Ϸվ

Il-Kummissjoni, soġġetta għall-kontroll politiku tal-Parlament Ewropew, timplimenta l-baġit fuq ir-responsabbiltà tagħha stess b’kooperazzjoni mal-Istati Membri.

Il-bażi legali

  • L-Artikoli 290, 291, 317, 318, 319, 321, 322 u 323 tat- (TFUE) u l-Artikolu 179 tat-Trattat Euratom;
  • Ir-Regolament Finanzjarju, jiġifieri r- tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni;
  • Il- bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda.

L-objettivi

Il-Kummissjoni hija responsabbli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa tal-baġit b’konformità mat-Trattati, skont id-dispożizzjonijiet u l-istruzzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet awtorizzati (1.4.3).

L-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni biex jiżguraw li l-approprjazzjonijiet jintużaw skont il-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja soda, jiġifieri ekonomija, effiċjenza u effikaċja.

Deskrizzjoni

A. Mekkaniżmu bażiku

L-implimentazzjoni tal-baġit hija magħmula minn żewġ operazzjonijiet prinċipali: impenji segwiti minn ħlas. Għal dak li għandu x’jaqsam mal-impenn ta’ nfiq, tittieħed deċiżjoni biex jintuża ammont partikolari ta’ linja baġitarja speċifika biex tiġi ffinanzjata attività speċifika. Ladarba l-impenji legali korrispondenti (eż. kuntratti) jkunu ġew stabbiliti, u jkunu twettqu is-servizzi jew ix-xogħlijiet mitluba, jew il-provvisti ordnati jkunu twasslu, tiġi awtorizzata n-nefqa u jsir il-ħlas.

B. Metodi ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni tista’ timplimenta l-baġit bi kwalunkwe wieħed mill-modi li ġejjin:

  • Direttament (“ġestjoni diretta”) permezz tad-dipartimenti tagħha, jew permezz ta’ aġenziji eżekuttivi;
  • Permezz ta’ ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri (“ġestjoni kondiviża”);
  • Indirettament (“ġestjoni indiretta”), billi l-implimentazzjoni tal-baġit tiġi fdata lil entitajiet u persuni, eż. pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali u oħrajn.

Fil-prattika, madwar 70% tal-baġit jintnefaq permezz ta’ “ġestjoni kondiviża” (bl-Istati Membri jqassmu l-fondi u jiġġestixxu n-nefqa), madwar 20% permezz ta’ “ġestjoni diretta” mill-Kummissjoni jew l-aġenziji eżekuttivi tagħha, u l-10% li jifdal permezz ta’ “ġestjoni indiretta”[1].

Is- tipprovdi informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi ġestiti direttament mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, kull Stat Membru huwa responsabbli għall-pubblikazzjoni tad-data dwar il-benefiċjarji tal-fondi li jamministra taħt ġestjoni indiretta u kondiviża.

L-Artikolu 317 tat-TFUE jispeċifika li l-Kummissjoni jeħtiġilha timplimenta l-baġit f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u li r-regolamenti magħmula skont l-Artikolu 322 tat-TFUE jridu jistabbilixxu l-obbligi ta’ kontroll u ta’ awditu tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-baġit kif ukoll ir-responsabbiltajiet li joħorġu minn dan.

Barra minn hekk, fil-kuntest usa’ tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-UE, l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet li jirregolaw is-setgħat delegati u s-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni u, b’mod partikolari, il-kontroll eżerċitat fuq il-Kummissjoni f’dan ir-rigward mill-Istati Membri, mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew.

Skont l-Artikolu 290 tat-TFUE, att leġiżlattiv jista’ jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti mhux leġiżlattivi sabiex jissupplimentaw “ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġiżlattiv”. Il-Parlament u l-Kunsill għandhom id-dritt jirrevokaw tali delega ta’ setgħat lill-Kummissjoni, jew joġġezzjonaw għaliha, biex b’hekk ma jħalluhiex tidħol fis-seħħ.

