Il-Bank Ewropew tal-Investiment
Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jimbotta l-objettivi tal-Unjoni Ewropea billi jipprovdi finanzjament ta’ proġetti fit-tul, garanziji u konsulenza. Huwa jappoġġja proġetti kemm fi ħdan l-UE kif ukoll lil hinn minnha. L-azzjonisti tiegħu huma l-Istati Membri tal-UE. Il-BEI huwa l-azzjonist maġġoritarju tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), u ż-żewġ organizzazzjonijiet flimkien jiffurmaw il-Grupp tal-BEI.
Il-bażi legali
- L-Artikoli 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Aktar dispożizzjonijiet rigward il-BEI jinsabu fl-Artikoli 15, 126, 175, 209, 271, 287, 289 u 343 tat-TFUE;
- Il-Protokoll (Nru5) dwar l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Protokoll (Nru28) dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali li huma mehmuża mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE.
L-objettivi
Skont l-Artikolu 309 tat-TFUE, il-kompitu tal-BEI huwa li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ibbilanċjat u kostanti tas-suq intern fl-interess tal-Unjoni. Il-BEI, fis-setturi kollha tal-ekonomija, jiffaċilita l-finanzjament tal-proġetti li:
- ifittxu li jiżviluppaw reġjuni inqas żviluppati;
- ifittxu li jimmodernizzaw jew jikkonvertu impriżi, jew jiżviluppaw attivitajiet ġodda li ma jistgħux jiġu ffinanzjati kompletament bil-mezzi disponibbli fl-Istati Membri individwali;
- jkunu ta’ interess komuni għal bosta Stati Membri.
Huwa jikkontribwixxi wkoll għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni (l-Artikolu 175 tat-TFUE u l-Protokoll Nru28). Minbarra dan, huwa jappoġġja l-implimentazzjoni ta’ miżuri lil hinn mill-UE li jappoġġjaw il-politika ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni (l-Artikolu 209 tat-TFUE).
L-attivitajiet tal-BEI jiffokaw fuq sitt oqsma ta’ prijorità: il-klima u l-ambjent; l-iżvilupp; l-innovazzjoni u l-ħiliet; in-negozji ż-żgħar; l-infrastruttura; u l-koeżjoni.
-żǰ u l-istrumenti
A. -żǰ
Sabiex jilħaq l-objettivi tiegħu, il-BEI primarjament jagħmel użu mir-riżorsi proprji tiegħu u s-swieq kapitali internazzjonali (l-Artikolu 309 tat-TFUE).
1. -żǰ proprji
-żǰ proprji huma pprovduti mill-membri tal-BEI, jiġifieri l-Istati Membri (l-Artikolu 308 tat-TFUE). Il-kontribuzzjoni għall-kapital minn kull Stat Membru individwali hija stabbilita fl-Artikolu 4 tal-Istatut tal-BEI u tiġi kkalkolata skont il-piż ekonomiku tal-Istati Membri. L-Istati Membri jistgħu jżidu s-sottoskrizzjonijiet kapitali tagħhom fuq bażi volontarja. Il-kapital sottoskritt totali tal-BEI jammonta għal EUR248.8biljun.
2. Is-swieq kapitali
Il-BEI jakkwista l-parti l-kbira tar-riżorsi tas-self tiegħu minn swieq kapitali internazzjonali, prinċipalment permezz tal-ħruġ ta’ bonds. Huwa wieħed mill-akbar mutwanti sovranazzjonali fid-dinja. Il-klassifikazzjoni tal-kreditu eċċellenti hija importanti sabiex jinkiseb finanzjament kosteffiċjenti. L-aġenziji ewlenin tal-klassifikazzjoni tal-kreditu attwalment jattribwixxu l-ogħla klassifikazzjoni lill-BEI, u dan jirrifletti l-kwalità tal-portafoll tas-self tiegħu. Il-BEI ġeneralment jiffinanzja terz ta’ kull proġett, iżda l-finanzjament ta’ appoġġ jista’ jilħaq il-50%.
B. L-istrumenti
Il-BEI juża firxa wiesgħa ta’ strumenti differenti, iżda prinċipalment juża self u garanziji. Madankollu, ġew żviluppati wkoll għadd ta’ strumenti oħra aktar innovattivi bi profil ta’ riskju ogħla. Se jkunu ddisinjati aktar strumenti f’kooperazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE. Il-finanzjament provdut mill-BEI jista’ jiġi kkombinat ukoll ma’ finanzjament minn sorsi oħra tal-UE (inter alia, il-baġit tal-UE), proċess magħruf bħala finanzjament imħallat. Minbarra l-finanzjament tal-proġetti, il-BEI għandu wkoll funzjoni konsultattiva.
