Ϸվ

Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B10-0061/2025Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B10-0061/2025

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat DP910521 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

4.2.2025-(D102174/03 – )

imressqa skont l-Artikolu 115(2) u (3) tar-Regoli ta’ Proċedura

Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Membri responsabbli: Martin Häusling, Biljana Borzan, Anja Hazekamp


ʰċܰ:
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument:
B10-0061/2025
Testi mressqa :
B10-0061/2025
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

10‑0061/2025

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti li fihom, li jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat DP910521, skont ir-Regolament (KE) Nru 1892/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D102174/03 – ()

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat DP910521 skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D102174/03),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 7(3) u l-Artikolu 19(3) tiegħu,

wara li kkunsidra l-votazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tat-22 ta’ Novembru 2024, fejn ma ngħatat ebda opinjoni, u l-votazzjoni tal-Kumitat ta’ Appell tas-17 ta’ Diċembru 2024, fejn ukoll ma ngħatat ebda opinjoni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[2],

wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fid-19 ta’ Ġunju 2024, u ppubblikata fl-1 ta’ Awwissu 2024[3],

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta’ organiżmi ġenetikament modifikati (“OĠM”)[4],

wara li kkunsidra l-Artikolu 115(2) u (3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.billi fis-27 ta’ Ġunju 2022, Corteva Agrisscience Belgium B.V., ibbażata fil-Belġju, f’isem Corteva Agriscience LLC, ibbażata fl-Istati Uniti, ippreżentat applikazzjoni lill-awtorità nazzjonali kompetenti tan-Netherlands għat-tqegħid fis-suq ta’ ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li fihom, jikkonsistu minn jew huma prodotti minn qamħirrum ġenetikament modifikat DP910521 (il-“qamħirrum ĠM”);

B.billi l-qamħirrum ĠM jipproduċi t-tossina Cry1B.34 u huwa reżistenti għall-erbiċida glufosinat;

C.billi l-glufosinat huwa kklassifikat bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni 1B u għalhekk jissodisfa l-“kriterji ta’ limitu” stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[5]; billi l-approvazzjoni għall-użu tal-glufosinat fl-Unjoni skadiet fil-31 ta’ Lulju 2018;

D.billi l-Cry1B.34 hija proteina tal-fużjoni sintetika li tgħaqqad il-Cry1B, il-Cry1Ca1 u l-Cry9Db1, mibnija għar-reżistenza tal-insetti kontra l-pesti lepidopteran, mingħajr ma wriet speċifiċità għall-ispeċijiet fil-mira;

E.billi l-modifika ġenetika tinkludi proċess f’żewġ stadji bl-użu tal-CRISPR/Cas9 biex jiddaħħal “pad għall-inżul”, segwit minn bumbardament ta’ mikroprojettili għall-inserzjoni tal-kasett tal-espressjoni tal-ġeni;

Nuqqas ta’ valutazzjoni tal-erbiċida komplementari

F.billi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 503/2013[6] jeżiġi valutazzjoni dwar jekk il-prattiki agrikoli mistennija jinfluwenzawx l-eżitu tal-punti tat-tmiem studjati; billi, skont dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, dan huwa speċjalment rilevanti għal pjanti tolleranti għall-erbiċidi;

G.billi l-maġġoranza l-kbira tal-għelejjel ĠM ġew ġenetikament modifikati sabiex ikunu tolleranti għal erbiċida “komplementari” waħda jew aktar li jistgħu jintużaw matul il-kultivazzjoni tal-għalla ĠM, mingħajr ma l-għalla tmut, kif ikun il-każ għal għalla mhux tolleranti għall-erbiċidi; billi hemm għadd ta’ studji li juru li l-għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi jirriżultaw f’użu akbar ta’ erbiċidi komplementari, fil-biċċa l-kbira minħabba li jfeġġ ħaxix ħażin tolleranti għall-erbiċidi[7];