L-Artikolu 291 tat-TFUE jirregola s-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni. Filwaqt li l-Artikolu 291(1) jistabbilixxi li l-Istati Membri huma responsabbli għall-adozzjoni tal-miżuri kollha tad-dritt nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, l-Artikolu 291(2) jipprevedi li dawn l-atti jagħtu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni jew, fil-każijiet tal-Artikoli 24 u 26 tat- (TUE), lill-Kunsill, meta “jkun hemm bżonn ta’ kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti”. Skont l-Artikolu 291(3) tat-TFUE, il-Parlament u l-Kunsill jistabbilixxu, permezz ta’ regolamenti, ir-regoli li jikkonċernaw il-modalitajiet ta’ kontroll tal-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

Fl-2020, l-istituzzjonijiet qablu dwar Ftehim Interistituzzjonali ġdid “dwar kooperazzjoni baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar ir-riżorsi proprji l-ġodda, inkluż pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda”. Adottat b’mod parallel mar- għall-2021-2027, l-għan tiegħu mhuwiex biss li jiżgura l-kooperazzjoni kontinwa bejn l-istituzzjonijiet dwar kwistjonijiet baġitarji, iżda wkoll li jtejjeb il-proċedura baġitarja annwali tal-Unjoni u, permezz ta’ pjan direzzjonali stabbilit f’anness, jiffaċilita l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda għall-UE taħt dan il-QFP.

L-Artikolu 291 tat-TFUE huwa ssupplimentat bir- tal-Parlament u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni. Dan il-kontroll huwa eżerċitat permezz tal-kumitati magħmula mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u ppreseduti minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Ir-Regolament jippreskrivi żewġ tipi ġodda ta’ proċedura, applikabbli skont il-kamp ta’ applikazzjoni tal-att inkwistjoni: skont il-proċedura ta’ eżami, il-Kummissjoni ma tistax tadotta l-miżura jekk il-kumitat jagħti opinjoni negattiva; skont il-proċedura konsultattiva, il-Kummissjoni obbligata tagħti “l-akbar konsiderazzjoni” għall-konklużjonijiet tal-kumitati, iżda mhijiex marbuta bl-opinjoni.

L-Istati Membri li jimplimentaw il-baġit b’mod skorrett huma sanzjonati skont il-proċedura tal-approvazzjoni tal-kontijiet u fil-kuntest tal-kontrolli tal-eliġibbiltà: wara verifiki mwettqa mill-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri, id-dħul li l-gvernijiet nazzjonali jirċievu mill-baġit tal-UE huwa kkumpensat b’talba għal ħlas lura ta’ fondi mħallsa indebitament. Id-deċiżjonijiet dwar tali korrezzjonijiet jittieħdu mill-Kummissjoni skont il-proċeduri msemmija qabel għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (1.4.5).

L-implimentazzjoni tal-baġit hija għalhekk eżaminata regolarment mill-Qorti tal-Awdituri (1.3.12). Ċerti setturi ripetutament kienu s-suġġett ta’ kritika fir-rapporti tagħha.

C. Regoli ta’ implimentazzjoni

Ir-Regolament Finanzjarju, abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE, fih il-prinċipji u r-regoli kollha li jirregolaw l-implimentazzjoni tal-baġit. Huwa għandu karattru orizzontali, minħabba li huwa applikabbli għall-oqsma kollha ta’ nfiq u għad-dħul kollu. Regoli ulterjuri applikabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit jinsabu fir-regolamenti marbuta mas-setturi, li jkopru politiki partikolari tal-UE.

Ir-Regolament Finanzjarju attwali ġie adottat f’Lulju 2018 u daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2018. Madankollu, il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet amministrattivi tal-istituzzjonijiet Ewropej ma kinux daħlu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Jannar 2019[2].

L-istrument prinċipali tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit, u s-sorveljanza tal-eżekuzzjoni tiegħu, huwa s-sistema tal-kontabbiltà kompjuterizzata ABAC (kontabbiltà bbażata fuq id-dovuti). Il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex tilħaq l-ogħla standards internazzjonali fil-kontabbiltà, b’mod partikolari l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku stabbiliti mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti (IFAC). Il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE applikabbli għall-kuntratti tal-akkwist pubbliku (provvista, xogħol u servizzi 2.1.10) hija aspett importanti tal-implimentazzjoni tal-baġit. Barra minn hekk, is-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni (EDES) issaħħaħ il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Din tippermetti l-identifikazzjoni bikrija, l-esklużjoni u l-penali finanzjarja ta’ persuni u entitajiet mhux affidabbli li japplikaw għal fondi tal-UE jew li jkunu daħlu f’impenji legali mal-Kummissjoni jew ma’ istituzzjonijiet oħra[3].