Is-self huwa pprovdut fil-forma ta’ self dirett jew intermedju. Is-self dirett ta’ proġetti huwa soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, pereżempju t-total tal-ispejjeż ta’ investiment irid ikun iktar minn EUR25miljun, u s-self jista’ jkopri biss sa 50% tal-ispejjeż tal-proġett. Is-self intermedju jikkonsisti f’self lill-banek lokali jew intermedjarji oħra li, min-naħa tagħhom, jappoġġjaw lill-benefiċjarju finali. Il-maġġoranza tas-self isir fl-UE.
Minbarra l-attivitajiet ta’ self aktar tradizzjonali tiegħu, il-BEI juża wkoll faċilitajiet ta’ taħlit biex iħallat is-self tiegħu ma’ għotjiet minn korpi pubbliċi jew organizzazzjonijiet filantropiċi.
Il-governanza u l-istruttura
A. Il-governanza
Il-BEI għandu personalità ġuridika, f’konformità mal-Artikolu308 tat-TFUE. Huwa mmexxi u amministrat minn Bord tal-Gvernaturi, Bord tad-Diretturi u Kumitat ta’ Tmexxija. Kumitat tal-Verifika jivverifika l-attivitajiet tal-Bank.
Il-Bord tal-Gvernaturi huwa magħmul minn ministri maħtura mill-Istati Membri. Jistabbilixxi direttivi ġenerali għall-politika tal-kreditu tal-Bank u jiżgura l-implimentazzjoni tagħha. Fost affarijiet oħra għandu l-obbligu li;
- jiddeċiedi jekk għandux iżid il-kapital sottoskritt;
- jiddetermina l-prinċipji applikabbli għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament imwettqa fil-qafas tal-kompiti tal-Bank;
- jiddeċiedi dwar l-għoti ta’ finanzi għall-operazzjonijiet ta’ investiment li jridu jsiru, parzjalment jew għal kollox, lil hinn mill-UE; kif ukoll;
- japprova r-rapport annwali tal-Bord tad-Diretturi, il-karta annwali tal-bilanċ, il-kont tal-qligħ u t-telf, u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank.
Il-Bord tad-Diretturi jikkonsisti minn 28direttur u 31direttur supplenti. Id-diretturi jinħatru mill-Bord tal-Gvernaturi għal ħames snin. Kull Stat Membru u l-Kummissjoni jinnominaw direttur kull wieħed. Il-Bord tad-Diretturi jiddeċiedi dwar: l-għoti ta’ finanzjamenti, b’mod partikolari fil-forma ta’ self u garanziji; il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ self; l-iffissar ta’ rati ta’ mgħax fuq is-self mogħti, kif ukoll il-kummissjoni u imposti oħra. Huwa jiżgura li l-Bank huwa mmexxi b’mod xieraq u ġestit f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u tal-Istatut u mad-direttivi ġenerali stabbiliti mill-Bord tal-Gvernaturi.
Il-Kumitat ta’ Tmexxija jikkonsisti minn President u tmien Viċi Presidenti, maħtura għal perjodu ta’ sitt snin mill-Bord tal-Gvernaturi fuq proposta tal-Bord tad-Diretturi. Il-ħatriet tagħhom jistgħu jiġġeddu. Huwa responsabbli għall-operazzjoni ta’ kuljum tal-Bank, taħt l-awtorità tal-President u s-superviżjoni tal-Bord tad-Diretturi; iħejji d-deċiżjonijiet tal-Bord tad-Diretturi, u jiżgura li dawn id-deċiżjonijiet jiġu implimentati.
Il-Kumitat tal-Verifika jikkonsisti minn sitt membri maħtura mill-Bord tal-Gvernaturi. Kull sena, jivverifika li l-operazzjonijiet tal-Bank tmexxew sew u l-kotba tiegħu nżammu b’mod xieraq.
B. L-istruttura
Il-Grupp tal-BEI ġie stabbilit fl-2000 u jikkonsisti mill-BEI u l-FEI, li twaqqaf fl-1994 u twaqqaf bħala sħubija pubblika-privata ma’ tliet gruppi ta’ azzjonisti ewlenin: il-BEI, bħala l-azzjonist maġġoritarju bi 62.2%, il-Kummissjoni (30%), u bosta istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi u privati (7.8%). Il-FEI jipprovdi diversi forom ta’ strumenti ta’ kapital ta’ riskju, pereżempju l-kapital ta’ riskju nnifsu. Is-self tal-FEI huwa ffokat fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), u juża firxa wiesgħa ta’ strumenti innovattivi bil-għan li jtejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament.
Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa
Minn mindu bdiet il-kriżi ekonomika u finanzjarja globali, l-UE sofriet minn livelli baxxi ta’ investiment. Il- pprovdiet gwida dwar kif terġa’ tingħata l-ħajja lill-investiment fl-UE, jinħolqu l-impjiegi u jitrawmu t-tkabbir fit-tul u l-kompetittività. Għal dan l-għan, ir- ġie adottat fil-25 ta’ Ġunju 2015.
Il-FEIS għandu l-għan li jiġġenera investiment privat permezz tal-mobilizzazzjoni tal-fondi pubbliċi u joħloq ambjent favorevoli għall-investiment. Intużat garanzija inizjali ta’ EUR16-ilbiljun mogħtija mill-UE lill-BEI, flimkien ma’ impenn ta’ EUR5biljun mill-BEI nnifsu, biex jiġu mmobilizzati fondi privati, u sa nofs l-2018 il-FEIS qabeż l-għan tiegħu li jiġġenera EUR315-ilbiljun addizzjonali f’finanzi għall-investiment fl-UE.
Ir-Regolament dwar il-FEIS stabbilixxa wkoll iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (EIAH), li kellu l-għan li jipprovdi assistenza konsultattiva u teknika għall-identifikazzjoni, it-tħejjija u l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ investiment.
Ir- ġie adottat f’Diċembru2017 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2018. Dan ir-Regolament estenda d-durata tal-FEIS (sal-aħħar tal-2020) u kompla jtejjeb il-fond u l-EIAH, bil-għan li jiġu mobilizzati EUR500biljun ta’ finanzjament addizzjonali għall-investiment.
InvestEU
Adottat f’Marzu2021 bħala s-suċċessur tal-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, jiġbor flimkien il-FEIS u 13-ilstrument finanzjarju ieħor tal-UE. Huwa jiffoka fuq erba’ oqsma ta’ politika ewlenin (l-infrastruttura sostenibbli; ir-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitizzazzjoni; l-SMEs; l-investiment soċjali u l-ħiliet) u għandu l-għan li jimmobilizza EUR372biljun f’investiment addizzjonali bejn l-2021 u l-2027. Il-programm jikkonsisti mill-Fond InvestEU, iċ-Ċentru ta’ Konsulenza InvestEU u l-Portal InvestEU.
L-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jużaw InvestEU biex jimplimentaw il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
Il-“bank klimatiku” tal-UE
F’Ġunju2019, il-Kunsill Ewropew talab lill-BEI “jintensifika l-attivitajiet tiegħu b’appoġġ għal azzjoni klimatika”. Il-BEI wieġeb f’Novembru2019 bi strateġija ġdida dwar il-klima u politika ġdida dwar is-self fis-settur tal-enerġija.
Il-BEI impenja ruħu li jallinja l-attivitajiet ta’ finanzjament kollha tiegħu mal-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. B’mod partikolari, il-BEI se jżid is-sehem ta’ investimenti fl-ambitu tal-prijorità “azzjoni klimatika u sostenibbiltà ambjentali” sa 50% sal-2025. Il-BEI waqaf jiffinanzja proġetti tal-fjuwils fossili fi tmiem l-2021.
Il-politika l-ġdida tal-BEI dwar is-self fis-settur tal-enerġija, li se tirregola l-attivitajiet tiegħu fis-settur tal-enerġija, hija bbażata fuq ħames prinċipji:
- li tiġi prijoritizzata l-effiċjenza fl-enerġija bil-ħsieb li tiġi appoġġjata l-mira l-ġdida tal-UE fl-ambitu tad-Direttiva tal-UE dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija;
- li jingħata lok għad-dekarbonizzazzjoni tal-enerġija permezz ta’ żieda fl-appoġġ għal teknoloġija b’livell baxx jew żero ta’ karbonju, bil-għan li jinkiseb sehem ta’ 32% ta’ enerġija rinnovabbli fl-UE kollha sal-2030;
- li jiżdied il-finanzjament għall-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija, il-ħżin innovattiv tal-enerġija u l-mobilità elettronika;
- li jiġi żgurat l-investiment fil-grilja li huwa essenzjali għal sorsi ta’ enerġija intermittenti u ġodda bħal dawk eoliċi u solari, kif ukoll it-tisħiħ tal-interkonnessjonijiet transfruntiera; kif ukoll;
- li jiżdied l-impatt tal-investiment biex tiġi appoġġjata t-trasformazzjoni tal-enerġija lil hinn mill-UE.
Ir-rispons għall-kriżi tal-COVID-19
Fl-2020, bħala parti mir-rispons tal-UE għall-konsegwenzi ekonomiċi tal-kriżi tal-COVID-19, il-BEI ħoloq fond ta’ garanzija ta’ EUR25biljun biex jippermetti lill-Grupp tal-BEI jżid l-appoġġ tiegħu għall-kumpaniji fl-Istati Membri kollha billi jimmobilizza ammont addizzjonali sa EUR200biljun.
