Ϸվ

Il-politika soċjali u tal-impjiegi: il-prinċipji ġenerali

Matul is-snin, l-integrazzjoni Ewropea wasslet għal żviluppi soċjali sinifikanti. Fl-2017 intlaħaq stadju importanti, meta l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni pproklamaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jiżguraw kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol aħjar madwar l-UE. Il-pjan ta’ azzjoni relatat tal-2021 stabbilixxa inizjattivi konkreti biex dan l-impenn jinbidel f’realtà.

Il-bażi legali

L-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u l-Artikoli 9, 10, 19, 45 sa 48 u 145 sa 161 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-objettivi

L-Artikolu 3 tat-TUE jistipula li l-Unjoni jeħtieġ timmira għal livell massimu ta’ impjiegi u lejn progress soċjali. Il-promozzjoni tal-impjiegi, kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol imtejba, protezzjoni soċjali, djalogu bejn il-maniġment u l-impjegati l-oħra, l-iżvilupp tar-riżorsi umani bil-għan li jiġi żgurat livell għoli u dejjiemi ta’ impjiegi u l-ġlieda kontra l-esklużjoni huma l-objettivi komuni tal-UE u l-Istati Membri tagħha fil-qasam soċjali u tal-impjiegi, kif deskritt fl-Artikolu 151 tat-TFUE.

Il-kisbiet

A. Mit-Trattat ta’ Ruma sat-Trattat ta’ Maastricht

Sabiex il-ħaddiema u l-familji tagħhom setgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mid-dritt li jiċċaqilqu u jfittxu impjieg b’mod liberu fis-suq komuni kollu, it-Trattat ta’ Ruma tal-1957 stabbilixxa l-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri. Dan naqqax il-prinċipju ta’ paga ugwali għall-irġiel u n-nisa, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet li huwa direttament applikabbli, u ppreveda l-istabbiliment tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) (2.3.2).

L-Att Uniku Ewropew tal-1986 introduċa oqsma ta’ politika ġodda b’votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata, inklużi s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, id-djalogu soċjali bejn l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u t-trade unions u l-koeżjoni soċjali u ekonomika.

Sadanittant kiber il-kunsens dwar il-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni lill-fatturi soċjali marbuta mat-tlestija tas-suq intern. Wara dibattiti twal, il-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema (il-Karta Soċjali) ġiet adottata fis-Summit ta’ Strażburgu f’Diċembru 1989 mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern ta’ 11-il Stat Membru, ħlief għar-Renju Unit li għażel li ma jipparteċipax.

B. Mit-Trattat ta’ Amsterdam sat-Trattat ta’ Liżbona

L-inkonvenjenza ta’ bażi legali doppja, maħluqa bin-nonparteċipazzjoni tar-Renju Unit, ġiet finalment riżolta bl-iffirmar tat-Trattat ta’ Amsterdam (1997), meta l-Istati Membri kollha, inkluż ir-Renju Unit, qablu li jinkorporaw il-Ftehim dwar il-Politika Soċjali f’dak li aktar tard sar it-TFUE (l-Artikoli 151-161). Fl-Artikolu 153, il-proċedura ta’ kodeċiżjoni ssostitwiet il-kooperazzjoni u ġiet estiża għad-dispożizzjonijiet relatati mal-FSE (2.3.2), mal-moviment liberu tal-ħaddiema u mas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti Komunitarji (2.3.4). L-Artikolu 19 ġdid ta lill-Kunsill il-kapaċità li “jieħu l-azzjoni xierqa sabiex jiġġieled id-diskriminazzjoni li tkun ibbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew it-tendenzi sesswali”. Abbażi ta’ dan, ftit wara, ġew adottati żewġ direttivi, fl-2000: u .

It-Trattat ta’ Amsterdam inkluda wkoll il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi fost l-objettivi tal-UE u kkonferixxa fuq il-Komunità r-responsabbiltà li tappoġġja u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri f’dan il-qasam, inkluż billi tiżviluppa “strateġija koordinata”, jiġifieri l-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi (l-Artikoli 145-150 tat-TFUE), ibbażata fuq il-metodu miftuħ ta’ koordinazzjoni (2.3.3).

