Adozzjoni tal-proposta għal regolament dwar l-istat ta’ ġenitur
18.2.2025
Mistoqsija għal tweġiba orali O-000004/2025
lill-Kunsill
Artikolu 142 tar-Regoli ta' Proċedura
Ilhan Kyuchyuk
f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali
Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, id-dritt applikabbli, ir-rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni ta’ strumenti awtentiċi fi kwistjonijiet tal-istat ta’ ġenitur u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tal-Istat ta’ ġenitur (COM(2022)0695) ġiet ippubblikata mill-Kummissjoni fis-7 ta’ Diċembru 2022. Din hija bbażata fuq l-Artikolu 81(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jitlob l-użu tal-proċedura leġiżlattiva speċjali, li permezz tagħha l-Kunsill jadotta t-test finali b’unanimità, wara li jikkonsulta lill-Parlament. L-opinjoni tal-Parlament dwar il-proposta, imħejjija mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali (JURI), ġiet adottata mill-plenarja fl-14 ta’ Diċembru 2023 u ntbagħtet lill-Kunsill.
Fl-opinjoni tiegħu, il-Parlament iffoka fuq is-salvagwardja tad-drittijiet tat-tfal derivati mill-istat ta’ ġenitur irrispettivament mir-relazzjoni legali bejn il-ġenituri jew mill-mod kif il-wild tnissel. Il-Parlament esprima appoġġ għall-objettiv ewlieni tar-regolament propost, li huwa li tiġi indirizzata l-kwistjoni tan-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-istatus tal-istat ta’ ġenitur billi jiġi żgurat li jekk filjazzjoni tkun ġiet stabbilita fi Stat Membru wieħed, l-Istati Membri l-oħra kollha għandhom jirrikonoxxuha mingħajr proċedimenti addizzjonali.
Meta jitqies li l-Kunsill ilu jaħdem fuq il-proposta għal aktar minn sentejn:
- 1.S’issa x’progress sar mill-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni tar-regolament dwar l-istat ta’ ġenitur mill-Istati Membri kollha? Dwar liema partijiet tal-proposta diġà ġew konklużi d-diskussjonijiet, jekk hemm?
- 2.X’soluzzjonijiet ġew diskussi biex jindirizzaw it-tħassib ta’ ċerti Stati Membri rigward l-aktar kwistjonijiet kontenzjużi, bħall-istabbiliment u r-rikonoxximent tal-istat ta’ ġenitur ta’ tfal imwielda permezz ta’ maternità surrogata u ta’ tfal ta’ ġenituri tal-istess sess?
- 3.F’każ li l-unanimità ma tkunx tista’ tinkiseb, il-Kunsill qed jikkunsidra li jiskatta l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni msaħħa skont l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 326 sa 334 tat-TFUE?
Imressqa: 18.2.2025
Skadenza: 19.5.2025