MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar id-diżinformazzjoni u l-falsifikazzjoni tal-istorja min-naħa tar-Russja biex tiġġustifika l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna
20.1.2025-()
skont l-Artikolu136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Bernard Guetta, Petras Auštrevičius, Malik Azmani, Dan Barna, Olivier Chastel, Karin Karlsbro, Ľubica Karvašová, Ilhan Kyuchyuk, Michał Kobosko, Jan‑Christoph Oetjen, Urmas Paet, Marie‑Agnes Strack‑Zimmermann, Eugen Tomac, Hilde Vautmans, Sophie Wilmès, Lucia Yar, Dainius Žalimas
f’isem il-Grupp Renew
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuniRC-B10-0074/2025
10‑0077/2025
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-diżinformazzjoni u l-falsifikazzjoni tal-istorja min-naħa tar-Russja biex tiġġustifika l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna
()
Il-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u l-Ukrajna,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-tifkira tal-istorja,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tat-23ta’Settembru2008 dwar il-proklamazzjoni tat-23ta’Awwissu bħala l-Jum Ewropew ta’ Tifkira tal-Vittmi tal-Istaliniżmu u tan-Nażiżmu[1],
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni1481 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, tas-26ta’Jannar2006, dwar il-ħtieġa ta’ kundanna internazzjonali tad-delitti tar-reġimi komunisti totalitarji,
–wara li kkunsidra l-Artikolu136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A.billi r-Russja sistematikament tuża d-diżinformazzjoni u l-falsifikazzjoni tal-istorja biex tiġġustifika l-gwerra illegali ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna;
B.billi l-Kremlin jimmanipula narrattivi tal-istorja biex jinċita nostalġija imperjali, jilleġittimizza l-aggressjoni u jiċħad is-sovranità tal-Ukrajna u ta’ Stati ġirien oħra;
C.billi d-duttrina politika “Russkiy mir”, jew id-“dinja Russa”, imsaħħa mill-istrutturi stabbiliti, tintuża biex tippromwovi l-perspettiva dinjija Russa, tespandi d-dominazzjoni tar-Russja fil-pajjiżi ġirien u madwar id-dinja, u tiġġustifika l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna;
D.billi, ftit wara Frar 2022, il-propaganda tal-Istat Russu bdiet tiffoka fuq l-indottrinazzjoni tat-tfal tal-iskola Russi billi pproduċiet kotba tal-iskola tal-istorja miktuba mill-ġdid li fihom il-gwerra ta’ aggressjoni hija ppreżentata bħala “missjoni biex tiġi lliberata l-Ukrajna”, mingħajr ma jissemmew l-atroċitajiet imwettqa mill-militar Russu; billi, barra minn hekk, it-taħriġ militari bażiku ġie introdott mill-ġdid fl-iskejjel sekondarji u l-għalliema li jopponu l-propaganda tal-Istat u jipprovdu informazzjoni oġġettiva dwar il-gwerra fl-Ukrajna huma soġġetti għal investigazzjoni kriminali;