Dan ġie flimkien ma’ pakkett ta’ appoġġ immedjat ta’ mhux aktar minn EUR40biljun, li kkonsista fi:
- skemi ta’ garanzija dedikati għall-banek ibbażati fuq programmi eżistenti, għal użu immedjat, li jimmobilizzaw finanzjament li jilħaq l-EUR20biljun;
- linji ta’ likwidità dedikati għall-banek biex jiżguraw EUR10biljun addizzjonali ta’ appoġġ għall-kapital operatorju għall-SMEs u għall-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja; kif ukoll;
- programmi ta’ xiri ta’ titoli garantiti b’assi dedikati biex jippermettu lill-banek jittrasferixxu riskju fuq portafolli ta’ self lill-SMEs, billi jimmobilizzaw EUR10biljun ta’ appoġġ ieħor.
Rispons għall-invażjoni Russa tal-Ukrajna
L-attivitajiet tal-BEI relatati mal-Ukrajna jmorru lura għall-2007. Huwa jopera fl-Ukrajna f’konformità mal-politika Ewropea tal-viċinat, is-Sħubija tal-Lvant u ftehimiet bilaterali oħra tal-UE. Mill-invażjoni Russa tal-Ukrajna ’l hawn, il-BEI żied l-appoġġ tiegħu. Il-finanzjament mill-istrument għandu l-għan li jgħin lill-Ukrajna tirranġa l-infrastruttura li ġarrbet ħsara, terġa’ tibda s-servizzi muniċipali u tappoġġja miżuri urġenti ta’ effiċjenza enerġetika bi tħejjija għall-istaġun ta’ kesħa. Barra minn hekk, il-BEI kkoordina donazzjonijiet ta’ għajnuna umanitarja filwaqt li pprijoritizza l-għajnuna ta’ emerġenza għall-persuni milquta mill-kunflitt fl-Ukrajna u fil-pajjiżi ġirien tagħha.
Fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-ħtieġa li tingħata spinta lill-kapaċitajiet militari tal-Istati Membri, bdiet diskussjoni dwar jekk għandux jiżdied mal-objettivi tal-BEI l-investiment fis-settur tad-difiża. L-Ukrajna tkun eliġibbli wkoll għal tali finanzjament. Dan ikun tbegħid radikali mill-prattika attwali, li jeskludi l-appoġġ għall-investiment marbut mad-difiża. Aspett partikolari li għandu jitqies huwa l-effett li jista’ jkollu objettiv addizzjonali, jekk iwassal lill-BEI biex iżid is-self tiegħu fis-swieq kapitali, fuq il-kapaċità tiegħu li jżomm klassifikazzjoni tal-kreditu għolja. Il-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-21-22 ta’ Marzu 2024 jiddikjaraw li “l-Bank Ewropew tal-Investiment huwa mistieden jadatta l-politika tiegħu għas-self lill-industrija tad-difiża u d-definizzjoni attwali tiegħu ta’ oġġetti b’użu doppju, filwaqt li jissalvagwardja l-kapaċità ta’ finanzjament tiegħu”.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Skont l-Artikolu308 tat-TFUE, il-Parlament jiġi kkonsultat meta jiġi emendat l-Istatut tal-BEI. Il-BEI jagħti rendikont dirett lill-Istati Membri. M’għandux obbligi ta’ rapportar formali lill-Parlament, u lanqas mhu responsabbli għalih. Madankollu, f’ġest ta’ rieda tajba, il-President tal-BEI jaċċetta stediniet biex jidher fil-plenarja u fil-laqgħat rilevanti tal-kumitati tal-Parlament, u l-BEI huwa miftuħ għal mistoqsijiet mill-Membri tal-PE.
Kull sena, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT) jirrieżamina l-attivitajiet tal-BEI u jippreżenta rapport fil-plenarja, li għaliha jiġi mistieden il-President tal-BEI.
Fl-ambitu tar-Regolament eżistenti, il-Parlament japprova l-ħatra tad-Direttur Amministrattiv u l-Viċi Direttur Amministrattiv tal-FEIS. L-approprjazzjonijiet annwali mill-baġit tal-UE relatati mal-fond ta’ garanzija jiġu awtorizzati mill-Parlament u mill-Kunsill bħala parti mill-proċedura baġitarja annwali.
Il-Parlament kien involut, bħala koleġiżlatur, fl-adozzjoni tal-inizjattivi tal-FEIS u ta’ InvestEU.
Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok żur is-sit web tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji.
Christian Scheinert