Ϸվ

Ի徱ċ
ʰċԳپ
Li jmiss
Test sħiħ
Proċedura :
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0194/2022

Testi mressqa :

A9-0194/2022

Dibattiti :

PV04/07/2022-17
CRE04/07/2022-17

Votazzjonijiet :

PV05/07/2022-6.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P9_TA(2022)0274

Testi adottati
PDF191kWORD68k
It-Tlieta, 5 ta' Lulju 2022-Strasburgu
Il-faqar fost in-nisa fl-Ewropa
P9_TA(2022)0274A9-0194/2022

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2022 dwar il-faqar fost in-nisa fl-Ewropa ()

Il-Parlament Ewropew,

–wara li kkunsidra l-Artikoli2 u 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–wara li kkunsidra l-Artikoli8, 9, 151, 153 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea(il-“Karta”), u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha dwar id-drittijiet soċjali u l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa,

–wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–wara li kkunsidra l-Aġenda2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, il-prinċipju li "ħadd ma jitħalla jibqa' lura", u, b'mod partikolari l-Għan1, li jfittex li jtemm il-faqar, l-Għan5 li jfittex li jikseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien għan-nisa, u l-Għan8 li jfittex li jikseb tkabbir ekonomiku sostenibbli,

–wara li kkunsidra l-istrateġija għat-tkabbir tal-UE "Ewropa2020", b'mod partikolari l-objettiv tagħha li tnaqqas l-għadd ta' persuni fl-UE li jgħixu taħt il-linji nazzjonali tal-faqar b'25% sal-2020, biex b'hekk 20miljun persuna jinħarġu mill-faqar, u l-ħtieġa li jintużaw b'mod sħiħ is-sistemi tas-sigurtà soċjali u tal-pensjonijiet tal-Istati Membri sabiex jiġi żgurat appoġġ adegwat għall-introjtu,

–wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru190 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol,

–wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

–wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE)2021/1004 tal-14ta'Ġunju2021 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal(1),

–wara li kkunsidra d-Direttiva2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5ta'Lulju2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(2),

–wara li kkunsidra d-Direttiva (UE)2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20ta'Ġunju2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw(3) (id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata),

–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5ta'Marzu2020 bit-titolu "Unjoni ta' Ugwaljanza: Strateġija ta' Ugwaljanza Bejn is-Sessi għall-2020-2025" (),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13ta'Ottubru2005 dwar in-nisa u l-faqar fl-Unjoni Ewropea(4),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8ta'Marzu2011 dwar l-aspett tal-faqar tan-nisa fl-Unjoni Ewropea(5),

– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13ta'Settembru2011 dwar l-intraprenditorija tan-nisa f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju(6),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26ta'Mejju2016 bit-titolu "Faqar: perspettiva tal-ġeneru"(7),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4ta'April2017 dwar in-nisa u r-rwol tagħhom fiż-żoni rurali(8),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14ta'Ġunju2017 dwar il-ħtieġa ta' strateġija tal-UE biex titwaqqaf u tiġi evitata d-differenza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel(9),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3ta'Ottubru2017 dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika tan-nisa fis-setturi privati u pubbliċi fl-UE(10),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15ta'Novembru2018 dwar is-servizzi tal-kura fl-UE għal ugwaljanza aħjar bejn is-sessi(11),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15ta'Jannar2019 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-politiki tat-tassazzjoni fl-UE(12),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30ta'Jannar2020 dwar id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri(13),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21ta'Jannar2021 dwar il-perspettiva tal-ġeneru fil-kriżi tal-COVID-19 u fil-perjodu ta' wara l-kriżi(14),

– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tas-7ta'Lulju2021 bit-titolu "Kontinent xiħ li qed jixjieħ – possibilitajiet u sfidi relatati mal-politika dwar it-tixjiħ wara l-2020"(15),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10ta'Frar2021 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, b'enfasi partikolari fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu(16),

–wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10ta'Diċembru2019 bit-titolu ''Ekonomiji Ugwali bejn is-Sessi fl-UE: It-Triq 'il Quddiem",

–wara li kkunsidra r-rapport tal-5ta'Marzu2020 tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) bit-titolu "Beijing +25: il-ħames rieżami tal-implimentazzjoni tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing fl-Istati Membri tal-UE",

–wara li kkunsidra r-rapport tas-27ta'Mejju2020 mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol bit-titolu "COVID-19 u d-dinja tax-xogħol. Ir-raba' edizzjoni",

–wara li kkunsidra t-taqsira tal-politika tal-15ta'Lulju2021 mill-Eurofound u l-EIGE bit-titolu "Upward convergence in gender equality: How close is the Union of equality?" (Konverġenza 'l fuq fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri: Kemm hija qrib l-Unjoni tal-ugwaljanza?),

–wara li kkunsidra l-istudju ta' Diċembru2017 mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni bit-titolu "Gender perspective on access to energy in the EU" (Il-perspettiva tal-ġeneru dwar l-aċċess għall-enerġija fl-UE),

–wara li kkunsidra l-Ի徱ċ tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-2019 u l-2020 tal-EIGE,

–wara li kkunsidra d-dokument ta' pożizzjoni ta' Ġunju2021 minn Make Mothers Matter bit-titolu "Mothers' Poverty in the EU" (Il-Faqar tal-Ommijiet fl-UE),

–wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021 u Proposta għal Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi2021 ta' Frar2021 min-Network Ewropew kontra l-Faqar bit-titolu "Working towards a Socially Inclusive and Poverty-proof Recovery from the COVID-19 Pandemic" (Naħdmu lejn Irkupru Soċjalment Inklużiv u Reżistenti għall-Faqar mill-Pandemija tal-COVID-19),

–wara li kkunsidra l-istudju tad-19ta'Mejju2021 mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni bit-titolu "COVID-19 and its economic impact on women and women's poverty": Insight from 5 European Countries" (Il-COVID-19 u l-impatt ekonomiku tiegħu fuq in-nisa u l-faqar fost in-nisa: Għarfien minn ħames pajjiżi Ewropej),

–wara li kkunsidra l-istudju tal-14ta'Ġunju2021 mid-Dipartiment Tematiku tal-Parlament għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni bit-titolu "Gender equality: Economic value of care from the perspective of the applicable EU funds" (L-ugwaljanza bejn il-ġeneri: Il-valur ekonomiku tal-kura mill-perspettiva tal-fondi applikabbli tal-UE),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14ta'April2016 dwar l-ilħuq tal-miri kontra l-faqar fid-dawl tal-ispejjeż dejjem jiżdiedu għall-familji(17)u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi dwaru,

–wara li kkunsidra l-ħidma tal-Pjattaforma tal-UE għall-Ġlieda Kontra l-Kondizzjoni ta' Persuni Mingħajr Dar, li tnediet f'Ġunju2021,

–wara li kkunsidra l-Artikolu54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A9-0194/2022),

A. billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija valur ewlieni tal-Unjoni minqux fl-Artikolu2 tat-TUE; billi l-Artikolu8 tat-TFUE jistabbilixxi l-prinċipju tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;

B.billi l-qerda tal-faqar hija waħda mill-prijoritajiet tal-UE, minquxa fl-Artikolu3 TUE, u fl-Artikolu34 tal-Karta, u hija mira ewlenija tal-pjan ta' azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR), li tirrifletti l-impenn tal-UE għall-ġlieda kontra l-faqar fil-politiki tagħha;

C.billi fl-UE, in-numru ta' nisa fil-faqar għadu ogħla min-numru ta' rġiel fil-faqar(18); billi minkejja t-tnaqqis fil-faqar fl-UE kemm fost in-nisa kif ukoll fost l-irġiel, in-nisa għadhom jiġu affettwati aktar b'mod sproporzjonat mill-faqar u mir-riskju ta' esklużjoni soċjali mill-irġiel, b'mod partikolari n-nisa li jesperjenzaw forom intersezzjonali ta' diskriminazzjoni; billi fl-2020, ir-riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali (AROPE) fl-UE kien ogħla għan-nisa (22,9%) milli għall-irġiel (20,9%), għalkemm fiż-żewġ każijiet dan naqas mill-2015 (24,9% u 23,1% rispettivament); billi mill-2017, l-ispariġġ tal-faqar bejn il-ġeneri żdied f'21Stat Membru(19); billi skont id-data, ir-rati tal-faqar fost in-nisa jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri; billi minħabba l-korrelazzjoni qawwija bejn il-faqar fost in-nisa u l-faqar fost it-tfal, tifel jew tifla minn kull erbat itfal fl-UE jinsabu f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali;