E.billi l-propaganda tal-Istat Russu turi l-azzjonijiet tal-Unjoni Sovjetika matul it-Tieni Gwerra Dinjija biss bħala sforzi ta’ liberazzjoni, filwaqt li tinjora l-kollaborazzjoni tagħha mal-Ġermanja Nażista permezz tal-Patt Molotov-Ribbentrop u l-protokolli sigrieti tiegħu, li ppermettew id-diviżjoni tal-Ewropa u kienu l-aħħar pass lejn it-tifqigħa tal-gwerra, filwaqt li tnaqqas l-importanza tal-atroċitajiet imwettqa mill-forzi Sovjetiċi, inklużi d-deportazzjonijiet tal-massa, l-eżekuzzjonijiet, l-istupri tal-massa u r-repressjoni fit-territorji okkupati; billi l-Polonja kienet waħda mill-vittmi primarji ta’ din il-kollaborazzjoni, li sofriet mill-massakru ta’ Katyn, id-deportazzjoni furzata ta’ mijiet ta’ eluf ta’ Pollakki lejn is-Siberja, id-delitti mwettqa matul l-inkursjoni tal-Armata l-Ħamra fis-Silesia ta’ Fuq fl-1945, magħrufa bħala t-Traġedja tas-Silesia ta’ Fuq, u repressjoni u terrur mifruxa mmirati lejn il-qerda tal-identità Pollakka; billi dan juri li r-Russja qed tirrepeti l-istorja, u l-Ukrajna issa hija l-vittma ta’ aggressjoni Russa;
F.billi r-Russja naqset milli tirrikonoxxi r-rwol tagħha biex tibda t-Tieni Gwerra Dinjija u milli tassumi r-responsabbiltà tagħha għall-atroċitajiet imwettqa f’territorji okkupati mill-Unjoni Sovjetika; billi, għall-kuntrarju tad-delitti mwettqa mir-reġim Nażista, id-delitti mwettqa minn dittatorjati komunisti fl-Ewropa fis-seklu 20 ma kinux is-suġġett ta’ valutazzjoni u kundanna legali u politika internazzjonali sħaħ u dan ikkontribwixxa għall-istrumentalizzazzjoni tal-istorja taħt il-ħakma ta’ Putin fir-Russja;
G.billi l-2025 timmarka t-80 anniversarju mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija; billi l-Federazzjoni Russa, bħala l-Istat li jiddikjara li qed ikompli l-personalità ġuridika internazzjonali tal-USSR, qed tipprova timmonopolizza r-rebħa fuq in-Nażiżmu u ħolqot kult ta’ “rebħa” biex ideoloġikament timmobilizza lir-Russi biex ikomplu l-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna;
H.billi r-reġim ta’ Putin jimmanipula l-istorja biex irawwem il-lealtà fost il-popolazzjoni Russa billi jigglorifika l-Unjoni Sovjetika, jiffalsifika l-istorja tar-Russja u tal-Ukrajna, u jirrifjuta l-isforzi Russi tal-passat biex jirrikonoxxu d-delitti Stalinisti;
I.billi ċ-ċelebrazzjoni tar-Russja ta’ Jum il-Vitttorja fid-9 ta’ Mejju, jum wara ċ-ċelebrazzjoni tiegħu mill-alleati tal-Punent, iġġorr magħha propaganda qawwija ta’ liberazzjoni, li tinjora kompletament l-okkupazzjoni tal-Istati Baltiċi li damet sas-snin 90;
J.billi l-media Russa kkontrollata mill-Istat u r-retorika uffiċjali jxerrdu dikjarazzjonijiet foloz dwar il-kawżi tal-gwerra fl-Ukrajna, inkluż billi jakkużaw lill-Ukrajna u lit-tmexxija tagħha tan-Nażiżmu; billi saru akkużi simili kontra l-Istati Membri tal-UE li appoġġjaw bil-qawwa lill-Ukrajna, kif ukoll akkużawhom li huma Russofobiċi;
K.billi l-Kremlin jiċħad l-identità nazzjonali distinta tal-Ukrajna, u jiddikjara b’mod falz li hija parti mid-“dinja Russa” (“Russkiy mir”), narrattiva li għandha l-għeruq tagħha fl-ideoloġija imperjalistika; billi r-Russja qed twaqqa’ l-imfakar ta’ Holodomor u qed tirrestawra monumenti lil Lenin fit-territorji okkupati tal-Ukrajna li kienu ġew dekomunizzati;