Fis-Summit ta’ Nizza tal-2000, ġiet adottata l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Inħolqu Kumitat tal-Impjiegi li jopera fi ħdan il-qafas tal-politika tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi u Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali sabiex jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni (l-Artikolu 160 tat-TFUE) dwar il-politiki tal-protezzjoni soċjali u tal-impjiegi, iżda l-proposti kollha biex titwessa’ l-proċedura ta’ kodeċiżjoni ġew miċħuda.

Fid-dawl tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-2005 tal-istrateġija ta’ Liżbona, il-linji gwida dwar l-impjiegi adottati fl-ambitu tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi ġew inkorporati fil-linji gwida integrati għat-tkabbir u l-impjiegi.

Fl-2007, inħoloq il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minħabba t-tibdil fix-xejriet tal-kummerċ globali (2.3.2).

It-Trattat ta’ Liżbona tal-2007 ppermetta aktar progress fil-konsolidazzjoni tad-dimensjoni soċjali tal-integrazzjoni Ewropea. It-TUE issa jenfasizza l-objettivi soċjali tal-UE, inklużi l-livell massimu ta’ impjiegi u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet (l-Artikolu 3). L-Artikolu 6 jirrikonoxxi li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandha l-istess saħħa vinkolanti bħat-Trattati. Il-Karta nnifisha tirrikonoxxi l-hekk imsejħa drittijiet ta’ solidarjetà, bħad-dritt tal-ħaddiema għal informazzjoni u konsultazzjoni, negozjar kollettiv, kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi u ġusti, sigurtà soċjali u assistenza soċjali. It-TFUE introduċa klawżola soċjali orizzontali, li tirrikjedi li l-UE tissodisfa l-objettivi soċjali msemmija qabel meta tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet l-oħra tagħha (l-Artikolu9).

C. L-iżviluppi mit-Trattat ta’ Liżbona

L-istrateġija Ewropa 2020, li ġiet adottata fl-2010 f’kuntest ta’ kriżi finanzjarja u ekonomika, stabbiliet it-tkabbir inklużiv – li rawwem ekonomija b’livell għoli ta’ impjiegi filwaqt li wassal għal koeżjoni soċjali u territorjali – bħala qasam ta’ prijorità. L-istrateġija stabbiliet ħames miri ewlenin, fosthom objettiv soċjali importanti ħafna (li jitnaqqas ir-riskju tal-faqar għal mill-anqas 20 miljun persuna sal-2020), u impenn imġedded favur l-impjiegi (mira ta’ rata ta’ impjieg ta’ 75% għall-grupp ta’ etajiet bejn l-20 u l-64 sena). Inħolqu seba’ inizjattivi emblematiċi għal dan l-għan, inkluża aġenda għall-ħiliet ġodda u l-impjiegi, li ffokat fuq it-tisħiħ tal-politiki għall-flessibbiltà tax-xogħol mingħajr ma kkompromettiet is-sigurtà, u l-pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali (2.3.9). Il-progress ta’ dawn l-inizjattivi ġie mmonitorjat fi ħdan iċ-ċiklu annwali tal-governanza ekonomika tal-UE: is-Semestru Ewropew. B’reazzjoni għaż-żieda fil-faqar, fl-2014 ġie stabbilit il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn biex jipprovdi għajnuna materjali bażika u alimentari, u attivitajiet ta’ inklużjoni soċjali.

F’April 2017, il-Kummissjoni ppreżentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li jiddeskrivi 20 prinċipju u dritt ewlenin biex jiggwidaw konverġenza mġedda lejn kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol aħjar. Dawn huma maqsumin fi tliet kategoriji: (i)aċċess u opportunitajiet ugwali għas-suq tax-xogħol, (ii) kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi, u (iii) inklużjoni u protezzjoni soċjali. Fis-Summit Soċjali ta’ Gothenburg tal-2017, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni enfasizzaw l-impenn kondiviż tagħhom billi adottaw proklamazzjoni komuni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Dan huwa akkumpanjat minn “tabella ta’ valutazzjoni soċjali” biex jiġi mmonitorjat il-progress (2.3.9).

Fl-2019, l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol ġiet stabbilita fi Bratislava, bil-għan li tgħin lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw infurzar ġust, sempliċi u effettiv tar-regoli tal-UE dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali.