D.billi skont l-istimi għall-2019 fl-EU-27, in-nisa huma partikolarment affettwati mir-riskju ta' faqar (AROPE), b'rata ta' faqar ta' 17,1% wara t-trasferimenti soċjali; billi sa mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, in-nisa ġew affettwati b'mod sproporzjonat fl-isfera soċjoekonomika, inkluż, f'xi każijiet, mit-telf tal-impjiegi; billi r-rata ta' impjieg tan-nisa saħansitra naqset b'mod aktar drastiku milli naqset matul ir-reċessjoni tal-2008; billi dan, fost affarijiet oħra, huwa dovut għaż-żieda fil-kura bla ħlas, ix-xogħol domestiku u dak edukattiv li jsiru prinċipalment min-nisa, u rriżulta wkoll f'żieda fil-faqar fost in-nisa; billi anke qabel il-pandemija tal-COVID-19, il-maġġoranza tan-nies f'karigi temporanji u part-time kienu nisa, speċjalment fis-settur tas-servizzi, u billi l-pandemija saħħet din ix-xejra; billi l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 għadhom mhumiex mifhuma bis-sħiħ u billi l-impatt soċjoekonomiku se jkompli jiġi esperjenzat fis-snin li ġejjin; billi għalhekk huwa essenzjali li jiġi eżaminat il-faqar fost in-nisa fil-kuntest tal-immaniġġjar u l-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19; billi l-miżuri li ttieħdu għall-ħruġ mill-kriżi finanzjarja tal-2008 ma kinux biżżejjed biex jitnaqqas il-faqar fost in-nisa; billi t-tnaqqis fil-finanzjament għas-servizzi pubbliċi soċjali u l-pagi aktar baxxi jaffettwaw b'mod sproporzjonat lin-nisa, minħabba d-dipendenza akbar tagħhom mis-servizzi pubbliċi soċjali u l-allowances;

E.billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tfisser li jitqiesu d-differenzi bejn il-ġeneri fiċ-ċiklu kollu ta' politika u li jiżdied approċċ intersezzjonali billi titqies id-diversità fost in-nisa u l-irġiel meta jitfasslu, jiġu implimentati u evalwati l-politiki, il-programmi u l-proġetti sabiex tissaħħaħ l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; billi s'issa l-politiki tal-UE ma implimentawx politiki integrati reali jew inkludew approċċ intersezzjonali;

F.billi l-Artikolu3(3) TUE jimpenja lill-Unjoni biex tiġġieled "l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni" u tippromwovi "l-ġustizzja u l-protezzjoni soċjali [u] l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel" f'konformità mal-kunċett tal-ekonomija soċjali tas-suq; billi l-pjan ta' azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandu l-għan speċifiku li jnaqqas l-għadd ta' persuni f'riskju ta' faqar b'mill-inqas 15-il miljun sal-2030, inklużi ħames miljun tifel u tifla; billi l-aġendi soċjali, ekoloġiċi u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri huma marbuta ma' xulxin u jikkondividu l-għanijiet li jiżguraw tkabbir sostenibbli u distribuzzjoni ġusta tar-riżorsi; billi d-diskussjonijiet dwar ir-rieżami tal-mudell attwali tal-UE ta' governanza soċjoekonomika għandhom iqisu l-impenn tal-UE biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u jiġi eliminat il-faqar, b'mod partikolari l-faqar fost in-nisa;

G.billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-faqar estrem u d-drittijiet tal-bniedem, Olivier De Schutter, irrimarka li l-Unjoni Ewropea għandha tiżviluppa strateġija kontra l-faqar madwar l-UE li tiżgura approċċ strutturali u wiesa' għall-qerda tal-faqar fost in-nisa; billi huwa meħtieġ kuntratt soċjali aktar ġust għall-Unjoni Ewropea ta' wara l-pandemija, inklużi politiki ekonomiċi mmirati lejn it-tnaqqis tal-inugwaljanzi ekonomiċi;

H.billi l-faqar tal-ġenituri spiss iwassal għall-faqar fost it-tfal; billi l-investiment f'politiki li jappoġġjaw lin-nisa jtejjeb ukoll il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-familji tagħhom, u b'mod partikolari dawk tat-tfal tagħhom; billi l-UE u l-Istati Membri jeħtiġilhom jirrispettaw, jipproteġu u jissodisfaw id-drittijiet tat-tfal f'konformità mat-TUE; billi d-drittijiet tat-tfal huma mhedda f'sitwazzjonijiet ta' faqar; billi l-qerda tal-faqar fost it-tfal hija inkluża fil-Prinċipju11 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

I.billi l-familji b'ġenitur wieħed jinsabu f'riskju akbar ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali u għandhom probabbiltà akbar ta' trażmissjoni tal-faqar tul diversi ġenerazzjonijiet; billi 85% tal-familji b'ġenitur wieħed huma mmexxija min-nisa; billi fl-2020, 42,1% tal-popolazzjoni tal-UE li tgħix f'unitajiet domestiċi b'adult wieħed bi tfal dipendenti kienet f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali;

J.billi l-faqar fost in-nisa huwa r-riżultat ta' diskriminazzjoni tul il-ħajja; billi l-istereotipi marbuta mal-ġeneru għadhom jinfluwenzaw id-diviżjoni tax-xogħol fid-dar, fl-edukazzjoni, fuq il-post tax-xogħol u fis-soċjetà u l-aċċess għall-poter u għat-teħid tad-deċiżjonijiet; billi l-kura bla ħlas u x-xogħol domestiku, li jitwettqu l-aktar min-nisa, jimponu piż sproporzjonat fuq in-nisa; billi fuq livell globali, in-nisa jikkostitwixxu aktar minn 70% tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u tal-kura; billi dawn it-tipi ta' impjiegi ġew sottovalutati b'mod sistematiku minħabba li kienu, u għadhom, imwettqa b'xejn minn nisa fi ħdan l-unitajiet domestiċi; billi n-nisa għandhom paga aktar baxxa mill-irġiel; billi n-nisa għandhom aktar kuntratti part-time minħabba l-faqar fil-ħin; billi n-nisa qed ibatu minn faqar fost dawk li jaħdmu li jwassal għal riskji ogħla ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali minħabba intensità baxxa ta' xogħol;

K.billi għandha tingħata kunsiderazzjoni xierqa lir-rakkomandazzonijiet tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-opportunitajiet indaqs u l-appoġġ attiv għall-impjieg;

L.billi l-faqar fost in-nisa huwa multidimensjonali u għal din ir-raġuni jeħtieġ li niġġieldu kontra l-kawżi u l-konsegwenzi kollha tal-aspetti kollha tal-faqar fost in-nisa, inkluża d-deprivazzjoni materjali, iżda wkoll in-nuqqas ta' aċċess għal riżorsi u servizzi differenti, li jillimita l-kapaċità tagħhom li jgawdu bis-sħiħ iċ-ċittadinanza tagħhom; billi l-faqar fost in-nisa huwa influwenzat direttament min-nuqqas ta' valutazzjoni ġusta tax-xogħol li jitwettaq prinċipalment min-nisa, minn waqfiet fil-karriera minħabba liv tal-maternità jew minn responsabbiltajiet ta' kura, minn kondiviżjoni mhux ugwali ta' responsabbiltajiet ta' indukrar bla ħlas u minn xogħol domestiku u minn segregazzjoni fl-edukazzjoni u sussegwentement fis-suq tax-xogħol; billi l-faqar fost in-nisa jirriżulta fl-esklużjoni tagħhom minn ċerti aspetti soċjali u politiċi tal-ħajja; billi fl-istess ħin, in-nuqqas ta' aċċess adegwat għar-riżorsi u s-servizzi jżid ir-riskju tan-nisa li jaqgħu jew li jibqgħu fil-faqar, li juri l-interdipendenza reċiproka bejn il-faqar u l-esklużjoni soċjali u politika;