L.billi l-Federazzjoni Russa ppromulgat leġiżlazzjoni li tikkriminalizza r-rappreżentazzjoni veritiera tad-delitti Sovjetiċi u Russi, immirata lejn l-istoriċi, il-ġurnalisti u l-atturi tas-soċjetà ċivili li jikkontestaw narrattivi uffiċjali jew jinvestigaw delitti tal-passat u tal-preżent; billi r-Russja tostakola r-riċerka tal-istorja billi tiċħad l-aċċess għall-arkivji Sovjetiċi u tippersegwita lil dawk li jfittxu li jiżvelaw delitti mwettqa mill-Unjoni Sovjetika jew mir-reġim Russu attwali; billi matul l-istorja, ir-Russja ripetutament wettqet distorsjoni tal-fatti tal-istorja biex isservi l-aġenda politika tagħha, kif muri miċ-ċaħda li ilha għaddejja fir-rigward tar-responsabbiltà għall-massakru ta’ Katyn, fejn eluf ta’ uffiċjali, intellettwali u eliti Pollakki nqatlu sistematikament mill-NKVD (il-pulizija sigrieta Sovjetika) fl-1940 – delitt li għal għexieren ta’ snin ġie attribwit b’mod falz lill-Ġermanja mill-propaganda Sovjetika; billi r-rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi, Memorial, huwa fost l-organizzazzjonijiet fil-mira u li ġew xolti, u li eżaminaw, iddokumentaw u esponew delitti Sovjetiċi u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Russja;
M.billi l-kampanji ta’ diżinformazzjoni Russi jfittxu b’mod attiv li jisfruttaw id-diviżjonijiet fis-soċjetajiet Ewropej billi jxerrdu narrattivi foloz tal-istorja, b’mod partikolari fir-rigward tar-rwol tan-NATO u l-adeżjoni ta’ membri ġodda, l-Istati Uniti, it-tkabbir tal-UE u l-appoġġ tal-Punent għall-Ukrajna;
N.billi d-diżinformazzjoni u l-falsifikazzjonijiet tal-istorja huma integrali għall-istrateġija tal-gwerra ibrida tar-Russja li għandha l-għan li timmina l-unità u d-demokrazija Ewropea; billi d-distorsjoni tal-istorja u l-kampanji ta’ diżinformazzjoni huma ta’ theddida għall-verità tal-istorja, għall-valuri demokratiċi u għall-paċi fl-Ewropa;
O.billi r-Russja għadha qed tippretendi sfera esklużiva ta’ influwenza fuq l-Istati ġirien; billi l-invażjoni tal-Ukrajna fuq skala sħiħa mir-Russja kienet preċeduta minn talbiet biex l-Istati Uniti u n-NATO jirrikonoxxu l-interessi esklużivi tagħha fl-Ukrajna, fl-Ewropa tal-Lvant, fil-Kawkasu tan-Nofsinhar u fl-Asja Ċentrali;
P.billi r-Russja f’diversi okkażjonijiet heddet lill-pajjiżi tal-UE u tan-NATO b’aggressjoni militari u nukleari, b’mod partikolari l-integrità territorjali tal-Istati Baltiċi, wettqet attakki fuq individwi fit-territorju tal-UE u nediet operazzjonijiet ibridi mmirati lejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-UE;
Q.billi f’xi Stati Membri, l-ideoloġiji u s-simboli komunisti u Nażisti, kif ukoll is-simboli tal-aggressjoni tar-Russja li għaddejja bħalissa, huma pprojbiti bil-liġi;
1.Itenni l-kundanna tiegħu tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-okkupazzjoni tagħha u t-tentattiv ta’ annessjoni tat-territorju Ukren, id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità mwettqa matul din l-aggressjoni u l-politika tal-Kremlin ta’ ċaħda tal-identità nazzjonali Ukrena, inkluża l-passaportizzazzjoni furzata f’territorji okkupati u l-ħtif ta’ tfal Ukreni sabiex jitħassru l-istorja tal-familja u l-identità kulturali tagħhom;