Dik is-sena ġew adottati diversi atti importanti. għandha l-għan li ttejjeb l-aċċess għal liv tal-familja u arranġamenti flessibbli tax-xogħol, filwaqt li tkompli ttejjeb l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fis-suq tax-xogħol. għandha l-għan li tipprovdi lill-ħaddiema sett addizzjonali ta’ drittijiet bażiċi, inkluża informazzjoni aktar speċifika dwar l-aspetti essenzjali tax-xogħol tagħhom, tistabbilixxi limitu fuq it-tul tal-perjodi ta’ prova, iżżid l-opportunitajiet biex wieħed ifittex impjieg addizzjonali billi tipprojbixxi l-klawżoli ta’ esklużività, tinnotifika minn qabel is-sigħat ta’ referenza u tagħti taħriġ obbligatorju mingħajr ħlas. għandha l-għan li tagħlaq il-lakuni fil-kopertura formali.

Hekk kif faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, ġew adottati diversi miżuri biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjali u fuq l-impjiegi tal-kriżi, bħall-Inizjattivi ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII u CRII+) u l-Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE). Barra minn hekk, tnediet l-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Rifuġjati fl-Ewropa (CARE) biex tappoġġja lill-Istati Membri u lir-reġjuni ħalli jagħtu assistenza ta’ emerġenza lin-nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna wara l-invażjoni tar-Russja, bl-użu wkoll ta’ riżorsi mill-programm Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU).

F’Marzu 2021, il-Kummissjoni ppubblikat li jiddeskrivi inizjattivi konkreti li hija impenjata li tieħu matul il-mandat attwali (sa tmiem l-2024). Hija pproponiet ukoll miri ewlenin għall-2030, jiġifieri li s-sehem ta’ persuni ta’ etajiet bejn l-20 u l-64 sena f’impjieg jitla’ għal mill-anqas 78%, li l-perċentwal ta’ adulti li jipparteċipaw f’taħriġ kull sena jiżdied għal mill-anqas 60%, u li l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali jitnaqqas mill-anqas bi 15-il miljun. L-impenn tal-mexxejja għal dawn il-miri ġie affermat mill-ġdid fis-Summit Soċjali ta’ Porto f’Mejju 2021. L-Impenn Soċjali ta’ Porto ġie adottat minn diversi istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet, inkluż il-Parlament, u mill-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE. Il-miri nazzjonali tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali ġew ippreżentati f’Ġunju 2022. L-implimentazzjoni tagħhom se tiġi ffaċilitata mit-tabella ta’ valutazzjoni soċjali riveduta u l-finanzjament mill-pjan ta’ nfiq tal-UE għall-2021–2027 u min-NextGenerationEU, b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Dawn se jiġu mmonitorjati taħt is-Semestru Ewropew.

Fl-2021, ġiet adottata wkoll ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ Garanzija Ewropea għat-Tfal biex tiġi evitata u miġġielda l-esklużjoni soċjali billi jiġi ggarantit l-aċċess tat-tfal fil-bżonn għal edukazzjoni u kura bikrija, edukazzjoni, kura tas-saħħa, nutrizzjoni u akkomodazzjoni. Fi ħdan il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) 2021-2027, l-Istati Membri kollha jeħtiġilhom jallokaw ammont xieraq għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal. Għall-pajjiżi li għandhom rata ta’ tfal f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali ogħla mill-medja tal-UE, dan l-ammont jiżdied għal 5% tal-FSE+. B’appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Garanzija, f’Jannar 2024 il-Kummissjoni introduċiet qafas ta’ monitoraġġ ġdid, għall-użu mill-Istati Membri u s-Semestru Ewropew.