M.billi l-impatt tal-faqar fuq in-nisa u l-irġiel ivarja u billi għalhekk jeħtieġ li jiġu kkunsidrati wkoll indikaturi biex tinftiehem aħjar il-femminilizzazzjoni tal-faqar bħall-età, l-istennija tal-għomor, l-inugwaljanza fl-introjtu, id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi, it-tip ta' unitajiet domestiċi u t-trasferimenti soċjali; billi s-sinerġiji bejn diversi azzjonijiet imwettqa u miżuri politiċi li jappoġġjaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-impjiegi, fl-edukazzjoni, fil-politiki tat-tassazzjoni u fl-akkomodazzjoni jistgħu jgħinu biex jiġu miġġielda l-kawżi profondi tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali b'mod aktar effettiv;

N. billi hemm riskju akbar ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali fost xi gruppi ta' nisa bħalma huma l-ommijiet waħedhom, in-nisa li għandhom 'il fuq minn 65sena, in-nisa b'diżabilità, in-nisa b'livelli baxxi ta' edukazzjoni u n-nisa li jkunu ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni;

O.billi l-għadd tan-nisa f'età akbar huwa akbar minn dak tal-irġiel fil-popolazzjoni tal-EU-27; billi fl-2019, l-għadd ta' nisa anzjani ħafna (ta' 85 sena jew aktar) kien aktar mid-doppju tal-għadd ta' rġiel anzjani ħafna; billi l-iżviluppi fit-tixjiħ se jkollhom implikazzjonijiet profondi għall-gvernijiet, għan-negozji u għas-soċjetà ċivili, li jħallu impatt speċjalment fuq is-sistemi tas-saħħa u tal-kura soċjali, fuq is-swieq tax-xogħol, fuq il-finanzi pubbliċi u fuq l-intitolamenti għall-pensjoni;

P.billi ċ-ċifri juru li, bħala medja, fl-UE 29,5% tan-nisa b'diżabilità huma fir-riskju li jisfaw vittmi tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, meta mqabbla ma' 27,5% tal-kontropartijiet maskili tagħhom;

Q.billi n-nisa minn gruppi aktar vulnerabbli, bħan-nisa żgħażagħ, in-nisa b'diżabilità, in-nisa bi sfond ta' migrazzjoni, in-nisa Rom, in-nisa minn minoranzi reliġjużi jew etniċi, kif ukoll in-nisa LBTQI+, jiffaċċjaw forom addizzjonali u trażversali ta' diskriminazzjoni meta jaċċessaw l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-impjiegi u s-servizzi soċjali, u għalhekk huma esposti għal riskju ogħla ta' faqar;

R.billi l-persuni Rom jiffaċċjaw diskriminazzjoni fl-aċċess għall-inizjattivi tal-impjiegi bħall-Garanzija għaż-Żgħażagħ; billi s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi spiss ma jkollhomx il-kapaċità li jilħquhom jew japplikaw prattiki ta' diskriminazzjoni indiretta;

S.billi, fir-rigward tad-data dwar il-faqar, l-unità domestika statistika tiddefinixxi l-faqar fl-unitajiet domestiċi, u ma tqisx l-inugwaljanzi bejn il-ġeneri fid-distribuzzjoni interna tar-riżorsi, li jagħmilha diffiċli li tinkiseb data affidabbli diżaggregata skont il-ġeneru;

T.billi l-faqar fost in-nisa jżid ir-riskju tal-kondizzjoni ta' persuni mingħajr dar, nuqqas ta' aċċess għal akkomodazzjoni adegwata u faqar enerġetiku; billi huma meħtieġa miżuri ta' politika mfassla speċifikament għal ġenituri waħedhom;

U. billi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suq tax-xogħol hija strument importanti għall-eliminazzjoni tal-faqar fost in-nisa li minnha jibbenefikaw mhux biss in-nisa iżda l-ekonomija kollha kemm hi, u tħalli impatt pożittiv fuq il-PDG, il-livelli tal-impjiegi u l-produttività; billi t-titjib fl-ugwaljanza bejn il-ġeneri jwassal għal żieda fil-PDG tal-UE per capita ta' bejn 6,1 u 9,6% u 10,5miljun impjiegi addizzjonali, li jibbenefikaw minnhom kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel sal-2050;

V.billi għalkemm il-ħidma f'setturi ddominati ħafna min-nisa hija essenzjali u ta' valur soċjoekonomiku għoli, hija sottovalutata u mħallsa anqas mix-xogħol f'setturi ddominati mill-irġiel; billi hemm ħtieġa urġenti li tiġi vvalutata mill-ġdid l-adegwatezza tal-pagi fis-setturi ddominati min-nisa fir-rigward tal-valur soċjali u ekonomiku tagħhom u li jsir progress fil-pagi minimi, l-introjtu minimu u t-trasparenza fil-pagi fir-regolamenti tal-UE;

W. billi d-dritt għax-xogħol huwa prekundizzjoni essenzjali jekk in-nisa għandhom igawdu indipendenza ekonomika, sodisfazzjon professjonali u drittijiet ugwali effettivi;

X.billi d-differenza medja bejn il-ġeneri fl-impjiegi hija ta' 11,5%, filwaqt li n-nisa huma rrappreżentati b'mod sproporzjonat ħafna f'setturi ta' impjiegi prekarji u bi ħlas baxx; billi n-nisa huma aktar irrappreżentati f'forom flessibbli ta' xogħol, f'kuntratti atipiċi u flessibbli (xogħol part-time, xogħol temporanju, eċċ.); billi n-nisa jiffaċċjaw diskriminazzjoni fit-tqala u fil-maternità; billi fl-2019, id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi kienet ta' 14,1 % fil-livell tal-UE, għalkemm kien hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri(20); billi mill-2010, id-differenza bejn il-ġeneri fil-qligħ żdiedet fi 17-il Stat Membru, filwaqt li d-differenza bejn il-ġeneri fl-introjtu kibret fi 19-il Stat Membru, u dan wassal għal żieda ġenerali fl-inugwaljanza bejn il-ġeneri fil-qligħ u l-introjtu fl-UE(21); billi madwar 10% tal-popolazzjoni li taħdem fl-UE tinsab f'riskju ta' faqar, u huma prinċipalment in-nisa li jitħallsu paga minima jew anqas minn paga li tiggarantixxi l-għajxien, minħabba, fost affarijiet oħra, l-involviment akbar tan-nisa fl-ekonomija informali; billi l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat u l-iffissar ta' livelli adegwati u ġusti ta' pagi minimi li jipprevedu standard ta' għajxien deċenti jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu l-inugwaljanza fil-pagi, id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u l-faqar fost in-nisa;

Y.billi l-Karta Soċjali Ewropea tirrikonoxxi d-dritt tal-ħaddiema kollha, u għalhekk ukoll tal-ħaddiema nisa, għal remunerazzjoni ġusta li hija suffiċjenti għal standard ta' għajxien deċenti għalihom infushom u għall-familji tagħhom, u d-dritt għal paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali; billi, barra minn hekk, din tistabbilixxi d-dritt għall-protezzjoni mill-faqar u l-esklużjoni soċjali, u qed tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-differenza eżistenti fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa;

Z. billi r-rata ta' persuni trans f'impjieg bi ħlas hija biss ta' 51%, meta mqabbla ma' 69,3% tal-popolazzjoni ġenerali; billi l-qgħad huwa kwistjoni partikolari għan-nisa trans, li huma kważi tliet darbiet aktar probabbli li jkunu qiegħda mill-medja tal-popolazzjoni ġenerali(22);

AA.billi 20,7% tan-nisa b'diżabilità u 28,6% tal-irġiel b'diżabilità biss għandhom impjieg full-time; billi f'xi Stati Membri, il-persuni b'diżabilità spiss jitilfu l-intitolamenti ta' diżabilità tagħhom meta jibdew jaħdmu, u dan iżid ir-riskju tagħhom ta' faqar fost dawk li jaħdmu;

