Il-Kummissarju Schinas u l-Qatar
2.2.2023
Interpellanza maġġuri għal tweġiba bil-miktub G-001001/2023
lill-Kummissjoni
Artikolu 139 tar-Regoli ta' Proċedura
Ryszard Antoni Legutko, Zdzisław Krasnodębski
f'isem il-Grupp ECR
Fid-9 ta' Diċembru 2022, il-pulizija Belġjana wettqet perkwiżizzjonijiet f'diversi indirizzi fil-pajjiż kollu, inkluż f'uffiċċji fil-Parlament Ewropew. Tmien persuni ġew arrestati, fosthom Membri attwali jew preċedenti tal-Parlament Ewropew għall-Grupp tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi. Wara dan, saru perkwiżizzjonijiet oħra b'rabta ma' dan il-każ fl-Italja u l-Greċja u l-investigazzjoni għadha għaddejja[1].
Il-persuni suspettati li ġew arrestati qed jiffaċċjaw akkużi ta' korruzzjoni, ħasil tal-flus u sħubija f'allegata organizzazzjoni kriminali sponsorjata minn "Stat tal-Golf" (preżumibbilment il-Qatar), li l-għan tagħha kien li tinfluwenza b'mod illeċitu l-azzjonijiet jew id-deċiżjonijiet politiċi meħuda mill-istituzzjonijiet Ewropej. Ikkombinati flimkien, il-flus kontanti maqbuda f'aktar minn 20 perkwiżizzjoni madwar l-Ewropa laħqu l-ammont totali ta' EUR 1,5 miljun.
Dan l-iskandlu ta' korruzzjoni bla preċedent ippreġudika b'mod konsiderevoli l-immaġni tal-Parlament Ewropew u tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Sabiex il-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini jerġgħu jinkisbu, se jkun essenzjali li jinxteħet dawl sħiħ fuq allegazzjonijiet simili ta' ndħil barrani li qed jiffaċċjaw istituzzjonijiet Ewropej oħrajn.
F'dan l-isfond:
- 1.Il-kummenti pożittivi dwar l-iżviluppi politiċi reċenti fil-Qatar, b'mod partikolari dwar ir-riforma tas-suq tax-xogħol tiegħu, magħmula diversi drabi mill-Kummissarju Margaritis Schinas fuq il-kanali tal-midja soċjali tiegħu[2], jirriflettu bis-sħiħ il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni, kif iddikjarat mill-awtur tagħhom?
- 2.Meta u kif ittieħdet id-deċiżjoni li r-rwol ta' rappreżentanza uffiċjali tal-Kummissjoni fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA 2022 fil-Qatar jiġi ddelegat lill-Kummissarju Schinas?
- 3.Il-Kummissjoni se tiżvela lista sħiħa tal-laqgħat li saru mill-Kummissarju Schinas mal-awtoritajiet tal-Qatar jew mar-rappreżentanti ta' entitajiet ikkontrollati mill-Qatar jew minn ċittadini tal-Qatar sa mill-bidu tal-mandat tiegħu bħala Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Istil ta' Ħajja Ewropew Tagħna fl-1 ta' Diċembru 2019?
- 4.Sa liema punt il-Kummissarju Schinas kien involut fil-proċess intern ta' abbozzar tal-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar l-eżenzjonijiet tal-viża għaċ-ċittadini tal-Qatar u l-Kuwajt?
- 5.Il-Kummissjoni se tibda investigazzjoni interna dwar jekk l-azzjonijiet tal-Kummissarju Schinas b'rabta mal-fajl imsemmi hawn fuq jikkostitwux ksur tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Kummissarji?
- 6.X'inhi l-qagħda bħalissa rigward il-ħidma tal-Kummissjoni fuq proposta dwar it-twaqqif ta' korp tal-etika indipendenti komuni għall-istituzzjonijiet Ewropej kollha, kif imħabbar fl-ittra ta' missjoni tal-President Von der Leyen lill-Kummissarju Věra Jourová, Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza, f'Diċembru 2019?
Imressqa: 2.2.2023