2.Jiddenunzja l-falsifikazzjoni sistematika u d-distorsjoni tal-istorja mir-Russja biex tiġġustifika l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, tippromwovi n-nostalġija imperjali fost il-popolazzjoni Russa u tiżgura appoġġ għall-azzjonijiet tagħha fuq livell internazzjonali, u tiddestabbilizza lill-UE; jenfasizza l-isforzi tal-Kremlin biex iħassar l-identità kulturali u tal-istorja tal-Ukrajna, inkluża l-qerda ta’ monumenti, arkivji u siti reliġjużi f’territorji okkupati, u jisħaq fuq l-importanza li dawn l-atti jiġu ddokumentati;
3.Jikkundanna l-ideoloġija u l-politiki nazzjonalisti tal-Kremlin, li jirriflettu l-aggressjoni militari tar-Russja, jippromwovu n-nostalġija imperjali u jheddu s-sigurtà Ewropea; jisħaq fuq l-inkompatibbiltà tagħhom mad-dritt internazzjonali u jirrifjuta bil-qawwa l-prattiki tal-istabbiliment ta’ żoni ta’ interess esklużiv u t-talbiet għalihom u għad-detriment tas-sovranità u l-integrità territorjali ta’ Stati oħra;
4.Jiddenunzja l-glorifikazzjoni tat-totalitarjaniżmu Stalinista mir-reġim ta’ Putin u l-falsifikazzjoni ta’ avvenimenti tal-istorja, inklużi tentattivi biex jiġi ġġustifikat il-Patt Molotov-Ribbentrop u r-rifjut li tiġi rikonoxxuta r-responsabbiltà tal-Unjoni Sovjetika għat-tifqigħa tat-Tieni Gwerra Dinjija u għad-delitti tal-era Sovjetika bħall-Holodomor, it-Terrur il-Kbir u d-deportazzjonijiet tal-massa;
5.Jikkundanna s-soppressjoni ta’ riċerka tal-istorja indipendenti u ċ-ċaħda tal-aċċess taċ-ċittadini tal-UE għall-imqabar fejn hemm midfuna qraba deportati bil-forza u għall-arkivji Sovjetiċi; jikkundanna wkoll il-persekuzzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jinvestigaw id-delitti Sovjetiċi jew id-delitti tar-reġim attwali, inkluża l-likwidazzjoni ta’ International Memorial, iċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem “Memorial” u l-Grupp Moska Helsinki, kif ukoll l-isfurzar biex iċ-Ċentru Sakharov iwaqqaf il-ħidma tiegħu;
6.Jikkundanna l-użu mir-Russja ta’ diżinformazzjoni, propaganda u teknoloġiji ta’ influwenza ibrida biex tiddestabbilizza l-UE u tiġġustifika l-aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna u l-Istati ġirien; jikkundanna t-tentattivi tar-Russja li tuża d-diżinformazzjoni biex timmina l-appoġġ għall-Ukrajna u ddgħajjef is-solidarjetà internazzjonali kontra l-aggressjoni tagħha;
7.Jiċħad kategorikament, b’mod partikolari, id-dikjarazzjoni falza ta’ Putin li l-Ukrajna wettqet “ġenoċidju” kontra l-popolazzjoni li titkellem bir-Russu tar-reġjun ta’ Donbas, li rriżulta f’aktar minn 14000 vittma ċivili, u li jintuża biex jiġġustifika l-aggressjoni militari miftuħa tar-Russja kontra l-Ukrajna;
8.Jirrifjuta kategorikament in-narrattiva falza tal-Kremlin li tqabbel il-gvern demokratiku tal-Ukrajna man-Nażiżmu, u li għandha l-għan li tiddeleġittimizza s-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna;
9.Jappella għal koordinazzjoni msaħħa fost l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE u s-sħab internazzjonali biex jiġu miġġielda l-kampanji ta’ diżinformazzjoni tar-Russja u jiġi evitat it-tixrid ta’ narrattivi foloz tal-istorja; jistieden lill-UE tintensifika r-riċerka dwar it-teknoloġiji ta’ influwenza ibrida użati mir-Russja u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE jopponu t-tixrid tal-leġiżlazzjoni dwar l-aġenti barranin tat-tip Russu fl-Ewropa, li qed tintuża biex trażżan il-media, l-akkademiċi u s-soċjetà ċivili essenzjali biex tiġi esposta d-diżinformazzjoni tal-Kremlin;