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

L-interazzjoni tal-Parlament Ewropew mal-baġit hija doppja:

  • bħala wieħed miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, huwa jawtorizza b’mod konġunt l-approprjazzjonijiet baġitarji għas-sena li ġejja;
  • permezz tal-proċedura annwali ta’ kwittanza, huwa jiskrutinizza l-implimentazzjoni tal-baġit matul is-sena preċedenti.

Bil-proċedura tal-baġit, il-Parlament jinfluwenza “minn qabel” l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE permezz tal-emendi magħmula u d-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tal-proċedura baġitarja (1.2.5) dwar l-allokazzjoni tal-fondi.

Jekk ikollu dubji dwar il-ġustifikazzjoni tan-nefqa jew il-kapaċità tal-Kummissjoni li timplimentah, il-Parlament jista’ jiddeċiedi li jagħmel użu mill-mekkaniżmu ta’ riżerva baġitarja, billi jqiegħed il-fondi mitluba fir-riżerva sakemm il-Kummissjoni tipprovdi evidenza xierqa bħala parti minn talba għat-trasferiment ta’ fondi mir-riżerva. Il-proposti għal trasferimenti jridu jkunu approvati kemm mill-Parlament kif ukoll mill-Kunsill. L-approprjazzjonijiet ma jistgħux jiġu implimentati qabel ma jkunu trasferiti mir-riżerva għal-linja baġitarja rilevanti.

Il-proċedura ta’ kwittanza (1.4.5) tippermetti lill-Parlament jikkontrolla l-implimentazzjoni tal-baġit attwali. Minkejja li l-parti l-kbira tikkonċerna l-perjodu tal-kwittanza (normalment is-sena preċedenti), ħafna mill-mistoqsijiet li jsiru lill-Kummissjoni min-naħa tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament – fl-ambitu tal-proċedura ta’ kwittanza – jirrigwardaw l-implimentazzjoni tal-baġit attwali. Ir-riżoluzzjoni dwar il-kwittanza, li hija parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza, fiha bosta obbligi u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni u lil entitajiet oħra involuti fl-implimentazzjoni tal-baġit.

Skont it-Trattat ta’ Liżbona, il-Parlament, flimkien mal-Kunsill, huwa responsabbli għall-istabbiliment tar-“regoli finanzjarji li jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura li għandha tiġi adottata għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit u għall-preżentazzjoni u l-verifika tal-kontijiet” (Artikolu322(1) tat-TFUE).

Barra minn hekk, fi kważi l-oqsma politiċi kollha, il-Parlament jinfluwenza l-implimentazzjoni tal-baġit permezz tal-attivitajiet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi tiegħu, pereżempju permezz ta’ rapporti u riżoluzzjonijiet jew sempliċiment billi jindirizza mistoqsijiet orali jew bil-miktub lill-Kummissjoni.

F’dawn l-aħħar ftit snin, il-Parlament saħħaħ il-kontroll politiku tiegħu fuq il-Kummissjoni billi introduċa strumenti li jippermettu skambju ta’ informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-fondi u l-ammont tal-impenji pendenti (jiġifieri impenji ġuridiċi li għadhom ma ġewx onorati bi ħlas). Dawn jistgħu jsiru problematiċi jekk jakkumulaw fuq perjodi itwal, u għalhekk il-Parlament qiegħed jitfa’ pressjoni fuq il-Kummissjoni biex iżżommhom taħt kontroll.

Qed jiġu żviluppati strumenti ġodda biex ikun jista’ jsir monitoraġġ aħjar tal-proċess tal-implimentazzjoni u jitjieb il-valur għall-flus tal-programmi tal-UE. Għal dan l-iskop, il-Parlament jitlob dikjarazzjonijiet ta’ attività ta’ kwalità għolja (imħejjija mill-Kummissjoni fil-qafas tad-dokumenti ta’ ħidma tagħha dwar l-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali) u l-preżentazzjoni regolari tal-analiżi tal-kosteffettività għal programmi tal-UE.

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok żur is-sit web tal-Kumitat għall-Baġits.

[1]Data pprovduta għall-2021-2027 mid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit tal-Kummissjoni.
[2]L-Artikolu 282(3)(c) tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid.
[3]Din hija rregolata mir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data.

Stefan Schulz