AB.billi fl-2019, id-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri kienet ta' medja 29,4%(23) b'riżultat tal-iżbilanċi maħluqa minn inugwaljanzi persistenti tul il-ħajja; billi din id-diskrepanza fil-pensjonijiet tfisser li n-nisa huma aktar probabbli li jaqgħu taħt il-linja tal-faqar hekk kif jikbru, filwaqt li għandu jitqies ukoll il-fatt li l-istennija tal-għomor tan-nisa hija itwal mill-istennija tal-għomor tal-irġiel, u b'hekk jissaħħu l-konsegwenzi tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali; billi inklużjoni akbar tax-xogħol tul il-ħajja ta' persuna se tgħin biex tiġi eliminata d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri;

AC. billi r-rivoluzzjoni teknoloġika u diġitali li qed nesperjenzaw qed iżżid il-progress diġitali u opportunitajiet ġodda ta' negozju u billi din ir-rivoluzzjoni teknoloġika u diġitali qed tbiddel ix-xejriet ekonomiċi, is-sistemi soċjali u s-suq tax-xogħol; billi kull persuna fis-soċjetà tagħna, speċjalment in-nisa, jeħtiġilha jkollha l-opportunità li tipparteċipa f'din il-prosperità;

AD. billi jeħtieġ li jiġu promossi aktar il-politiki li għandhom l-għan li jżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-oqsma relatati max-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u l-intelliġenza artifiċjali, u l-adozzjoni ta' approċċ f'diversi livelli biex tiġi indirizzata id-differenza bejn il-ġeneri fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u l-impjiegi fis-settur diġitali;

AE. billi l-bniet imorru aħjar mis-subien fl-iskola, imma spiss jiltaqgħu ma' diffikultajiet akbar jew ma jitħallewx isarrfu dan is-suċċess edukattiv f'kisba professjonali minħabba pressjonijiet familjari u pressjonijiet oħrajn;

AF. billi n-nisa li jgħixu f'żoni rurali huma partikolarment affettwati mill-faqar; billi ħafna nisa li jgħixu f'żoni rurali lanqas biss huma rreġistrati fis-suq tax-xogħol jew bħala qiegħda; billi r-rata tal-qgħad fost in-nisa f'żoni rurali hija estremament għolja, u dawk li huma impjegati għandhom introjtu baxx ħafna; billi n-nisa fiż-żoni rurali għandhom aċċess limitat għall-edukazzjoni;

AG.billi approċċ komuni tal-UE għas-settur tal-kura, minbarra l-politiki tal-Istati Membri, joħloq valur miżjud sinifikanti; billi n-nisa jwettqu xogħol ta' kura bla ħlas aktar ta' spiss mill-irġiel, u l-kura tat-tfal jew tad-dipendenti hija għalhekk waħda mill-aktar raġunijiet komuni għan-nisa biex inaqqsu s-sigħat tax-xogħol tagħhom jew jirtiraw mis-suq tax-xogħol; billi n-nisa aktar regolarment jieqfu mill-karrieri tagħhom jew iwettqu impjieg għal żmien qasir, part-time, prekarju jew saħansitra informali li jista' jiġi adattat għal skeda li fiha jkunu jistgħu jwettqu xogħol ta' indukrar, li jaffettwa l-qligħ tagħhom u l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-fondi tal-pensjoni tagħhom u b'hekk għandu impatt fuq l-indipendenza ekonomika tagħhom fix-xjuħija; billi l-aċċess universali għal servizzi u faċilitajiet tal-kura tas-saħħa u soċjali ta' kwalità għolja bi prezzijiet għal but ta' kulħadd, bħall-kura bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni jew il-kura għal dipendenti oħra, mhuwiex biss kruċjali biex jiġi evitat il-faqar dejjem akbar, speċjalment għan-nisa, iżda huwa kruċjali wkoll għal ekonomija li taqdi l-interess pubbliku; billi l-investiment f'dawn is-servizzi għalhekk għandu impatt pożittiv fuq l-indipendenza ekonomika tan-nisa u l-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol; billi l-miżuri ta' protezzjoni soċjali huma assolutament kruċjali biex jiġi indirizzat il-faqar fost in-nisa, mhux biss ekonomikament iżda wkoll fil-multidimensjonalità tiegħu;

AH.billi l-faqar jaggrava l-impatti tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq in-nisa peress li ż-żieda fid-diffikultajiet ekonomiċi tagħmilha diffiċli għan-nisa f'relazzjonijiet abbużivi biex jitilqu s-sieħeb tagħhom; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru hija problema strutturali li tista' tinstab fil-gruppi soċjoekonomiċi kollha u hija indipendenti mill-oriġini jew mit-twemmin; billi l-faqar ipoġġi lin-nisa f'riskju akbar ta' traffikar u sfruttament sesswali peress li jagħmel lilhom u lill-familji tagħhom ekonomikament dipendenti minn dawk li jabbużaw minnhom; billi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru tikkontribwixxi wkoll għall-faqar u l-esklużjoni soċjali peress li l-vjolenza għandha konsegwenzi fuq is-saħħa u tista' twassal għat-telf ta' impjieg tal-persuna u għall-kondizzjoni ta' persuni mingħajr dar;

AI.billi l-fastidju fuq il-post tax-xogħol, inkluż il-fastidju sesswali u psikoloġiku, li n-nisa normalment jisfaw vittmi tiegħu, għandu effett ta' deterrent fuq in-nisa, inklużi żieda fl-assenteiżmu, tnaqqis fil-produttività u b'konsegwenza ta' dan telf ta' introjtu u jikkontribwixxi biex dawn joħorġu mis-suq tax-xogħol, li għandu impatt negattiv fuq il-karriera u l-indipendenza ekonomika ta' individwu; billi r-rapportar ta' fastidju fuq il-post tax-xogħol jista' jwassal għal tkeċċija jew iżolament tal-vittma;

AJ.billi huwa stmat li bħalissa tifla minn kull għaxra ma għandhiex biżżejjed flus biex tixtri prodotti sanitarji; billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15ta'Jannar2019 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-politiki tat-tassazzjoni fl-UE, il-Parlament stieden lill-Istati Membri kollha jeliminaw l-hekk imsejħa taxxa fuq il-kura u t-tampons billi jużaw il-flessibbiltà introdotta fid-Direttiva tal-VAT u japplikaw eżenzjonijiet mit-taxxa jew rati ta' VAT ta' 0% għal dawn il-prodotti bażiċi essenzjali;

AK.billi l-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna qed tirriżulta f'żieda ulterjuri fil-faqar, speċjalment fost in-nisa, kemm minħabba li ġġiegħel lin-nisa u lit-tfal Ukreni jaħarbu lejn il-pajjiżi ġirien, kif ukoll minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tas-servizzi u l-prodotti bażiċi li l-Ewropej kollha qed jesperjenzaw, iżda li jaffettwaw b'mod partikolari lil dawk li diġà għandhom inqas riżorsi;

1.Jirrimarka li skont l-Eurostat, bħalissa hemm 64.6miljun mara u 57.6miljun raġel li jgħixu fil-faqar fl-Istati Membri, u dan juri li l-impatt tal-faqar fuq in-nisa u l-irġiel huwa differenti; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija Ewropea ambizzjuża kontra l-faqar għall-2030, b'miri konkreti għat-tnaqqis tal-faqar u b'enfasi fuq li jintemm il-faqar tan-nisa u li jitkisser iċ-ċiklu interġenerazzjonali tar-riskji ta' faqar;

2.Jissottolinja li l-faqar fost in-nisa jeħtieġ li jiġi analizzat ukoll minn approċċ intersezzjonali, li jinvolvi analiżi sensittiva għall-ġeneru li tqis il-forom intersezzjonali ta' diskriminazzjoni abbażi ta' karatteristiċi bħall-isfond soċjoekonomiku, l-oriġini tal-migranti u etnika, l-età, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru u l-espressjoni tal-ġeneru; jitlob li l-Ի徱ċ tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri tal-EIGE jiġi inkorporat fit-tabella ta' valutazzjoni soċjali; jistieden lill-EIGE jipprovdi data diżaggregata b'mod intersezzjonali u skont il-ġeneru, u jistieden lill-Istati Membri jużaw din id-data sabiex jindirizzaw aħjar l-isfidi speċifiċi għall-pajjiż u jiżviluppaw pjanijiet nazzjonali ta' rkupru, kif ukoll biex itejbu s-sinerġiji fost il-pakketti, il-fondi u l-politiki differenti;

