Ϸվ

Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B10-0057/2025Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B10-0057/2025

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar il-ħtieġa ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-oppressjoni kontinwa u l-elezzjonijiet farsa fil-Belarussja

17.1.2025-()

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Ondřej Kolář, Michael Gahler, Andrzej Halicki, Sebastião Bugalho, David McAllister, Tomas Tobé, Željana Zovko, Isabel Wiseler‑Lima, Nicolás Pascual de la Parte, Mika Aaltola, Wouter Beke, Krzysztof Brejza, Daniel Caspary, Rasa Juknevičienė, Sandra Kalniete, Seán Kelly, Łukasz Kohut, Andrey Kovatchev, Miriam Lexmann, Reinhold Lopatka, Antonio López‑Istúriz White, AnaMiguel Pedro, Paulius Saudargas, Liesbet Sommen, Davor Ivo Stier, Michał Szczerba, Alice Teodorescu Måwe, Ingeborg TerLaak, Matej Tonin, Milan Zver
f’isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuniRC-B10-0055/2025

ʰċܰ:
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument:
B10-0057/2025
Testi mressqa :
B10-0057/2025
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

10‑0057/2025

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħtieġa ta’ azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-oppressjoni kontinwa u l-elezzjonijiet farsa fil-Belarussja

()

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Frar 2024 u tat-12 ta’ Ottubru 2020 dwar il-Belarussja,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22 ta’ Ottubru 2021 dwar il-Belarussja,

wara li kkunsidra r-rapport tal-25 ta’ Marzu 2024 tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja fil-kuntest tat-tħejjija għall-elezzjoni presidenzjali tal-2020 u warajha,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-1 ta’ Awwissu 2024 dwar il-ħelsien ta’ għadd ta’ priġunieri politiċi u tas-26 ta’ Frar 2024 dwar l-elezzjonijiet parlamentari u lokali,

wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.billi, wara l-elezzjonijiet presidenzjali frodulenti ta’ Awwissu 2020, ir-reġim ta’ Lukashenka attakka sistematikament l-attivisti politiċi, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u t-trejdjunjonisti, u ssoġġetta eluf għal detenzjoni arbitrarja u repressjoni;

B.billi l-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja ġie ddokumentat, inklużi t-tortura, id-detenzjoni arbitrarja, l-għajbien furzat, il-ħtif ta’ persuni u t-trażżin tal-libertajiet fundamentali;

C.billi fl-2024 Lukashenka ħafer lil madwar 230priġunier politiku; billi, minkejja dawn il-maħfriet, aktar minn 1500 priġunier politiku għadhom detenuti b’mod arbitrarju u inġust, fejn ħafna minnhom huma soġġetti għal kundizzjonijiet inumani u ta’ theddida għall-ħajja, inklużi t-tortura, iċ-ċaħda tal-kura medika, iż-żjarat ristretti tal-familja u r-reklużjoni;

D.billi skont iċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem “Viasna”, mill-anqas 360persuna ġew detenuti bejn Lulju u Settembru 2024, u ħafna mexxejja tal-oppożizzjoni demokratika għadhom il-ħabs, inkluż il-fundatur ta’ “Viasna” u r-rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi Ales Bialiatski, Pavel Seviarynets, kopresident tad-Demokrazija Kristjana Belarussa, partit membru osservatur tal-PPE, Siarhei Tsikhanouski, Viktar Babaryka, Maryia Kalesnikava u Mikalai Statkevich; billi matul dawn l-aħħar tliet snin mietu mill-anqas sitt priġunieri politiċi waqt li kienu arrestati f’ċirkostanzi suspettużi, u dan jenfasizza l-kundizzjonijiet imwiegħra fil-ħabsijiet Belarussi;

E.billi l-Belarussi eżiljati jiffaċċjaw persekuzzjoni kontinwa, inkluż l-użu ħażin tal-mandati ta’ arrest tal-Interpol biex jiffaċilitaw l-estradizzjoni ta’ avversarji politiċi minn pajjiżi mhux tal-UE; billi mill-2020 ’l hawn madwar 500000 Belarussu ġew imġiegħla jitilqu minn pajjiżhom u għadhom jiffaċċjaw persekuzzjoni politika barra mill-pajjiż;

F.billi l-miżuri repressivi fil-Belarussja qed jattakkaw dejjem aktar il-libertà reliġjuża, bl-adozzjoni reċenti tal-liġi dwar il-libertà tal-kuxjenza u l-organizzazzjonijiet reliġjużi, li tirrikjedi li sal-5 ta’ Lulju 2025 l-organizzazzjonijiet reliġjużi u bbażati fuq twemmin kollha jeħtiġilhom jirreġistraw mill-ġdid, u b’hekk toħloq theddida serja għad-drittijiet u l-eżistenza ta’ komunitajiet reliġjużi;