H.billi l-għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi jillimitaw lill-bdiewa f’sistema ta’ ġestjoni tal-ħaxix ħażin li hija fil-biċċa l-kbira jew kompletament dipendenti fuq l-erbiċidi, u tagħmel dan billi titlob premium għaż-żrieragħ ĠM li jista’ jiġi ġġustifikat biss jekk il-bdiewa li jixtru tali żrieragħ ibexxu wkoll l-erbiċidi komplementari; billi dipendenza akbar fuq erbiċidi komplementari fuq azjendi agrikoli li jħawlu l-għelejjel ĠM se tħaffef il-ħruġ mill-ġdid u t-tixrid ta’ ħaxix ħażin reżistenti għal dawk l-erbiċidi, u b’hekk tiskatta l-ħtieġa ta’ aktar użu ta’ erbiċidi, ċirku vizzjuż magħruf bħala “l-ispirall tal-erbiċidi”;

I.billi l-impatti negattivi li jirriżultaw mid-dipendenza eċċessiva fuq l-erbiċidi se jaggravaw fir-rigward tas-saħħa tal-ħamrija, il-kwalità tal-ilma, u l-bijodiversità ta’ fuq u ta’ taħt l-art, u jwasslu għal żieda fl-esponiment tal-bniedem u tal-annimali, potenzjalment ukoll permezz ta’ żieda fir-residwi tal-erbiċidi fl-ikel u l-għalf;

J.billi l-valutazzjoni tar-residwi ta’ erbiċidi u tal-metaboliti misjuba fi pjanti ĠM titqies li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Bord tal-EFSA dwar Organiżmi Ġenetikament Modifikati (“il-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM”) u għalhekk ma ssirx bħala parti mill-proċess ta’ awtorizzazzjoni għall-OĠM;

Kwistjonijiet pendenti dwar it-tossini Bt

K.billi għadd ta’ studji juru li ġew osservati effetti sekondarji li jistgħu jaffettwaw is-sistema immunitarja wara esponiment għal tossini Bt u li xi tossini Bt jista’ jkollhom proprjetajiet aġġuvanti[8], li jfisser li jistgħu jżidu l-allerġeniċità ta’ proteini oħra li jiġu f’kuntatt magħhom;

L.billi studju xjentifiku sab li t-tossiċità tat-tossini Bt tista’ tissaħħaħ ukoll permezz ta’ interazzjoni mar-residwi mill-bexx bl-erbiċidi, u li huma meħtieġa aktar studji dwar l-effetti kombinatorji ta’ events ta’ trasformazzjoni multipli (għelejjel ĠM li ġew immodifikati biex ikunu tolleranti għall-erbiċidi u jipproduċu insettiċidi fil-forma ta’ tossini Bt)[9]; billi l-valutazzjoni tal-interazzjoni potenzjali ta’ residwi tal-erbiċidi u l-metaboliti tagħhom mat-tossini Bt titqies, madankollu, li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM u għalhekk ma ssirx bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju;

Għelejjel Bt: effetti fuq organiżmi li mhumiex fil-mira

M.billi, għall-kuntrarju tal-użu ta’ insettiċidi, meta l-esponiment ikun fiż-żmien tal-bexx u għal perjodu limitat wara, l-użu ta’ għelejjel Bt ĠM iwassal għal esponiment kontinwu tal-organiżmi fil-mira u dawk mhux fil-mira għat-tossini Bt;

N.billi s-suppożizzjoni li t-tossini Bt juru modalità ta’ azzjoni waħda speċifika għall-mira ma tistax tibqa’ titqies bħala korretta u l-effetti fuq organiżmi mhux fil-mira ma jistgħux jiġu esklużi; billi ġie rrapportat li għadd dejjem akbar ta’ organiżmi mhux fil-mira jiġu affettwati b’ħafna modi;

