L-UE għandha tħejji ruħha aħjar biex tiġġieled kontra l-indħil barrani u d-diżinformazzjoni
- Pajjiżi malizzjużi u awtoritarji, bħar-Russja u ċ-Ċina, jimmanipulaw l-informazzjoni biex ifixklu d-demokrazija tal-UE
- Iċ-ċittadini u l-gvernijiet Ewropej mhumiex konxji wisq mit-theddid ta' atturi barranin
- Sejħa għal sanzjonijiet fuq indħil barrani u kampanji ta' diżinformazzjoni
- Kunsiderazzjoni tar-revoka tal-liċenzji ta' organizzazzjonijiet li jqassmu propaganda ta' stati barranin
In-nuqqas ta' miżuri u sensibilizzazzjoni tal-UE jagħmlu l-indħil tattika attraenti għal atturi barranin malizzjużi u jipperikola d-demokrazija, jgħidu l-MPE.
Inkjesta tal-Parlament, biex jiġi identifikat kif setgħat barranin malizzjużi jimmanipulaw l-informazzjoni u jinterferixxu fl-UE biex idgħajfu l-proċessi demokratiċi, ikkonkludiet li atturi malizzjużi jistgħu, mingħajr biża' ta' konsegwenzi, jinfluwenzaw l-elezzjonijiet, iwettqu attakki ċibernetiċi, jirreklutaw eks politiċi anzjani u jippropagaw il-polarizzazzjoni fid-dibattitu pubbliku.
In-nuqqas ġenerali ta' għarfien dwar is-severità tal-indħil barrani u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni mwettqa b'mod qawwi mir-Russja u ċ-Ċina huwa aggravat minn lakuni fil-leġiżlazzjoni u nuqqas ta' koordinazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE, jiddikjara r-rapport mill-Kumitat Speċjali dwar l-Indħil Barrani fil-Proċessi Demokratiċi kollha fl-Unjoni Ewropea, inkluża tad-Diżinformazzjoni (INGE).
Kontroazzjoni
Il-Parlament iħeġġeġ lill-UE toħloq strateġija komuni biex tiffaċċja l-isfida, inkluż billi tistabbilixxi sanzjonijiet speċifiċi relatati mal-indħil barrani u l-kampanji ta' diżinformazzjoni. Il-MPE jinsistu wkoll fuq l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fis-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u fit-tixrid ta' informazzjoni ġenerali, kif jidher fl-eżempju tal-aħjar prattika tat-Tajwan, u jenfasizzaw il-ħtieġa li ssir ħidma globali ma' sħab tal-istess fehma.
Barra minn hekk, il-Parlament jirrakkomanda l-miżuri li ġejjin:
- il-midja pluralistika, indipendenti u distribwita b'mod wiesa', il-ġurnalisti, il-verifikaturi tal-fatti u r-riċerkaturi għandhom jirċievu finanzjament pubbliku;
- għandha tiġi kkunsidrata r-revoka tal-liċenzji ta' organizzazzjonijiet li jqassmu propaganda ta' stati barranin;
- il-pjattaformi tal-midja soċjali li jservu bħala mezzi għall-indħil barrani, għandhom jiġu mġiegħla jieqfu jagħtu spinta lill-kontijiet mhux awtentiċi li jixprunaw it-tixrid ta' indħil barrani dannuż, inkluż f'lingwi oħra għajr l-Ingliż;
- l-universitajiet Ewropej għandhom jerġgħu jqisu l-kooperazzjoni tagħhom mal-Istituti Confucius, li huma pjattaformi ta' lobbying Ċiniżi;
- għandhom jiġu ċċarati r-relazzjonijiet "xejn xierqa" bejn ċerti partiti politiċi Ewropej u r-Russja;
- għandu jiġi pprojbit il-finanzjament barrani ta' partiti politiċi Ewropej;
- għandha tittejjeb b'mod urġenti ċ-ċibersigurtà u software ta' sorveljanza bħal Pegasus jiġi elenkat bħala illegali; u
- għandu jsir aktar diffiċli biex atturi barranin jirreklutaw eks politiċi ta' livell għoli wara li dawn ikunu ħallew xogħolhom.
Ir-rapport ġie adottat bi 552 vot favur, 81 kontra u 60 astensjoni. Għal rakkomandazzjonijiet f'aktar dettall, ikklikkja hawn.
Sfond
Il-Kumitat Speċjali dwar l-Indħil Barrani fil-Proċessi Demokratiċi kollha tal-Unjoni Ewropea, inkluża d-Diżinformazzjoni (INGE) twaqqaf f'Ġunju 2020. Wara madwar 50 seduta ta' smigħ b'madwar 130 espert, il-mandat ta' sena u nofs tal-kumitat jiskadi fit-23 ta' Marzu.
Kuntatti:
-
BALÁZS Eszter
Press Officer