G.billi r-reġim beħsiebu jorganizza l-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali fis-26 ta’ Jannar 2025, f’kundizzjonijiet li jmorru kontra l-istandards kollha rikonoxxuti internazzjonalment, fejn Lukashenka għandu l-għan li jiżgura s-seba’ mandat;

H.billi l-kampanja elettorali presidenzjali attwali qed titwettaq f’ambjent ta’ repressjoni severa, u tonqos milli tissodisfa anke l-istandards minimi tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa għal elezzjonijiet demokratiċi; billi l-kandidati tal-oppożizzjoni huma pprojbiti milli jipparteċipaw, il-libertà tal-media hija ristretta ħafna, il-votanti jiffaċċjaw intimidazzjoni, u n-nuqqas ta’ osservazzjoni elettorali indipendenti jkompli jdgħajjef il-leġittimità tal-proċess elettorali;

I.billi r-reġim ta’ Lukashenka fil-Belarussja qed jippermetti direttament l-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna, fost l-oħrajn billi jippermetti lir-Russja tattakka lill-Ukrajna, inkluż permezz tal-isparar ta’ missili ballistiċi mit-territorju tal-Belarussja, jippermetti l-istazzjonar u t-trasport ta’ persunal militari Russu u l-ħżin u t-trasport ta’ tagħmir militari u armi, inklużi armi tqal, jippermetti lill-inġenji tal-ajru militari Russi jtiru fuq l-ispazju tal-ajru tal-Belarussja lejn l-Ukrajna u jipprovdi punti ta’ riforniment tal-fjuwil;

1.Itenni li ma jirrikonoxxix l-elezzjoni ta’ Aliaksandr Lukashenka għall-kariga ta’ President tal-Belarussja; iqis li r-reġim attwali fil-Belarussja huwa illeġittimu, illegali u kriminali; jafferma mill-ġdid l-appoġġ sod tiegħu għall-poplu Belarussu fl-insegwiment tiegħu tad-demokrazija, il-libertà u d-drittijiet tal-bniedem; jesprimi solidarjetà mal-forzi demokratiċi Belarussi u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-isforzi tagħhom biex jistabbilixxu Belarussja sovrana, demokratika u prospera;

2.Jiddenunzja n-nuqqas ta’ libertà, ġustizzja u trasparenza qabel l-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali fil-Belarussja u jitlob lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali jirrifjutaw il-proċess elettorali falz u joqogħdu lura milli jirrikonoxxu lil Aliaksandr Lukashenka bħala President tal-Belarussja;

3.Ifakkar li l-kampanja elettorali farsa li għaddejja bħalissa u l-hekk imsejħa elezzjonijiet sussegwenti ma jissodisfaw l-ebda standard elettorali rikonoxxut internazzjonalment; ifakkar li mhux se jkun hemm missjonijiet ta’ osservazzjoni internazzjonali indipendenti preżenti fil-Belarussja għall-“elezzjoni”; iqis li l-proċess ta’ “elezzjoni” li għaddej bħalissa huwa farsa;

4.Iħeġġeġ lill-UE u lis-sħab internazzjonali jidentifikaw minnufih, jiffriżaw u jikkunsidraw li jikkonfiskaw l-assi ta’ entitajiet u individwi li jorganizzaw l-hekk imsejħa kampanja elettorali ta’ Lukashenka, inkluża l-Federazzjoni tat-Trade Unions tal-Belarussja;

5.Jiddeplora l-ksur gravi li għaddej tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi fil-Belarussja, li kompla jintensifika matul it-tħejjija tal-hekk imsejħa elezzjonijiet presidenzjali; jikkundanna r-repressjoni sistematika mwettqa mill-Belarussja, li tinkludi arresti arbitrarji, tortura, fastidju u t-trattament ħażin tad-detenuti; itenni t-talba tiegħu għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-individwi kollha detenuti għall-fehmiet politiċi tagħhom fil-Belarussja; jistieden lir-reġim ta’ Lukashenka jtemm il-forom kollha ta’ repressjoni u jiggarantixxi l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini Belarussi;

6.Jesprimi t-tħassib kbir dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri politiċi, inklużi Maria Kalesnikava, Siarhei Tsikhanouski, Ales Bialiatski, Mikalai Statkevich, Mikalai Khila, Valiantsin Stefanovic, Maksim Znak, Viktar Babaryka, Ihar Losik, Andrzej Poczobut, Palina Sharenda-Panasiuk, Uladzimir Matskevich, Marfa Rabkova, Uladzimir Labkovich, Aliaksandr Yarashuk, Yana Pinchuk, Mikalai Bankou, Andrei Navitski, Henrykh Akalatovich, Uladzimir Kniha u oħrajn, li ħafna minnhom qed jiffaċċjaw kwistjonijiet serji ta’ saħħa mingħajr aċċess għal kura medika xierqa u għadhom qed isofru l-iżolament, it-trattament ħażin u t-tortura;

