Ϸվ

Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B10-0160/2025Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B10-0160/2025

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar il-ħtieġa ta’ appoġġ tal-UE favur tranżizzjoni u rikostruzzjoni ġusti fis-Sirja

7.3.2025-()

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Ingeborg TerLaak, Michael Gahler, Laurent Castillo, Isabel Wiseler‑Lima, Sebastião Bugalho, Andrey Kovatchev, Željana Zovko, François‑Xavier Bellamy, Davor Ivo Stier, Antonio López‑Istúriz White, Reinhold Lopatka, Wouter Beke, Vangelis Meimarakis, Jan Farský, Nicolás Pascual de la Parte, Daniel Caspary, AnaMiguel Pedro
f’isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuniRC-B10-0157/2025

ʰċܰ:
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument:
B10-0160/2025
Testi mressqa :
B10-0160/2025
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

10‑0160/2025

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħtieġa ta’ appoġġ tal-UE favur tranżizzjoni u rikostruzzjoni ġusti fis-Sirja

()

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, adottata fit-18 ta’ Diċembru 2015,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-28ta’ Frar2024 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja[1],

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 1325 (2000), 2170 (2014), 2427 (2018), 2664 (2022) u 2672 (2023),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-UN tat-8ta’Diċembru2024,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għas-Sirja, is-Sur Geir O. Pedersen tat-8 ta’ Diċembru 2024,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tad-9 ta’ Diċembru 2024,

wara li kkunsidra r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2025/408 tal-24 ta’ Frar 2025 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja[2],

wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.billi f’Diċembru 2024, is-Sirja rat bidla kbira, meta koalizzjoni ta’ ribelli li tikkonsisti mill-grupp armat Hay’ at Tahrir al-Sham (HTS), l-Armata Nazzjonali Sirjana (SNA) u diversi forzi oħra tal-oppożizzjoni waqqgħu r-reġim qattiel ta’ Bashar al-Assad;

B.billi Bashar al-Assad ħarab mill-pajjiż, wara li ngħata ażil politiku fil-Federazzjoni Russa;

C.billi f’Jannar 2025, il-kostituzzjoni Sirjana tal-2012 ġiet annullata, l-Assemblea tal-Poplu, il-Partit Ba’ath u l-fazzjonijiet rivoluzzjonarji kollha ġew xolti u l-mexxej tal-HTS Ahmed Hussein al-Sharaa ġie ddikjarat il-President interim de facto tas-Sirja;

D.billi l-gvern tranżizzjonali stabbilixxa bosta pjanijiet, li jinvolvu l-bini mill-ġdid tal-kapaċità tal-istat, l-indirizzar tal-korruzzjoni u l-kroniżmu u r-restawr tal-fiduċja fl-istat;

E.billi l-President interim de facto tas-Sirja wiegħed li jifforma gvern mhux settarju, komprensiv, kredibbli u inklużiv li jirrifletti d-diversità etnika u reliġjuża tas-Sirja u li jżid l-involviment mal-pajjiżi ġirien u ma’ atturi barranin oħra;

F.billi s-Sirja tinsab f’sitwazzjoni ekonomika estremament ħażina, fejn il-PDG tagħha niżel b’64% mill-bidu tal-gwerra fl-2011, il-munita tagħha tilfet madwar żewġ terzi tal-valur tagħha meta mqabbla mad-dollaru Amerikan f’dawn l-aħħar sentejn u l-inflazzjoni laħqet livell għoli rekord ta’ 40,2% fl-2024;

G.billi s-Sirja esperjenzat tnaqqis drammatiku fl-esportazzjonijiet (b’84%) u fl-importazzjonijiet (b’70%) meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-gwerra;

H.billi mill-2021, l-UE tilfet l-istatus tagħha kemm bħala l-akbar esportatur lejn is-Sirja kif ukoll bħala l-akbar importatur ta’ oġġetti Sirjani, status li issa huwa okkupat mit-Turkija u mill-Arabja Sawdija, rispettivament;

I.billi s-Sirja ilha tħabbat wiċċha ma’ rata ta’ qgħad ta’ madwar 14% għal diversi snin;

J.billi l-kunflitt wassal għal tnaqqis qawwi fl-istandards tal-għajxien, b’aktar minn 80% tas-Sirjani li jgħixu taħt il-linja tal-faqar u li jiffaċċjaw sfidi sinifikanti fl-aċċess għall-ikel, il-kura tas-saħħa u l-ilma nadif;