Kummenti tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati

O.billi l-Istati Membri ppreżentaw ħafna kummenti kritiċi lill-EFSA matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni ta’ tliet xhur[10], inkluż li l-lista ta’ studji rilevanti, identifikati fir-rieżami tal-letteratura tal-applikant, ma kinitx tinkludi studji dwar id-destin tal-proteini Bt fl-ambjent jew dwar l-effetti potenzjali tar-residwi tal-għelejjel Bt fuq organiżmi li mhumiex fil-mira minkejja li tali studji jeżistu;

P.billi l-provi fuq il-post imwettqa għall-analiżi tal-kompożizzjoni u għall-analiżi fenotipika tal-qamħirrum ĠM naqsu milli jikkunsidraw kundizzjonijiet ambjentali diversi u sfondi ġenetiċi rilevanti għall-kultivazzjoni tiegħu, b’mod partikolari f’pajjiżi bħall-Brażil;

Q.billi l-valutazzjoni tat-tossiċità tal-Cry1B.34 ma tqisx l-effetti kombinatorji mal-kostitwenti tal-pjanti jew mar-residwi mill-applikazzjonijiet tal-erbiċida;

R.billi l-glufosinat, l-erbiċida komplementari, huwa assoċjat ma’ riskji sinifikanti għall-bijodiversità, għall-kwalità tal-ħamrija u tal-ilma, u għas-saħħa tal-ekosistema fit-tul;

S.billi r-riskju tal-fluss tal-ġeni lejn qraba selvaġġi bħal teosinte, irrapportat fi Spanja u fi Franza, iqajjem tħassib dwar il-persistenza transġene u l-impatti ambjentali;

T.billi r-rekwiżiti ta’ monitoraġġ skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 503/2013 mhumiex indirizzati b’mod adegwat, b’ebda verifika indipendenti tad-data pprovduta;

L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi globali u r-rispett tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni

U.billi l-konklużjonijiet tad-Djalogu Strateġiku dwar il-Futur tal-Agrikoltura fl-UE[11] jistiednu lill-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid l-approċċ tagħha dwar l-aċċess għas-suq għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet agroalimentari, minħabba l-isfida tal-istandards diverġenti tal-Unjoni u tas-sħab kummerċjali tagħha; billi relazzjonijiet kummerċjali aktar ġusti, fuq livell globali, koerenti mal-miri għal ambjent b’saħħtu kienu waħda mit-talbiet ewlenin tal-bdiewa matul id-dimostrazzjonijiet tal-2023 u l-2024;

V.billi rapport tal-2017 mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-dritt għall-ikel sab li, b’mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-pestiċidi perikolużi għandhom impatti katastrofiċi fuq is-saħħa[12]; billi l-Mira 3.9 tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (“SDG tan-NU”) tan-NU għandha l-għan li sal-2030 tnaqqas b’mod sostanzjali l-għadd ta’ mwiet u mard minn sustanzi kimiċi perikolużi u t-tniġġis u l-kontaminazzjoni tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija[13];

W.billi l-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal, li sar qbil fuqu fil-COP15 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika (“KDB tan-NU”) ta’ Diċembru 2022, jinkludi mira globali biex sal-2030 ir-riskju tal-pestiċidi jitnaqqas b’mill-anqas 50%[14];

X.billi r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 jiddikjara li l-ikel jew l-għalf ĠM ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u jeżiġi li l-Kummissjoni tqis kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti fid-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħra rilevanti għall-kwistjoni taħt kunsiderazzjoni meta tkun qed tabbozza d-deċiżjoni tagħha; billi tali fatturi leġittimi għandhom jinkludu l-obbligi tal-Unjoni skont l-SDGs tan-NU u l-KDB tan-NU;

It-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-għalf importat

Y.billi waħda mit-tagħlimiet mill-kriżi tal-COVID-19 u l-gwerra li għadha għaddejja fl-Ukrajna hija l-ħtieġa li l-Unjoni ttemm id-dipendenzi fuq xi materjali kritiċi; billi fl-ittra ta’ missjoni lill-Kummissarju Christophe Hansen, il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, titolbu jfittex modi kif jitnaqqsu l-importazzjonijiet ta’ komoditajiet kritiċi[15];