10.Iħeġġeġ lill-UE tapplika minnufih u b’mod rigoruż l-għodod leġiżlattivi eżistenti meta każijiet ta’ diżinformazzjoni jkunu suspettati jew ikkonfermati, b’mod partikolari meta l-integrità tal-elezzjonijiet tkun f’riskju li tiġi influwenzata; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fir-rapport annwali tagħha dwar l-istat tad-dritt subtaqsima speċifika dwar il-miżuri protettivi implimentati kontra d-diżinformazzjoni, speċjalment fir-rigward tal-pjattaformi online;
11.Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw inizjattivi li jesponu l-falsifikazzjonijiet tal-istorja tar-Russja u jiġġieldu kontrihom, permezz ta’ proġetti ta’ riċerka u programmi edukattivi transfruntiera ffinanzjati mill-UE; jitlob appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russi bħal Memorial u Radio Sakharov sabiex ikunu jistgħu jkomplu l-ħidma importanti tagħhom f’dan ir-rigward; jissottolinja li l-konfrontazzjoni tal-falsifikazzjonijiet tal-istorja hija essenzjali biex tiġi ppreservata l-unità Ewropea, jiġu difiżi d-demokrazija, l-istat tad-dritt u tiġi żgurata paċi dejjiema fl-Ewropa;
12.Jitlob li jkun hemm kampanja effettiva ta’ edukazzjoni u informazzjoni li tirrifjuta ċ-ċelebrazzjoni tad-9 ta’ Mejju bħala jum ta’ liberazzjoni u rebħa, u jistieden lill-mexxejja tal-Istati Membri jirrifjutaw kwalunkwe parteċipazzjoni f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet;
13.Itenni l-importanza li l-edukazzjoni dwar id-delitti tar-reġimi Nażisti u komunisti tiġi integrata fil-kurrikuli tal-iskejjel fl-Istati Membri kollha tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jintegraw il-litteriżmu fil-media u l-ħiliet tal-ħsieb kritiku fil-kurrikuli tal-edukazzjoni sabiex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni u tiġi promossa r-reżiljenza demokratika;
14.Jappella għall-istabbiliment ta’ tribunal internazzjonali speċjali għall-prosekuzzjoni tad-delitt ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna u jappoġġja l-isforzi tal-Qorti Kriminali Internazzjonali għall-prosekuzzjoni tad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità; jiddispjaċih dwar każijiet ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest;
15.Jiddispjaċih dwar l-użu kontinwu ta’ simboli ta’ reġimi totalitarji fi spazji pubbliċi u jitlob projbizzjoni fl-UE kollha kemm għal simboli Nażisti u komunisti Sovjetiċi, kif ukoll għal simboli tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-bini ta’ mafkar pan-Ewropew għall-vittmi tar-reġimi totalitarji tas-seklu 20 fi Brussell;
16.Ifaħħar l-isforzi leġiżlattivi, tas-soċjetà ċivili u akkademiċi biex titqajjem kuxjenza dwar id-delitti totalitarji, speċjalment dawk imwettqa minn reġimi Nażisti u komunisti, kif ukoll dwar simboli magħmula mir-Russja, b’mod partikolari fir-rigward tal-aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, u s-simboli nazzjonali tagħha f’avvenimenti pubbliċi; jinkoraġġixxi aktar riċerka dwar l-istorja u l-kultura tal-Ewropa tal-Lvant u tar-Russja;
17.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-awtoritajiet Russi.
- [1] ĠUC8E, 14.1.2010, p.57.