġja l-appell għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti u trasparenti dwar l-allegazzjonijiet ta’ manipulazzjoni elettorali, intimidazzjoni tal-votant u ksur sistemiku, li ġew irrapportati li seħħew fil-perjodu ta’ qabel l-elezzjoni u f’jum l-elezzjoni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Georgjani jagħmlu l-protokolli tal-votazzjoni disponibbli u aċċessibbli għall-pubbliku biex jippermettu l-verifika mill-votanti;

4.Jilqa’ d-deċiżjoni mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) li jibgħat missjoni teknika fil-Georgia; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jistabbilixxu mandat ta’ missjoni wiesa’ li jmur lil hinn mil-limitazzjonijiet tal-qafas u l-metodoloġija ta’ osservazzjoni elettorali tal-OSKE, li huwa differenti b’mod sinifikanti mill-metodoloġija ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE, minħabba li l-metodoloġija tal-OSKE mhux dejjem kapaċi tkopri b’mod adegwat dak kollu li jseħħ f’pajjiż qabel il-jum tal-elezzjoni, b’mod partikolari f’pajjiżi bħall-Georgia fejn hemm sistema stabbilita sew ta’ pressjoni fuq l-uffiċjali pubbliċi, intimidazzjoni tal-votant u ostruzzjoni tal-osservaturi tal-elezzjoni lokali; jemmen li mandat ta’ missjoni wiesa’ bħal dan jagħmilha possibbli li tiġi vvalutata l-manipulazzjoni tal-qafas elettorali u ta’ miżuri preparatorji oħra fit-tul li jippermettu serq tal-voti, xiri tal-voti, intimidazzjoni tal-votant u irregolaritajiet elettorali, filwaqt li jiggarantixxi wkoll l-anonimità u l-protezzjoni għall-informaturi, ix-xhieda, ir-riċerkaturi u l-ġurnalisti fl-ambjent lokali attwali ta’ koerzjoni u intimidazzjoni; iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet Georgjani jikkooperaw mal-missjoni tal-UE, u jqis li n-nuqqas ta’ rieda li jikkooperaw ikompli jimmina l-leġittimità tal-elezzjonijiet;

5.Jirrikonoxxi l-kundanna qawwija tal-President Georgjan Salome Zourabichvili tal-elezzjonijiet bħala mbagħbsa u d-deċiżjoni tagħha li ma tirrikonoxxix ir-riżultati; jemmen li, bil-leġittimità tal-vot imdgħajfa ħafna mill-iskala tal-ksur, il-komunità internazzjonali ma għandhiex tirrikonoxxi r-riżultati tal-elezzjoni; jiċħad, għalhekk, ir-rikonoxximent tal-elezzjonijiet parlamentari u jitlob li dawn jerġgħu jsiru mill-ġdid, bil-proċess li jkun qed jitwettaq minn awtorità elettorali nazzjonali indipendenti, taħt superviżjoni internazzjonali stretta, biex jiġi żgurat proċess elettorali ġenwinament ġust u trasparenti;

6.Jesprimi tħassib serju dwar it-tnaqqis sinifikanti fir-rappreżentanza politika tan-nisa fil-Georgia, li kien aggravat bl-abolizzjoni tal-kwoti tal-ġeneru, u jappella għal bidliet leġiżlattivi biex tiġi mħeġġa l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politika;

7.Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimponu sanzjonijiet personali fuq l-uffiċjali u l-mexxejja politiċi fil-Georgia li huma responsabbli għal ksur elettorali, abbużi amministrattivi u l-użu ħażin tal-istituzzjonijiet tal-Istat; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill u lis-sħab demokratiċi tal-UE biex jimponu sanzjonijiet personali mmirati u immedjati fuq Bidzina Ivanishvili għar-rwol tiegħu fid-deterjorament tal-proċess politiku fil-Georgia, u li jiffriżaw l-assi kollha tiegħu fl-UE;