3.Jissottolinja l-importanza ta' politiki li jqisu l-isfida demografika u jippromwovu opportunitajiet indaqs għal kulħadd, b'mod partikolari dawk li huma l-aktar milquta mill-kriżi, bħal gruppi vulnerabbli, familji fid-diversità kollha tagħhom, il-ġenerazzjoni żagħżugħa u l-anzjani, u li jiżguraw li l-opportunitajiet kummerċjali kollha offruti mir-rivoluzzjoni teknoloġika u diġitali attwali għandhom jagħmlu enfasi fuq in-nisa;

4.Jistieden lill-Istati Membri jwettqu xogħol simili u regolari dwar il-ġbir u l-analiżi ta' data diżaggregata meta jfasslu jew jevalwaw il-politiki u l-prattiki tagħhom sabiex jiġbru informazzjoni u ċifri dwar is-sitwazzjoni tan-nisa f'kundizzjonijiet prekarji speċifiċi, bħan-nisa li jbatu minn prekarjetà enerġetika, id-distakk diġitali, il-mard okkupazzjonali, in-nuqqas ta' nutrizzjoni u l-malnutrizzjoni;

5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod effettiv l-inugwaljanzi li jiffaċċjaw in-nisa, filwaqt li jindirizzaw il-komponenti ewlenin tagħhom, u għalhekk l-ostakli fis-suq tax-xogħol, kif ukoll l-aċċess għal servizzi ta' kwalità bi prezz għal but ta' kulħadd bħall-indukrar tat-tfal u s-servizzi ta' kura fit-tul u l-promozzjoni tal-aċċess għal skemi ta' pensjoni pubblika għal persuni li jaħdmu għal rashom, persuni inattivi, persuni qiegħda (jew għal żmien qasir jew twil), jew dawk f'impjieg "atipiku";

6. Jinnota li l-faqar għadu jitkejjel abbażi tal-introjtu akkumulat tal-unità domestika, liema prattika tassumi li l-membri kollha tal-unità domestika jaqilgħu l-istess u jqassmu r-riżorsi b'mod indaqs; jitlob drittijiet individwalizzati u kalkoli bbażati fuq l-introjti individwali sabiex jiġi miġġieled il-kobor veru tal-faqar fost in-nisa;

7.Jitlob li jkun hemm multidimensjonalità fil-kejl tal-faqar, inkluż il-faqar fil-ħin; jistieden lill-Eurostat jikkoordina mal-Istati Membri t-tfassil sensittiv għall-ġeneru tal-Istħarriġ Ewropew dwar l-Użu tal-Ħin u kemm dan għandu jitwettaq b'mod regolari;

8.Jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni ta' "strateġija Ewropea għall-kura", iżda jitlob li din tmur lil hinn mill-miżuri fis-settur tal-kura u tiżgura tranżizzjoni lejn ekonomija tal-indukrar li tadotta approċċ olistiku, sensittiv għall-ġeneru u tul il-ħajja għall-kura, inklużi miżuri li jippromwovu s-sostenibbiltà ekoloġika, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u pagi adegwati sabiex tinżamm l-attraenza tax-xogħol fis-settur tal-kura, tintemm id-diskriminazzjoni, jiġu miġġielda l-faqar, il-vjolenza u l-abbuż, jiġu stabbiliti standards minimi u linji gwida ta' kwalità adegwati għall-kura tul il-ħajja ta' persuna u jiġi pprovdut appoġġ lil persuni li jindukraw b'mod formali u informali, persuni li jindukraw bla ħlas u lin-nies li dawn jieħdu ħsieb; jistieden lill-Istati Membri joħolqu inċentivi għall-impjegaturi biex jippromwovu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

9. Jinnota li l-Istati Membri kollha żiedu d-diversi offerti ta' kura matul il-pandemija u introduċew dispożizzjonijiet speċjali għal unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed; iħeġġeġ lill-Istati Membri jestendu tali dispożizzjonijiet matul il-perjodu ta' rkupru;

10.Huwa konvint li l-prinċipju "ix-xogħol huwa l-aħjar kura kontra l-faqar" illum il-ġurnata m'għadux japplika fir-rigward ta' setturi b'pagi baxxi, kundizzjonijiet tax-xogħol atipiċi u prekarji u t-tnaqqis fis-sistemi tas-sigurtà soċjali, u li huma meħtieġa ftehimiet kollettivi effettivi u sistemi ta' pagi minimi biex tinkiseb soċjetà mingħajr faqar;

11. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu protezzjoni finanzjarja suffiċjenti, mhux biss għall-persuni b'impjieg tul il-ħajja, iżda wkoll għal dawk li jipprovdu xogħol ta' kura bla ħlas għal dipendenti u servizzi ta' kura edukattiva u fl-unitajiet domestiċi, dawk li huma f'impjieg prekarju u dawk li jesperjenzaw perjodi twal ta' qgħad;

12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu politiki li jkollhom l-għan li jeliminaw ix-xogħol prekarju u x-xogħol part-time involontarju sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni għan-nisa fis-suq tax-xogħol;

13.Jisħaq fuq ir-rwol ċentrali tan-nisa li jaħdmu fis-setturi soċjali, tal-indukrar, tat-tindif, tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tal-bejgħ bl-imnut li żommu lis-soċjetajiet tagħna jiffunzjonaw, kif muri mill-kriżi tal-COVID-19; jitlob li x-xogħol tipikament iddominat min-nisa jiġi vvalutat u evalwat mill-ġdid u li jiġu żviluppati u applikati għodod ta' evalwazzjoni tax-xogħol newtrali għall-ġeneru transsettorjali sabiex jiġi vvalutat u jiġi rremunerat aħjar ix-xogħol iddominat min-nisa u jiġi żgurat ħlas ugwali għal xogħol ugwali u xogħol ta' valur ugwali, filwaqt li fl-istess ħin tissaħħaħ l-intraprenditorija tan-nisa f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

14. Jinnota li l-maġġoranza l-kbira tal-ħaddiema bl-imnut u tal-ħaddiema li jwettqu xogħol ta' tindif huma nisa u spiss jitħallsu biss il-paga minima, u li l-pandemija tal-COVID-19 poġġiethom f'riskju saħansitra akbar ta' faqar; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jittejbu l-pagi u li jiġi miġġieled l-impjieg prekarju; iħeġġeġ lill-Istati Membri jgħollu l-istatus tal-professjonisti tas-saħħa permezz ta' pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti u, b'mod partikolari, billi jiġu konklużi kuntratti tal-impjieg xierqa;

15.Jenfasizza li sabiex tiġi indirizzata l-multidimensjonalità tal-faqar fost in-nisa, jeħtieġ li tingħeleb is-segregazzjoni tar-responsabbiltajiet tax-xogħol domestiku u tal-kura bla ħlas prinċipalment imwettqa min-nisa u li tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-istereotipi sabiex jissaħħu l-miżuri ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tas-servizz tal-kura u l-arranġamenti tax-xogħol favur il-familja, bħas-sigħat tax-xogħol adattabbli u l-possibbiltà ta' telexogħol biex jiġi promoss il-mudell ta' "qligħ indaqs/indukrar indaqs" (il-politika dwar l-użu tal-ħin)(24), sabiex in-nisa u l-irġiel ikunu jistgħu jirrikonċiljaw aħjar il-ħajja professjonali tagħhom mal-ħajja privata tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu u jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata sabiex tiġi żgurata diviżjoni ġusta tax-xogħol u tal-ħajja tal-familja, u jistieden lill-Istati Membri jmorru lil hinn mill-istandards minimi tad-Direttiva; jisħaq fuq il-fatt li l-faqar fost dawk li jaħdmu jeħtieġ li jiġi indirizzat fil-kawżi ewlenin tiegħu, pereżempju billi jiġu promossi l-edukazzjoni u t-taħriġ, jiġu stabbiliti pagi minimi u tiġi żgurata l-protezzjoni soċjali; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu f'edukazzjoni u f'taħriġ kwalitattivi u tappoġġjahom biex jagħmlu dan, jaqsmu prattiki tajbin u jagħtu attenzjoni speċifika lit-tagħlim tul il-ħajja;