K.billi skont l-istimi tal-Bank Dinji, il-faqar estrem fis-Sirja huwa mistenni li jkompli jiżdied, minn 33,1% fl-2024 għal 37,4% fl-2025;

L.billi s-sitwazzjoni umanitarja fuq il-post qed tkompli tiddeterjora, u 16,7 miljun Sirjan huma dipendenti fuq l-għajnuna u aktar minn nofs il-popolazzjoni hija affettwata ħafna mill-insigurtà tal-ikel;

M.billi madwar 7 miljun persuna ġew spostati internament u 5,6 miljun ħarbu lejn pajjiżi ġirien u lil hinn minnhom;

N.billi fl-2024, l-UE allokat EUR 159 miljun f’għajnuna umanitarja biex tassisti lis-Sirjani u, minbarra l-għajnuna diretta, wiegħdet EUR 2,12 biljun oħra għall-2024-2025 matul it-VIII Konferenza ta’ Brussell; billi l-assistenza tal-UE tiffoka fuq l-għajnuna li ssalva l-ħajjiet, il-programmi ta’ reżiljenza u l-objettiv politiku tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

O.billi minn Novembru 2024, 1,1 miljun persuna oħra ġew imġiegħla jirrilokaw fis-Sirja;

P.billi l-UE għandha l-għan li tiffaċilita l-involviment mas-Sirja, mal-poplu tagħha u man-negozji tagħha f’oqsma ewlenin tas-setturi tal-enerġija, tat-trasport, tas-saħħa u tal-edukazzjoni, u li tiffaċilita t-tranżazzjonijiet finanzjarji u bankarji assoċjati ma’ tali setturi u dawk meħtieġa għal skopijiet umanitarji u ta’ rikostruzzjoni; billi għal dan l-għan, fl-24 ta’ Frar 2024 il-Kunsill iddeċieda li jissospendi l-miżuri restrittivi fuq is-setturi ekonomiċi ewlenin;

Q.billi l-Istati Uniti jimponu l-aktar sanzjonijiet komprensivi fuq is-Sirja, inklużi sanzjonijiet sekondarji fuq gvernijiet barranin, individwi mhux mill-Istati Uniti u entitajiet li jagħmlu negozju mal-Gvern Sirjan;

R.billi l-ISIS (Da’esh) għadu jopera fis-Sirja u mis-Sirja, u jibbaża fuq iċ-ċentru tiegħu għall-ippjanar operazzjonali estern fir-reġjun ta’ Badia; billi valutazzjonijiet kredibbli enfasizzaw li l-ISIS jista’ jisfrutta s-sitwazzjoni attwali biex isaħħaħ il-pożizzjoni u l-kapaċitajiet tiegħu;

S.billi għadu mhux ċar jekk ir-Russja hijiex se tkun tista’ tkompli teżerċita l-influwenza ekonomika, militari u politika tagħha fuq is-Sirja;

T.billi l-pożizzjoni tat-Turkija għadha inċerta, peress li l-SNA appoġġata mit-Turkija ma ġietx inkluża fil-gvern tranżizzjonali; billi huwa mistenni li t-Turkija mhux se toqgħod lura milli żżid il-pressjoni fuq il-forzi Kurdi fit-Tramuntana tas-Sirja biex tkompli tissikka l-ħakma tagħha fuq it-territorji tul il-fruntiera bejn it-Turkija u s-Sirja;

1.Ifaħħar l-isforzi ta’ diversi ministri tal-affarijiet barranin tal-UE biex jistabbilixxu kanali ta’ komunikazzjoni u jibdew djalogu formali mal-gvern tranżizzjonali tas-Sirja;

2.Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw l-isforzi diplomatiċi kollha tal-UE lejn l-istabbiliment ta’ relazzjoni ta’ ħidma sinċiera u kostruttiva mal-gvern interim;

3.Jitlob li jiġu stabbiliti l-miżuri u l-mekkaniżmi kollha meħtieġa biex jinxteħet dawl veru u komprensiv fuq id-delitti mwettqa fil-pajjiż kollu taħt ir-reġim ta’ Bashar al-Assad, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni u involviment ma’ esperti internazzjonali u mekkaniżmi internazzjonali eżistenti; jitlob li l-ilħna u t-tbatija tal-vittmi u tas-superstiti jinstemgħu u jservu bħala l-pedament għall-kisba tal-ġustizzja, ir-responsabbiltà u r-rikonċiljazzjoni soċjetali;

