Kif jinħatru l-President tal-Kummissjoni u l-Kummissarji?
Il-President tal-Kummissjoni
Wara l-elezzjonijiet Ewropej, wieħed mill-ewwel kompiti tal-Parlament il-ġdid huwa dak li jeleġġi l-President li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea (l-organu eżekuttiv tal-UE).
L-Istati Membri jinnominaw kandidat għall-kariga, iżda jridu jqisu r-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej. Barra minn hekk, il-Parlament jeħtieġ li japprova l-President il-ġdid tal-Kummissjoni b’maġġoranza assoluta (nofs il-Membri tal-Parlament Ewropew fil-kariga u wieħed). Jekk il-kandidat ma jiksibx il-voti meħtieġa, l-Istati Membri għandhom jipproponu kandidat ieħor fi żmien xahar permezz tal-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata. Qabel l-elezzjonijiet tal-2014, il-Parlament introduċa l-prinċipju tal-kandidati ewlenin, magħruf ukoll bħala Spitzenkandidaten bil-Ġermaniż. L-akbar partit politiku Ewropew wara l-elezzjonijiet jikseb id-dritt li jressaq kandidat għall-presidenza tal-Kummissjoni f’isem il-Parlament.
Il-Kummissarji
Il-kandidati għall-kariga ta’ Kummissarji tal-Kummissjoni jridu jgħaddu wkoll minn proċess ta’ skrutinju parlamentari iebes.
Il-Kunsill Ewropew, bi qbil mal-President elett tal-Kummissjoni, jadotta lista ta’ kandidati kummissarji, wieħed għal kull Stat Membru. Dawn il-Kummissarji nnominati jidhru quddiem il-kumitati parlamentari fl-oqsma ta’ kompetenza futuri tagħhom. Kull kumitat imbagħad jagħmel evalwazzjoni tal-kompetenza tal-kandidat u jibgħatha lill-President tal-Parlament. Evalwazzjoni negattiva tista’ twassal biex il-kandidati jirtiraw mill-proċess, kif ġara fil-passat. Il-Kummissjoni kollha, inklużi l-President tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, imbagħad teħtieġ li tikseb l-approvazzjoni tal-Parlament b’votazzjoni waħda biss.
Meta l-Parlament japprova l-Kulleġġ tal-Kummissarji, il-Kunsill Ewropew, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jaħtarhom formalment. Jekk, matul il-mandat tal-Kummissjoni, ikun hemm bidla sostanzjali fil-portafoll ta’ Kummissarju, jew ikun meħtieġ li jinħatar Kummissarju ġdid f’każ ta’ post vakanti jew wara l-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid, il-Kummissarju kkonċernat jerġa’ jidher quddiem il-kumitati rilevanti.