16. Jisħaq fuq il-fatt li n-nisa huma kkonċentrati b'mod sproporzjonat, u ħafna drabi involontarjament, f'xogħol prekarju, inklużi livelli għolja ta' xogħol part-time u kuntratti b'paga baxxa, b'terminu fiss u ta' sigħat żero; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol maħsuba biex inaqqsu l-iskala ta' xogħol prekarju, bħal restrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom jistgħu jintużaw kuntratti prekarji u li jillimitaw it-tul ta' żmien li l-ħaddiema jistgħu jkunu impjegati fuq tali kuntratti;

17.Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw politiki attivi u effettivi biex jipprevjenu u jiġġieldu l-fastidju fuq il-post tax-xogħol, inkluż il-fastidju sesswali u psikoloġiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw mekkaniżmi ta' finanzjament xierqa u adegwati għal programmi u azzjonijiet biex jiġi miġġieled il-fastidju fuq il-post tax-xogħol, inklużi mekkaniżmi li jappoġġjaw lin-nisa biex jirrapportaw każijiet ta' fastidju; jistieden lill-Istati Membri u lill-UE jirratifikaw il-Konvenzjoni Nru190 dwar l-eliminazzjoni tal-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;

18.Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-konsegwenzi tal-għażliet tan-nisa fis-suq tax-xogħol u l-importanza tal-indipendenza ekonomika tagħhom biex jiġu protetti mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali;

19.Jesprimi t-tħassib tiegħu li n-nisa bit-tfal jiġu ddiskriminati fuq il-post tax-xogħol minħabba li huma ommijiet u mhux minħabba li r-rendiment fl-impjiegi tagħhom huwa inferjuri għal dak ta' sħabhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu b'mod attiv immaġni pożittiva tal-ommijiet bħala impjegati;

20.Jissottolinja r-rwol kruċjali ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja fil-ġlieda kontra l-faqar tan-nisa, b'mod partikolari ta' servizzi għall-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal, jew ta' kura għal persuni dipendenti oħra, bħall-anzjani; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa biex jirrikonoxxu din il-kisba tal-ħajja;

21.Jisħaq fuq il-fatt li t-tibdil fil-klima għandu wkoll impatt kbir fuq il-faqar fost in-nisa peress li n-nisa huma aktar dipendenti mir-riżorsi naturali u, peress li jikkostitwixxu l-maġġoranza tal-persuni foqra fl-UE, għandhom inqas riżorsi biex jipproteġu lilhom infushom kontra l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-perspettiva tal-ġeneru ma ġietx introdotta b'mod konsistenti fil-politiki tal-UE dwar il-klima; jistieden lill-Kummissjoni tintegra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki u fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tibdil fil-klima; huwa tal-opinjoni li l-pakkett Lesti għall-mira ta' 55% u l-fond soċjali għall-klima għandhom ikunu mfassla u implimentati b'dimensjoni ċara tal-ġeneru u jkunu ta' benefiċċju għan-nisa bl-istess mod bħall-irġiel;

22.Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jipproteġu lin-nisa li jgħixu fil-faqar enerġetiku billi jipprovdu rispons f'waqtu u kkoordinat biex jiġi indirizzat l-impatt fit-tul tal-kriżi tal-enerġija; jenfasizza li jrid jiġi ggarantit aċċess għal utilitajiet bi prezz raġonevoli għal unitajiet domestiċi b'introjtu baxx, u b'mod partikolari għal nisa akbar fl-età u għal ommijiet waħedhom;

23.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki, fil-programmi u fl-azzjonijiet kollha u jistabbilixxu politiki aħjar dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u miżuri adegwati biex jiggarantixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, bħal liv tal-maternità aħjar, perjodi ferm itwal ta' liv tal-paternità, liv tal-ġenituri mħallas u mhux trasferibbli, ħinijiet tax-xogħol flessibbli, faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal fuq il-post, servizzi ta' kura u politiki ta' xogħol mill-bogħod; jisħaq fuq l-importanza tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u li r-rispons tal-politika ekonomika għall-pandemija tal-COVID-19 jitfassal apposta għall-ħtiġijiet speċifiċi tan-nisa u l-istruttura tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom;

24.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-leġiżlazzjoni, fil-politiki, fil-programmi u fl-azzjonijiet kollha relatati mat-trasport u jinkludu perspettiva tal-ġeneru fit-tfassil tal-mobbiltà, tal-akkomodazzjoni għal but ta' kulħadd u tal-ippjanar urban;

25.Jenfasizza li l-kondizzjoni ta' persuni mingħajr dar fost in-nisa ma għandhiex tiġi sottovalutata u meqjusa ħażin bħala problema soċjali minuri fl-UE; jirrimarka n-nuqqas ta' data diżaggregata komprensiva dwar in-natura u l-firxa tal-kondizzjoni ta' persuni mingħajr dar fost in-nisa, li jagħmel din il-problema inqas viżibbli; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jintegraw perspettiva tal-ġeneru fil-politiki u l-prattiki li jindirizzaw il-kondizzjoni ta' persuni mingħajr dar u n-nuqqas ta' aċċess għal akkomodazzjoni u enerġija għal but ta' kulħadd u adegwati, u jiżviluppaw strateġiji speċifiċi bil-għan li jiġu miġġielda dawn il-problemi sal-2030, filwaqt li jiġi żgurat li s-servizzi jaħdmu b'mod xieraq u effikaċi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tan-nisa mingħajr dar; jisħaq fuq l-importanza li tiġi rikonoxxuta l-vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala waħda mill-kawżi ewlenin li jaggravaw ir-riskju tal-kondizzjoni ta' persuni mingħajr dar fost in-nisa, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi eżaminat kif il-ħtiġijiet tan-nisa jikkoinċidu ma' ostakoli soċjoekonomiċi u strutturali usa'; jistieden lill-atturi kollha jintegraw perspettiva tal-ġeneru fil-Pjattaforma Ewropea għall-Ġlieda kontra l-Kondizzjoni ta' Persuni Mingħajr Dar; huwa konvint li l-prinċipju l-"akkomodazzjoni l-ewwel" jista' jkollu rwol importanti fil-ġlieda kontra l-kondizzjoni ta' persuni mingħajr dar u jitlob li dawn il-proġetti jiġu implimentati fl-Istati Membri kollha;

26.Jinnota li s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika li qed tmur għall-agħar ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 żiedet il-forom kollha ta' abbuż u vjolenza fil-konfront tan-nisa, kif ukoll il-prostituzzjoni, bi ksur tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa li jiżdiedu r-riżorsi pubbliċi, finanzjarji, u umani bil-għan li jingħata appoġġ lill-gruppi li jinsabu fir-riskju tal-faqar u jiġu indirizzati b'mod deċiżiv is-sitwazzjonijiet li jippreżentaw riskju għat-tfal u ż-żgħażagħ, għall-anzjani, għall-persuni b'diżabilità, u għall-persuni bla dar;

27.Jinnota li l-indipendenza ekonomika tan-nisa għandha rwol kruċjali fl-abbiltà tagħhom biex jaħarbu sitwazzjonijiet ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru; jitlob, għalhekk, li jiġu pprovduti miżuri ta' appoġġ u protezzjoni biex in-nisa jiġu appoġġjati f'dawn is-sitwazzjonijiet, li tiġi adottata direttiva komprensiva dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, li l-vjolenza abbażi tal-ġeneru tiżdied fil-lista ta' reati tal-UE, li l-Konvenzjoni ta' Istanbul tiġi rratifikata mill-UE u li din tiġi rratifikata mill-Bulgarija, miċ-Ċekja, mill-Ungerija, mil-Latvja, mil-Litwanja u mis-Slovakkja; jisħaq li ħajja ħielsa mill-vjolenza hija fundamentali jekk in-nisa għandhom jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol, jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u jkunu finanzjarjament indipendenti; jikkundanna d-diżinformazzjoni intenzjonata dwar l-għodod u l-inizjattivi għall-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi tal-ġeneru fl-UE; jesprimi tħassib li din id-diżinformazzjoni qed tistabbilixxi ruħha fl-Ewropa u b'hekk tagħmilha aktar diffiċli li n-nisa jiġu protetti mill-vjolenza;