Bħala għodda biex jiġi miġġieled il-faqar fost dawk li jaħdmu, għandha l-għan li tiżgura li l-pagi minimi previsti mil-liġi nazzjonali u/jew mill-ftehimiet kollettivi jkunu suffiċjenti, u ssaħħaħ l-aċċess effettiv tal-ħaddiema għall-protezzjoni tal-paga minima. L-iffissar ta’ paga minima għadu kompetenza nazzjonali iżda l-Istati Membri jeħtiġilhom jiggarantixxu li l-pagi minimi nazzjonali tagħhom jippermettu lill-ħaddiema jkollhom ħajja deċenti.

għandha l-għan li tiġġieled il-faqar u l-esklużjoni soċjali, u li tikseb livelli għolja ta’ impjiegi billi tippromwovi appoġġ adegwat għall-introjtu permezz ta’ introjtu minimu, aċċess effettiv għas-servizzi faċilitattivi u essenzjali għal persuni neqsin minn riżorsi suffiċjenti u billi trawwem l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ dawk li jistgħu jaħdmu.

ġiet adottata f’Novembru 2023 biex tkompli ttejjeb il-progress lejn il-miri tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, billi tgħin lill-Istati Membri jadattaw il-liġijiet u l-politiki tagħhom għall-ħtiġijiet ta’ ekonomija soċjali.

Peress li sehem dejjem akbar ta’ ħaddiema huwa impjegat minn pjattaformi tax-xogħol diġitali, sikwit bi skedi irregolari u ġestjoni algoritmika, il-Parlament u l-Kunsill adottaw id-direttiva dwar it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fuq il-pjattaformi.

Ir-rwol tal-Parlament Ewropew

Minkejja li r-rwol tal-Parlament kien ilu għal żmien twil purament konsultattiv u superviżorju, huwa dejjem kien attiv fl-iżvilupp tal-azzjoni tal-UE fil-qasam tal-impjiegi u l-politika soċjali. Mill-istadji bikrija tal-integrazzjoni Ewropea, il-Parlament ripetutament appella għal politika soċjali aktar attiva, li tirrifletti l-importanza dejjem akbar tal-UE fix-xena ekonomika, u appoġġja l-proposti tal-Kummissjoni f’dan il-qasam. L-involviment mill-qrib tal-Parlament fit-tħejjija tat-Trattat ta’ Amsterdam żgura l-inkorporazzjoni tal-Ftehim dwar il-Politika Soċjali u l-inserzjoni ta’ kapitolu dwar l-impjiegi.

Meta l-Istrateġija ta’ Liżbona kienet qed tiġi żviluppata, il-Parlament insista li l-impjiegi u l-kunsiderazzjonijiet soċjali għandhom rwol fit-tfassil ta’ strateġiji ta’ tkabbir, filwaqt li rrakkomanda livell għoli ta’ protezzjoni soċjali fl-Istrateġija. Imbagħad kien tal-fehma li l-Istrateġija ta’ Liżbona ma ffissatx miri vinkolanti biżżejjed fl-isfera soċjali, filwaqt li stieden lill-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib l-impatt soċjali u fuq l-impjiegi tar-riformi implimentati bħala parti mill-istrateġija Ewropa 2020. Waqt id-dibattitu dwar il-kriżi finanzjarja tal-2007-08 il-Parlament talab lill-UE impenn għall-preservazzjoni tal-mudelli soċjali Ewropej u Ewropa soċjali b’saħħitha.

Il-Parlament insista ripetutament li l-għanijiet tal-impjiegi u dawk soċjali jiġu inkorporati b’mod aktar effettiv fis-Semestru Ewropew, billi l-indikaturi soċjali jsiru vinkolanti u jiġu estiżi biex ikopru l-faqar fost it-tfal u x-xogħol deċenti.

Il-Parlament ikkritika l-miżuri, bħal pereżempju l-programmi ta’ aġġustament ekonomiku, meħuda mingħajr l-involviment tiegħu. F’Marzu tal-2014, huwa ddikjara li l-istituzzjonijiet ġenwinament demokratiċi biss għandhom jidderieġu l-proċess politiku tal-istabbiliment ta’ programmi ta’ aġġustament għal pajjiżi f’diffikultajiet finanzjarji serji.