4.Iħeġġeġ lill-gvern interim tas-Sirja jistabbilixxi kumitat tal-ġustizzja tranżizzjonali indipendenti biex jiżgura l-obbligu ta’ rendikont għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-passat imwettaq mill-fazzjonijiet kollha u jippromwovi r-rikonċiljazzjoni nazzjonali, u jenfasizza li l-unifikazzjoni militari ma tistax tinkiseb mingħajr ma jkun hemm mekkaniżmu tal-ġustizzja kredibbli għall-bini tal-fiduċja fost il-gruppi armati, inklużi r-rappreżentanti tal-fazzjonijiet tan-Nofsinhar, il-Forzi Demokratiċi Sirjani (FSD) u l-ex uffiċjali tar-reġim;

5.Jistieden lill-gvern interim tas-Sirja jikkoopera mal-mekkaniżmi tan-NU stabbiliti speċifikament għas-Sirja, u jistieden lill-UE tappoġġja dawk il-mekkaniżmi fit-twettiq tal-mandat tagħhom, inkluż billi żżid il-finanzjament għall-Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti (IIIM) u inizjattivi eżistenti oħra tal-ġustizzja dwar is-Sirja;

6.Iħeġġeġ lill-gvern tranżitorju tas-Sirja jagħti, kemm lil dawk affettwati mill-brutalità tar-reġim ta’ Assad kif ukoll lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jgħinuhom, aċċess sħiħ u mingħajr restrizzjonijiet għad-dokumenti tal-arkivji u jappoġġahom fl-isforzi tagħhom biex jikxfu l-verità u jfittxu l-ġustizzja;

7.Jirrikonoxxi l-esperjenzi u l-perspettivi tan-nisa Sirjani u jitlob li dawn ikollhom rwol ewlieni fl-isforzi tal-ġustizzja;

8.Jisħaq fuq il-ħtieġa fundamentali tal-proċessi tal-ġustizzja u ta’ obbligu ta’ rendikont biex jiġi indirizzat ir-rwol tal-vjolenza sesswalizzata u abbażi tal-ġeneru;

9.Iħeġġeġ lill-gvern tranżizzjonali Sirjan jindirizza t-tbatija imposta fuq it-tfal u jitlob li jiġu stabbiliti miżuri pedagoġiċi, didattiċi u kliniċi effettivi u inklużivi;

10.Jistieden lill-gvern tranżitorju jirrestawra l-istituzzjonijiet statali u jadotta l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura li dawn ma jevolvu fl-ebda fortizza ta’ fazzjonijiet speċifiċi;

11.Jenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jsiru djalogi nazzjonali inklużivi u diskussjonijiet politiċi miftuħa fost is-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà Sirjana biex tiġi żgurata tranżizzjoni sostenibbli u rappreżentattiva;

12.Jilqa’, f’dan ir-rigward, il-konferenza ta’ djalogu nazzjonali reċenti li saret fil-25 ta’ Frar 2025 bħala punt tat-tluq għas-Sirjani biex jiġbru u jiddiskutu liberament l-isfidi u l-opportunitajiet; jenfasizza li huwa imperattiv li dan id-djalogu jitkompla sabiex jiġi evitat li d-diviżjonijiet tas-soċjetà jsiru iktar profondi, li jkun hemm diskordanza fost is-sezzjonijiet ewlenin tas-soċjetà Sirjana, u li s-sitwazzjoni tas-sigurtà li diġà hija fraġli tiġi destabilizzata iktar;

13Jilqa’ t-tħabbira tal-President interim tat-2 ta’ Marzu 2025 dwar il-ħolqien ta’ kumitat ta’ esperti bil-kompitu li jabbozza dikjarazzjoni kostituzzjonali bil-għan li jirregola l-fażi politika tranżitorja tal-pajjiż; jittama li dan ikun jinkludi lill-gruppi, il-movimenti, il-forzi tal-oppożizzjoni, il-minoranzi u l-atturi tas-soċjetà kollha;

14.Iħeġġeġ lill-gvern tranżitorju jirrikonoxxi u jissalvagwardja l-gruppi etniċi u reliġjużi kollha, inklużi l-Insara, ix-Xiiti, l-Ismaili, l-Alawiti, il-Kurdi u l-oħrajn kollha, u jrażżan kwalunkwe tentattiv biex titqanqal id-diviżjoni settarja;

15.Jenfasizza l-importanza li jitwettqu riformi u li jiġu stabbiliti mekkaniżmi politiċi f’konformità mal-prinċipji demokratiċi, il-libertà individwali u d-dritt internazzjonali;