28.Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu prattiki ta' ħsara bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili, iż-żwieġ bikri u furzat u l-hekk imsejħa "vjolenza relatata mal-unur", li b'mod speċifiku tikkawża ħsara lin-nisa u lill-bniet u tillimitahom;

29. Iqis il-prostituzzjoni bħala forma serja ta' vjolenza u sfruttament, li tolqot l-aktar lin-nisa u lit-tfal; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni speċifika biex jiġġieldu l-kawżi ekonomiċi, soċjali u kulturali tal-prostituzzjoni sabiex in-nisa f'sitwazzjoni ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali ma jisfawx vittmi ta' tali sfruttament; jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni speċifika biex jgħinu lill-prostituti bir-riintegrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom;

30. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri proattivi permezz tal-fondi soċjali Ewropej u l-fond agrikolu Ewropew għall-iżvilupp rurali biex tippromwovi l-impjieg tan-nisa, l-iffaċilitar tal-aċċess għas-servizzi soċjali u l-iżvilupp soċjoekonomiku fiż-żoni rurali; iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, biex inaqqsu r-riskju tal-faqar fost in-nisa fiż-żoni rurali billi jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom permezz tal-għoti ta' programmi edukattivi ta' kwalità u kundizzjonijiet ta' impjieg ta' kwalità, inkluż it-telexogħol u introjtu deċenti; jitlob li tittieħed azzjoni pożittiva li tħeġġeġ lill-bdiewa nisa b'mod partikolari biex jibqgħu fiż-żoni rurali, inkluża l-promozzjoni ta' ċentri komunitarji li jistgħu jipprovdu pariri tekniċi u assistenza biex l-azjendi agrikoli jibqgħu joperaw u jgħinuhom jissopravivu u jħeġġu liż-żgħażagħ jinvestu fl-agrikoltura u fil-bhejjem biex jiżguraw is-sopravivenza fit-tul tagħhom;

31.Jisħaq fuq ir-rwol kruċjali tal-fondi u l-programmi soċjali kollha tal-UE, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew Plus u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati, il-Fond ta' Tranżizzjoni Ġusta, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni; jenfasizza li permezz tal-FSE+, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandu jkollhom l-għan li jimmitigaw l-impatti soċjoekonomiċi tal-kriżi, b'mod partikolari fuq in-nisa, iżidu l-għadd ta' nisa fl-impjiegi kif ukoll jgħinuhom jirrikonċiljaw ix-xogħol u l-ħajja personali tagħhom, jiġġieldu l-faqar u d-dimensjoni tal-ġeneru tiegħu, il-femminilizzazzjoni tal-faqar u d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru fis-suq tax-xogħol u fl-edukazzjoni u t-taħriġ, jappoġġjaw l-aktar vulnerabbli u jiġġieldu l-faqar fost it-tfal; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-fondi b'perspettiva tal-ġeneru;

32. Jenfasizza li l-isforzi nazzjonali biex tiġi żgurata l-inklużjoni tar-Rom għandhom jiġu aċċellerati fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-inklużjoni u b'hekk tiżgura l-parteċipazzjoni tal-bniet u tan-nisa Rom fil-livelli kollha, inklużi dawk li jaħdmu fil-livell lokali, reġjonali u tal-UE; jirrimarka li dan l-objettiv għandu jqis l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u jagħmel enfasi fuq li l-prattiki tajba tal-Istati Membri jiġu elevati fil-livell tal-Unjoni;

33. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissupplimentaw l-għajnuna finanzjarja tal-UE bi programmi ta' studju u proġetti li jagħtu lill-bniet u lin-nisa Rom b'talent l-opportunità li jużaw l-edukazzjoni kontinwa biex jeħilsu lilhom infushom mill-faqar interġenerazzjonali, jippromwovu l-integrazzjoni soċjali tagħhom u jiżviluppaw l-għarfien tagħhom, bil-ħsieb li titjieb is-sitwazzjoni tal-komunità tar-Rom; jistieden lill-Istati Membri jindikaw il-livell ta' appoġġ li jkunu jeħtieġu biex jimplimentaw il-miżuri rakkomandati għall-integrazzjoni tal-popolazzjoni Rom;

34.Jissottolinja li żieda fil-faqar tan-nisa għandha impatt kbir fuq is-soċjetà usa'; jesprimi tħassib dwar l-impatt li dan se jkollu f'termini ta' faqar fost it-tfal; jilqa', f'dan ir-rigward, l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE)2021/1004 tal-14ta'Ġunju2021 li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal;

35.Jenfasizza l-kontribut ewlieni tan-nisa fl-oqsma tal-impjiegi, il-kultura, l-edukazzjoni, ix-xjenza u r-riċerka; jirrikonoxxi d-deterjorament profond fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nisa impjegati fl-arti u fil-kultura, u fin-negozji agrikoli u rurali mikro u żgħar li jirriżulta mis-sospensjoni tal-attivitajiet ekonomiċi u kulturali matul il-perjodu tal-pandemija;

36.Jitlob approċċ sensittiv għall-ġeneru għat-tranżizzjoni diġitali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-programmi u l-finanzjament eżistenti u tagħmel disponibbli finanzjament addizzjonali fejn meħtieġ għall-ġlieda kontra l-faqar diġitali fost in-nisa sabiex in-nisa jingħataw il-ħiliet meħtieġa biex joperaw b'mod sikur fl-ambjent diġitali, u biex ittejjeb il-kompetenza diġitali tagħhom;

37. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestigaw l-ostakoli għall-intraprenditorija tan-nisa u b'mod partikolari biex iwettqu analiżi komprensiva tal-aċċess tan-nisa għall-finanzi, filwaqt li jgħinu biex jintemm il-faqar fost in-nisa fl-Unjoni Ewropea billi jsaħħu l-pożizzjoni tan-nisa biex isiru intraprendituri u fundaturi ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni doppja; jinnota li l-intraprenditorija tan-nisa toħloq l-impjiegi, issaħħaħ is-suq uniku u tnaqqas il-qgħad; jinnota li tnaqqis fil-piż burokratiku għall-imprendituri jneħħi l-ostakoli biex jiġi żgurat li aktar nisa jkunu jistgħu jibdew negozji; jenfasizza l-importanza tal-għarfien dwar l-intraprenditorija u l-esperjenza prattika fl-iskejjel; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa permezz tal-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja; jitlob, b'mod partikolari, li jkun hemm aktar promozzjoni tas-suġġetti STEM, il-litteriżmu diġitali, tal-intelliġenza artifiċjali u dak finanzjarju sabiex jiġu miġġielda l-istereotipi prevalenti u jiġi żgurat li aktar nisa jidħlu f'dawn is-setturi u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tagħhom;

38.Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-politika fiskali ġdida, inkluża t-tassazzjoni, li għandha dimensjoni tal-ġeneru ċara, tindirizza u telimina l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi u tal-ġeneru fid-dimensjonijiet kollha tagħhom(25); jistieden lill-Istati Membri jevitaw id-diskriminazzjoni bejn il-ġeneri fil-politiki tat-taxxa tagħhom u jeliminaw il-VAT fuq il-prodotti sanitarji tan-nisa, li b'mod sproporzjonat tipperikola d-dinjità tan-nisa b'introjtu aktar baxx, u b'hekk jiżguraw li n-nisa kollha jkollhom aċċess għal dawn il-prodotti essenzjali;