Il-Parlament ikkonferma wkoll l-impenn tiegħu lejn il-valuri soċjali fl-ambitu ta’ deċiżjonijiet dwar l-użu tar-riżorsi finanzjarji mill-baġit tal-UE. Bis-saħħa tal-Parlament, fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, l-FSE (2.3.2) kien jammonta għal 23.1% tal-finanzjament totali tal-koeżjoni tal-UE, u 20% tal-allokazzjoni tal-FSE għal kull Stat Membru kellhom jintefqu fuq l-inklużjoni soċjali. Bl-istess mod, għall-FSE+ 2021-2027, il-Parlament introduċa dispożizzjonijiet għad-delimitazzjoni ta’ aktar finanzjament għall-għajnuna materjali u alimentari, finanzjament adegwat għall-bini tal-kapaċità għas-sħab soċjali, u salvagwardji biex jiġi żgurat li l-proġetti ffinanzjati mill-UE jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali.

Il-Parlament kellu rwol ċentrali fil-ħolqien tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal. Fl-2015, huwa appella għal garanzija li tipprovdi lil kull tifel u tifla fl-Ewropa f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali aċċess għal kura tas-saħħa bla ħlas, edukazzjoni, edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, akkomodazzjoni deċenti u nutrizzjoni adegwata. Fl-2017, il-Parlament talab lill-Kummissjoni timplimenta azzjoni preparatorja dwar l-istabbiliment ta’ skema possibbli ta’ garanzija għat-tfal, li twitti t-triq għal dan l-istrument.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-2016 dwar is-Semestru Ewropew, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni sabiex jippromwovu l-konverġenza soċjali ’l fuq fl-UE. Huwa stieden ukoll lill-Kummissjoni tiddefinixxi u tikkwantifika l-kunċett tagħha ta’ ekwità soċjali. Fir-, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni tiżviluppa arkitettura ta’ governanza ekonomika bbażata fuq solidarjetà, integrazzjoni, konverġenza u ġustizzja soċjali, ugwaljanza bejn il-ġeneri, servizzi pubbliċi ta’ kwalità għolja, inkluża sistema edukattiva pubblika ta’ kwalità għal kulħadd, impjiegi ta’ kwalità u żvilupp sostenibbli.

Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, filwaqt li ħaddan bis-sħiħ l-inizjattiva rilevanti tal-Kummissjoni, il-Parlament enfasizza l-importanza li jiġi infurzat sett ewlieni ta’ drittijiet għal kulħadd, u appella lis-sħab soċjali u lill-Kummissjoni jaħdmu flimkien biex jippreżentaw proposta għal direttiva qafas dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti.

F’Lulju 2017, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-impjieg prekarju, filwaqt li rrikonoxxa ż-żieda fil-popolarità ta’ forom mhux standard u atipiċi ta’ impjieg. Enfasizza din il-kwistjoni għal darb’oħra f’riżoluzzjoni ta’ Ottubru 2020, filwaqt li nnota li l-ħaddiema f’forom mhux standard ta’ impjieg sofrew b’mod partikolarment ħażin mill-kriżi tal-COVID-19, u sikwit ma nqabdux mix-xibka ta’ miżuri adottati mill-Istati Membri.

Fl-2020, il-Parlament stabbilixxa l-prijoritajiet tiegħu għal Ewropa soċjali b’saħħitha għal tranżizzjonijiet ġusti, filwaqt li appella wkoll għall-integrazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u ta’ protokoll dwar il-progress soċjali fit-Trattati, u stieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jadottaw “Aġenda ta’ Porto għall-2030” ambizzjuża b’miri soċjali vinkolanti. L-approvazzjoni tal-Parlament ta’ Novembru 2023 tal-qafas tal-ekonomija soċjali tkompli ssaħħaħ il-progress lejn dawn il-miri.

Fl-2021, fl-isfond kontinwu tal-pandemija tal-COVID-19, il-Parlament appella għal liġi tal-UE li tagħti lill-ħaddiema d-dritt għall-iskonnessjoni mix-xogħol barra l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom. Wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Parlament esprima tħassib dwar l-effetti soċjali serji tal-kriżi, speċjalment għaż-żgħażagħ. Appoġġja wkoll bidla lejn mudell ta’ tkabbir sostenibbli, inklużiv u reżiljenti, li jappoġġja l-konverġenza soċjali ’l fuq u li jsaħħaħ l-iżvilupp sostenibbli u r-reżiljenza tal-ekonomija u tas-soċjetajiet tal-UE.

Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok żur is-sit web tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali.

Monika Makay / Victor Manuel Martinez Garzon