16.Jistieden lill-gvern tranżitorju tas-Sirja jirrikonoxxi r-rwol fundamentali tas-soċjetà ċivili u tal-komunitajiet etniċi, reliġjużi u tribali diversi tas-Sirja fit-tiswir tal-qafas politiku futur tal-pajjiż u fil-kontribut għar-rikostruzzjoni tan-nisġa soċjali tiegħu;

17.Iħeġġeġ lill-gvern interim jieħu l-passi kollha meħtieġa biex joħloq il-kundizzjonijiet għat-tħaddim ta’ stampa vibranti, ħielsa u indipendenti; jitlob li jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-media;

18.Iħeġġeġ lill-gvern interim joħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa biex in-nisa jkollhom rwol ċentrali fil-ħajja politika u ekonomika tas-Sirja;

19.Jissottolinja l-ħtieġa kruċjali li l-UE tkompli tipprovdi għajnuna umanitarja sostanzjali f’konformità mal-grad ta’ assistenza umanitarja, għall-iżvilupp, ekonomika u ta’ stabbilizzazzjoni mogħtija mill-2011;

20.Jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ politiki li jrawmu żvilupp ekwu fir-reġjuni kollha, jikkontribwixxu għal identità nazzjonali unifikata u jibbilanċjaw l-iżvilupp fiż-żoni urbani u rurali kollha biex jitnaqqsu d-disparitajiet reġjonali; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza ewlenija li tingħata s-setgħa lill-komunitajiet lokali;

21.Jenfasizza l-ħtieġa ta’ riformi ekonomiċi estensivi, b’mod partikolari fis-setturi tal-enerġija u tal-agrikoltura;

22.Jenfasizza li r-rikostruzzjoni tal-infrastruttura tal-enerġija tas-Sirja permezz tar-restawr tal-kontroll sħiħ fuq is-siti tat-tħaffir għaż-żejt fil-Grigal tas-Sirja u t-tisħiħ tal-faċilitajiet tal-produzzjoni huma kruċjali għall-irkupru ekonomiku tal-pajjiż;

23.Jitlob li l-UE jkollha rwol ċentrali f’dawn l-isforzi u jilqa’ t-tneħħija gradwali u kundizzjonali ta’ sanzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari dawk li jfixklu l-assistenza umanitarja u li jimponu restrizzjonijiet fuq proġetti ta’ infrastruttura, is-settur finanzjarju u l-appoġġ finanzjarju għall-kummerċ, u s-settur tat-trasport; jistieden lill-atturi internazzjonali kollha, speċjalment l-Istati Uniti, biex jagħmlu l-istess u jikkunsidraw it-tneħħija gradwali tas-sanzjonijiet;

24.Jitlob, madankollu, li jinżammu s-sanzjonijiet individwali kontra persunal militari, uffiċjali, entitajiet tan-negozju u individwi assoċjati mal-familja Assad;

25.Jistieden lill-gvern interim jelimina l-istokk kollu ta’ armi kimiċi preżenti fis-Sirja f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi;

26.Jistieden lill-gvern tranżitorju jadotta l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġġieled kontra n-networks tat-traffikar tad-droga, speċjalment dawk relatati mal-kuntrabandu tal-Captagon;

27.Jitlob li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiġi inċentivat u ffaċilitat l-investiment dirett barrani fis-Sirja f’konformità mal-istandards internazzjonali;

28.Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-isforzi ta’ rikostruzzjoni li jiffukaw fuq setturi li huma essenzjali għat-titjib tal-prospetti ekonomiċi tas-Sirjani, inklużi t-trasport, l-elettriku, is-saħħa u l-edukazzjoni, u tiżgura li l-programmi ta’ finanzjament ikunu akkumpanjati minn diliġenza dovuta u monitoraġġ indipendenti;

29.Jagħti parir li l-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jkollu rwol ewlieni fit-tisħiħ tas-settur bankarju tas-Sirja, li għadu kważi kompletament dipendenti fuq il-banek Libaniżi għat-tranżazzjonijiet kummerċjali u personali, u jitlob li s-settur bankarju tas-Sirja jkun konness mas-sistema SWIFT sabiex tittejjeb it-traċċabbiltà;

30.Jagħti parir lill-Istati Membri tal-UE biex jiżguraw li s-Sirjani li jgħixu fl-Ewropa u li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali jitħallew jagħmlu żjarat esploratorji fis-Sirja mingħajr ma jitilfu l-istatus attwali tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi gwida f’dan ir-rigward;