7.Itenni l-istedina tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi biex jirrispettaw id-drittijiet tad-detenuti, jipprovdu kura medika u jagħtu aċċess lill-avukati, lill-familji u lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar;

8.Itenni l-appell tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jappoġġjaw lill-priġunieri politiċi u lill-familji tagħhom billi jitolbu, f’kull opportunità, il-ħelsien immedjat tagħhom, isejħu lill-ambaxxaturi tar-reġim biex jitolbu prova tal-kundizzjoni u l-post tagħhom, jissimplifikaw il-proċeduri għall-kisba ta’ viżi u ta’ dokumenti ta’ identifikazzjoni proviżorji għal dawk li qed jaħarbu mill-Belarussja, u jipprovdu riabilitazzjoni u appoġġ prattiku u finanzjarju;

9.Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-Belarussi eżiljati jiġu protetti mill-persekuzzjoni u l-fastidju min-naħa tar-reġim ta’ Lukashenka;

10.Jiddeplora l-fatt li l-miżuri repressivi fil-Belarussja espandew biex jinkludu attakki fuq il-libertà reliġjuża, permezz tal-adozzjoni tal-liġi dwar il-libertà tal-kuxjenza u l-organizzazzjonijiet reliġjużi, li tikser b’mod serju d-dritt fundamentali għal-libertà tar-reliġjon, tal-kuxjenza u tat-twemmin; iħeġġeġ lir-reġim ta’ Lukashenka jwaqqaf minnufih il-persekuzzjoni tal-komunitajiet reliġjużi u tal-Knejjes;

11.Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-forzi demokratiċi mmexxija minn Sviatlana Tsikhanouskaya b’kull mod possibbli;

12.Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-involviment tar-reġim ta’ Lukashenka fil-gwerra ta’ aggressjoni mhux ġustifikata, illegali u mhux provokata tar-Russja kontra l-Ukrajna; iqis li r-reġim ta’ Lukashenka sar kompliċi fid-delitti mwettqa mir-Russja fl-Ukrajna; iqis, barra minn hekk, li t-tribunal internazzjonali speċjali dwar id-delitt ta’ aggressjoni mwettaq mir-Russja kontra l-Ukrajna jrid ikollu wkoll il-ġuriżdizzjoni li jinvestiga t-tmexxija Belarussa;

13.Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsibu perkorsi legali biex jissekwestraw l-assi tat-tmexxija Belarussa u l-entitajiet Belarussi relatati involuti fl-isforz tal-gwerra tar-Russja u jużawhom biex jappoġġjaw ir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna;

14.Jiddenunzja t-trasferiment illegali ta’ eluf ta’ tfal, inklużi orfni, minn żoni tal-Ukrajna okkupati mir-Russi għall-hekk imsejħa kampijiet ta’ rikreazzjoni fil-Belarussja, fejn huma soġġetti għal Russifikazzjoni u indottrinazzjoni; jikkundanna bil-qawwa l-involviment tas-Salib l-Aħmar tal-Belarussja fid-deportazzjoni illegali tat-tfal Ukreni;

15.Iħeġġeġ lill-UE u lis-sħab internazzjonali tagħha jsaħħu s-sanzjonijiet kontra individwi u entitajiet, bħall-KGB Belarussu, li huma responsabbli għar-repressjoni tal-avversarji politiċi u għall-parteċipazzjoni tal-Belarussja fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jitlob lill-UE tallinja r-reġim ta’ sanzjonijiet tagħha għall-Belarussja ma’ dak applikat għar-Russja;

16.Jistieden lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali jħejju t-triq għall-prosekuzzjoni kriminali ta’ Aliaksandr Lukashenka u tal-uffiċjali Belarussi li huma responsabbli li ffalsifikaw ir-riżultati elettorali tal-2020 u eskalaw il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem wara l-elezzjoni, skont il-prinċipji aċċettati ta’ ġuriżdizzjoni extraterritorjali u universali; jenfasizza l-ħidma imprezzabbli mwettqa mid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili fuq il-post li qed jimmonitorjaw, jiddokumentaw u jirrapportaw il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u r-reati kontra l-umanità li qed iseħħu fil-Belarussja, sabiex jiġu żgurati akkontabbiltà u ġustizzja sussegwenti għall-vittmi;

17.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Unjoni/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvern Ġappuniż, lir-rappreżentanti tal-forzi demokratiċi Belarussi u lill-awtoritajiet de facto Belarussi.

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' Jannar 2025
Avviż legali-Politika tal-privatezza