39.Jistieden lill-Istati Membri jqisu d-dimensjoni tal-ġeneru meta jwettqu riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet u meta jadattaw l-età tal-irtirar, u jqisu d-differenzi bejn il-mudelli tax-xogħol tan-nisa u l-irġiel, inklużi l-prattiki kollha ta' impjieg bla ħlas, filwaqt li jqisu r-riskju ogħla ta' diskriminazzjoni kontra n-nisa fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari n-nisa akbar fl-età; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri speċifiċi biex jipprevjenu u jiġġieldu r-riskju tal-faqar għan-nisa anzjani u rtirati li jirriżulta mit-tixjiħ tal-popolazzjoni u l-proporzjon ta' nisa anzjani f'pożizzjonijiet żvantaġġati jew vulnerabbli; jistieden lill-Istati Membri jinkludu kumpens għal xogħol ta' kura bla ħlas fis-sistemi tal-pensjoni tagħhom, pereżempju permezz ta' krediti ta' kura jew miżuri oħra miżjuda mal-pensjoni tal-persuna li tindokra, irrispettivament minn jekk il-kura hijiex ipprovduta lil tfal taħt l-età, lil persuni anzjani jew lil persuni morda jew b'diżabilità, filwaqt li fl-istess ħin jinkoraġġixxu lill-irġiel biex isiru persuni li jindukraw;

40.Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lura milli tippromwovi kwalunkwe rakkomandazzjoni politika li twassal għal żieda fir-relazzjonijiet tax-xogħol prekarji, it-tneħħija tar-regolamentazzjoni tas-sigħat tax-xogħol, it-tnaqqis fis-salarji, attakk fuq in-negozjar kollettiv, jew il-privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u tas-sigurtà soċjali;

41.Jilqa' n-negozjati li għaddejjin bħalissa għall-adozzjoni ta' Direttiva dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jadottaw qafas tal-UE li jiffavorixxi l-istabbiliment jew l-adattament ta' paga minima għal kull pajjiż abbażi, fost l-oħrajn, ta' pakkett nazzjonali ta' prodotti u servizzi bi prezzijiet reali, inkluż, fost l-oħrajn, akkomodazzjoni adegwata, ikel tajjeb għas-saħħa u bbilanċjat, ħwejjeġ, trasport sostenibbli u enerġija, is-saħħa u l-kura u r-riżorsi li jippermettu lin-nies jipparteċipaw b'mod sinifikanti fis-soċjetà, fil-kultura u fl-edukazzjoni, li jiżgura livell ta' għajxien deċenti li parzjalment jgħin biex jitnaqqas il-faqar fost dawk li jaħdmu, b'mod partikolari għan-nisa; jitlob li jkun hemm pagi minimi ġusti u adegwati fl-Istati Membri bħala salvagwardja meħtieġa biex tiġi żgurata distribuzzjoni aktar ġusta tal-pagi u biex tiġi ggarantita paga minima li tipproteġi lin-nisa u lill-irġiel fis-suq tax-xogħol; huwa tal-fehma li l-ħolqien ta' qafas ta' paga minima jrid jinkiseb u jiġi ppreservat permezz ta' regoli ċari, proċeduri trasparenti u prattiki effettivi, permezz ta' kriterji u indikaturi ta' gwida biex jiġu vvalutati l-adegwatezza u bil-kontribut tal-korpi konsultattivi, fost l-oħrajn, u l-involviment tas-sħab soċjali;

42.Jistieden lill-Istati Membri jkunu ambizzjużi fl-implimentazzjoni tagħhom tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal u d-Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi, kif ukoll id-Direttiva dwar il-Pagi Minimi futura u r-Rakkomandazzjoni dwar l-Introjtu Minimu;

43.Jesprimi dispjaċir li b'mod ġenerali, l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għadha ma ġietx applikata fil-baġit kollu tal-UE, kif indikat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, u jitlob li din is-sitwazzjoni titreġġa' lura b'urġenza; jissottolinja li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għandha tiġi applikata fil-livelli kollha taċ-ċiklu ta' politika u trid tkun ibbażata fuq data affidabbli; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni ta' ibbaġitjar skont il-ġeneru, inkluż fil-programmi kollha fil-baġit tal-2022, sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiġi eliminat il-faqar fost in-nisa; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, taċċellera l-introduzzjoni ta' metodoloġija effettiva, trasparenti u komprensiva u tikkoopera mill-qrib mal-Parlament fil-kejl tan-nefqa rilevanti għall-ġeneru, kif previst fil-Ftehim Interistituzzjonali(26) tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, sabiex ikunu jistgħu juru riżultati tanġibbli għall-baġit tal-2022 u bil-għan li l-metodoloġija tiġi estiża għall-programmi qafas finanzjarji pluriennali kollha;

44.Jirrimarka li l-kapaċità fiskali tal-UE tirrikjedi reviżjoni potenzjali tal-governanza ekonomika u soċjali attwali biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi u l-faqar fost in-nisa u tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jitlob li l-governanza ekonomika u soċjali tkun konsistenti mal-ilħuq tal-objettivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u għat-tmiem tal-faqar fost in-nisa;

45.Jistieden lill-Kunsill jistabbilixxi konfigurazzjoni ddedikata dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri sabiex iwettqu miżuri komuni u konkreti biex jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jiżguraw li l-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jiġu diskussi fl-ogħla livell politiku;

46.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw l-impatt inugwali bejn il-ġeneri tal-inflazzjoni u ż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija kkawżati fil-kuntest tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u biex iqisu dan meta jimplimentaw miżuri biex itaffu l-impatt tagħha fuq l-ifqar persuni;

47.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L223, 22.6.2021, p.14.
(2) ĠU L204, 26.7.2006, p.23.
(3) ĠU L188, 12.7.2019, p.79.
(4) ĠU C233E, 28.9.2006, p.130.
(5) ĠU C199E, 7.7.2012, p.77.
(6) ĠU C51E, 22.2.2013, p.56.
(7) ĠU C76, 28.2.2018, p.93.
(8) ĠU C298, 23.8.2018, p.14.
(9) ĠU C331, 18.9.2018, p.60.
(10) ĠU C346, 27.9.2018, p.6.
(11) ĠU C363, 28.10.2020, p.80.
(12) ĠU C411, 27.11.2020, p.38.
(13) ĠU C331, 17.8.2021, p.5.
(14) ĠU C456, 10.11.2021, p.191.
(15) ĠU C99, 1.3.2022, p.122.
(16) ĠU C465, 17.11.2021, p.62.
(17) ĠU C58, 15.2.2018, p.192.
(18) Il-paġna web tal-Eurostat bit-titolu "Living conditions in Europe – poverty and social exclusion" (Il-kundizzjonijiet tal-għajxien fl-Ewropa – faqar u esklużjoni soċjali), aċċessata fit-30ta'Mejju2022. Disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Living_conditions_in_Europe_-_poverty_and_social_exclusion&oldid=544210
(19) L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, "Gender Equality Index 2020: Digitalisation and the future of work", (L-Ի徱ċ tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri2020: id-Diġitalizzazzjoni u l-futur tax-xogħol). l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2020.
(20) Il-paġna web tal-Eurostat bit-titolu "Gender pay gap statistics" (Statistika dwar id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi), aċċessata fit-30ta'Mejju2022. Disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Gender_pay_gap_statistics
(21) "Gender pay gap statistics" (Statistika dwar id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi).
(22) https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/7341d588-ddd8-11ea-adf7-01aa75ed71a1/language-en
(23) L-artiklu tal-Eurostat tat-3ta'Frar2021 bit-titolu "Closing the gender pension gap?" (Qed neliminaw id-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn il-ġeneri?).
(24) Il-Bażi tad-Data tal-Istatistika dwar il-Ġeneru tal-EIGE, aċċessata fit-30ta'Mejju2022. Disponibbli fuq: https://eige.europa.eu/gender-statistics/dgs/browse/ta/ta_timeuse
(25) Rapport mid-Dipartiment tal-Politika għad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali tal-Parlament ta' April2017 bit-titolu "Gender equality and taxation in the European Union" (L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tassazzjoni fl-Unjoni Ewropea).
(26) ĠU L123, 12.5.2016, p.1.

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' Awwissu 2023Avviż legali-Politika tal-privatezza