8.Jenfasizza li r-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa vitali għall-parametri referenzjarji tal-UE għal-liberalizzazzjoni tal-viża u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jirrieżaminaw l-istatus mingħajr viża tal-Georgia, bil-possibbiltà ta’ sospensjoni jekk jitqies li l-istandards tal-UE dwar il-governanza u l-libertajiet demokratiċi mhumiex qed jiġu rrispettati; jissottolinja li l-ivvjaġġar mingħajr viża huwa vvalutat b’mod speċjali miż-żgħażagħ tal-Georgia u li l-kontinwazzjoni tiegħu tiddependi mill-impenn tal-Georgia għall-valuri tal-UE; jappella għas-sospensjoni immedjata tal-ivvjaġġar mingħajr viża għad-detenturi tal-passaport diplomatiku u tas-servizz u għal dawk kollha implikati fi ksur elettorali;

9.Ifakkar li, bħala riżultat tal-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni antidemokratika ġdida, bħal-Liġi dwar it-Trasparenza tal-Influwenza Barranija, il-proċess tal-integrazzjoni tal-Georgia fl-UE ġie sospiż b’mod effettiv; Ifakkar li l-UE ffriżat ukoll l-allokazzjoni ta’ fondi lill-Georgia; jissottolinja li l-erożjoni demokratika kontinwa fil-Georgia mhijiex biss żvilupp deplorevoli, meta wieħed iqis li l-Georgia xi darba kienet promotur tal-aspirazzjonijiet Ewro-Atlantiċi, iżda jeħtieġ ukoll li titreġġa’ lura sabiex ir-relazzjonijiet tal-pajjiż mal-UE jerġgħu jaqbdu t-triq it-tajba; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-ambjent politiku fil-Georgia jindika bidla awtoritarja mill-partit fil-gvern u jittradixxi l-aspirazzjonijiet favur l-Ewropa tal-poplu Georgjan;

10.Ifakkar li l-Kunsill Ewropew ta lill-Georgia l-istatus ta’ kandidat fis-summit tiegħu tal-14 u tal-15 ta’ Diċembru 2023 bil-fehim li jittieħdu l-passi rilevanti kif stabbilit fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023; jisħaq li l-elezzjonijiet parlamentari reċenti jmorru b’mod ċar kontra din l-ambizzjoni u jikkonfermaw mill-ġdid li d-deċiżjoni li l-integrazzjoni tal-UE tal-Georgia tiġi sospiża b’mod effettiv kienet waħda tajba; jissottolinja li l-politiki implimentati mill-partit fil-gvern, Ħolma Georgjana, huma inkompatibbli mal-integrazzjoni Ewro-Atlantika tal-Georgia;

11.Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-aspirazzjonijiet Ewropej leġittimi tan-nies tal-Georgia u għax-xewqa tagħhom li jgħixu f’pajjiż prosperu u demokratiku, ħieles mill-korruzzjoni, li jirrispetta bis-sħiħ il-libertajiet fundamentali, jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u jiggarantixxi soċjetà miftuħa, media indipendenti u elezzjonijiet ġusti;

12.Jitlob lill-Kummissjoni tuża l-EUR120miljun iffriżati oriġinarjament maħsuba bħala appoġġ għall-awtoritajiet Georgjani biex ittejjeb l-appoġġ tal-UE lis-soċjetà ċivili tal-Georgia, b’mod partikolari s-settur mhux governattiv u l-media indipendenti, li qed jispiċċaw dejjem aktar taħt pressjoni bla bżonn mill-partit politiku fil-gvern u mill-awtoritajiet;

13.Itenni bil-qawwa t-talba urġenti tiegħu għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-eks President Mikheil Saakashvili minħabba raġunijiet umanitarji bil-għan li jfittex trattament mediku barra mill-pajjiż; jenfasizza li l-Gvern Georgjan iġorr ir-responsabbiltà sħiħa u inkontestabbli għall-ħajja, is-saħħa, is-sikurezza u l-benesseri tal-eks President Mikheil Saakashvili u jeħtieġlu jinżamm kompletament responsabbli għal kwalunkwe ħsara li tiġrilu;

14.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Georgia.

Aġġornata l-aħħar: 26 ta' Novembru 2024
Avviż legali-Politika tal-privatezza