Proċess deċiżjonali mhux demokratiku

Z.billi, fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta total ta’ 36 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għall-introduzzjoni fis-suq ta’ OĠM għall-ikel u għall-għalf (33 riżoluzzjoni) u għall-kultivazzjoni ta’ OĠM fl-Unjoni (tliet riżoluzzjonijiet); billi, fid-disa’ mandat tiegħu, il-Parlament adotta 38 riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għat-tqegħid tal-OĠM fis-suq u adotta 8 riżoluzzjonijiet oħra li joġġezzjonaw għat-tqegħid tal-OĠM fis-suq diġà fl-għaxar terminu attwali;

AA.billi minkejja r-rikonoxximent tagħha stess tan-nuqqasijiet demokratiċi, in-nuqqas ta’ appoġġ mill-Istati Membri u l-oġġezzjonijiet tal-Parlament, il-Kummissjoni qiegħda tkompli tawtorizza l-OĠM;

AB.billi mhija meħtieġa l-ebda bidla fil-liġi biex il-Kummissjoni tkun tista’ ma tawtorizzax l-OĠM meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta’ Stati Membri favur fil-Kumitat ta’ Appell[16];

AC.billi l-votazzjoni tat-22 ta’ Ottubru 2024 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ma tat l-ebda opinjoni, li jfisser li l-awtorizzazzjoni ma kinitx appoġġjata minn maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri; billi anke l-votazzjoni tas-17 ta’ Diċembru 2024 tal-Kumitat ta’ Appell ma tat ebda opinjoni;

1.Iqis li l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta’ implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 1829/2003;

2.Iqis li l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhuwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, f’konformità mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[17], huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward tal-ikel u l-għalf ĠM, jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, u l-interessi tal-ambjent u tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;

3.Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tagħha u tippreżenta abbozz ġdid lill-kumitat;

4.Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-konverġenza tal-istandards bejn l-Unjoni u s-sħab tagħha fin-negozjati dwar il-ftehim ta’ kummerċ ħieles, sabiex jintlaħqu l-istandards tas-sikurezza tal-Unjoni;

5.Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizzax il-qamħirrum ĠM minħabba ż-żieda fir-riskji għall-bijodiversità, għas-sikurezza tal-ikel u għas-saħħa tal-ħaddiema f’konformità mal-approċċ “Saħħa Waħda”;

6.Jistenna li l-Kummissjoni, bħala kwistjoni ta’ urġenza, twettaq l-impenn tagħha[18] li tressaq proposta biex tiżgura li s-sustanzi kimiċi perikolużi pprojbiti fl-Unjoni ma jiġux prodotti għall-esportazzjoni;

7.Jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni fl-aħħar irrikonoxxiet, f’ittra datata l-11 ta’ Settembru 2020 lill-Membri, il-ħtieġa li titqies is-sostenibbiltà fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni dwar OĠM[19]; jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu, madankollu, li, minn dak iż-żmien ’l hawn il-Kummissjoni kompliet tawtorizza OĠM għall-importazzjoni fl-Unjoni, minkejja l-oġġezzjonijiet kontinwi mill-Parlament u bil-maġġoranza tal-Istati Membri jivvutaw kontra;

8.Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, għal darba oħra, tqis l-obbligi tal-Unjoni fl-ambitu tal-ftehimiet internazzjonali, bħall-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, il-KDB tan-NU u l-SDGs tan-NU; itenni l-appell tiegħu li l-abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni jkunu akkumpanjati minn memorandum ta’ spjegazzjoni li jispjega kif dawn jirrispettaw il-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara”[20];

9.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Frar 2025
Avviż legali-Politika tal-privatezza