31.Jesprimi tħassib serju dwar l-irtirar tal-assistenza tal-Aġenzija tal-Istati Uniti għall-Iżvilupp Internazzjonali mill-Grigal tas-Sirja, li taggrava s-sitwazzjoni umanitarja diġà kritika u tkompli tagħmel pressjoni fuq il-kapaċità tal-FSD li jimmaniġġjaw il-faċilitajiet ta’ detenzjoni tal-ISIS; jirrikonoxxi li l-preżenza kontinwata ta’ eluf ta’ ġellieda tal-ISIS detenuti u tal-familji tagħhom toħloq riskju serju għas-sigurtà tar-reġjun, li jirrikjedi kondiviżjoni akbar tar-responsabbiltà internazzjonali u soluzzjonijiet sostenibbli għall-prosekuzzjoni, ir-riabilitazzjoni jew ir-ripatrijazzjoni tagħhom;

32.Iħeġġeġ lill-gvern interim jiżgura li l-wirt kulturali rikk tas-Sirja jkun protett b’mod adegwat;

33.Jistieden lill-atturi barranin kollha jżommu lura milli jinterferixxu politikament, ekonomikament u militarment fl-affarijiet interni u esterni tas-Sirja;

34.Iħeġġeġ lill-ġirien tas-Sirja jirrispettaw is-sovranità u l-integrità territorjali tagħha skont id-dritt internazzjonali;

35.Jistieden lill-Federazzjoni Russa biex ma twettaq l-ebda tentattiv biex tinfluwenza, tbiddel jew trażżan il-proċess ta’ rikostruzzjoni; iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa, barra minn hekk, twaqqaf l-operazzjonijiet kollha mill-Bażi tal-Ajru ta’ Khmeimim u mill-bażi navali ta’ Tartus; jistieden lill-gvern interim tas-Sirja u lill-gvernijiet tal-pajjiżi l-oħra kollha jżommu lura milli jipprovdu assistenza lir-Russja f’dan ir-rigward;

36.Jistieden lit-Turkija żżomm lura milli teżerċita pressjoni fuq il-forzi Kurdi permezz ta’ azzjoni militari fil-Majjistral tas-Sirja u milli tuża bħala arma lit-3,5miljun rifuġjat Sirjan fit-Turkija;

37.Jistieden lir-Repubblika Iżlamika tal-Iran twaqqaf l-attivitajiet kollha mmirati biex ixejnu l-isforzi politiċi u ekonomiċi tal-gvern interim tas-Sirja u biex ibiddlu l-istatus quo permezz tal-forza;

38.Jagħmel sejħa qawwija lill-gvern interim biex iżomm lura milli jieħu kwalunkwe azzjoni politika, ekonomika u militari ostili fil-konfront tal-pajjiżi ġirien;

39.Jesprimi tħassib dwar il-ħatra ta’ ċittadini barranin b’affiljazzjonijiet ġiħadisti f’pożizzjonijiet għolja fil-ministeru tad-difiża, inklużi l-Ġenerali tal-Brigada Abdul Rahman Hussein al-Khatib (Abu Hussein al-Urduni), Omar Mohammed Jaftashi (Mukhtar al-Turki) u Abu Amsha (Mohammed Al-Jassem), u jisħaq li tali ħatriet jistgħu jimminaw l-isforzi biex tiġi stabbilita struttura ta’ sigurtà stabbli u inklużiva fis-Sirja;

40.Iħeġġeġ lill-gvern interim tas-Sirja jiżgura li l-ħatriet militari u ta’ sigurtà kollha jkunu bbażati strettament fuq kwalifiki professjonali, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, u impenn għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, u jenfasizza li individwi b’affiljazzjonijiet estremisti ma jridux jitħallew jokkupaw pożizzjonijiet ta’ awtorità fi ħdan l-istituzzjonijiet statali;

41.Jenfasizza l-importanza li jittieħdu passi konkreti biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni fraġli ħafna f’diversi ċentri ta’ detenzjoni tal-ISIS fil-Grigal tas-Sirja; jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni umanitarja fuq il-post u l-piż li bħalissa qed jinġarr esklussivament mill-FSD; jistieden lill-partijiet kollha jaħdmu flimkien biex jistabbilixxu qafas effettiv u sostenibbli biex jiġu indirizzati t-tensjonijiet li qed jiżdiedu;

42.Iħeġġeġ lill-gvern interim tas-Sirja jifformula strateġija komprensiva kontra t-terroriżmu f’konformità mad-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali li jirrigwarda d-drittijiet tal-bniedem;

43.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u lill-gvern tranżizzjonali tas-Sirja.

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Marzu 2025
Avviż legali-Politika tal-privatezza