Ϸվ

Hauwa Ibrahim – 2005, in-Niġerja

L-avukat tad-drittijiet tal-bniedem Hauwa Ibrahim tiddefendi lin-nisa u lit-tfal ikkundannati mill-qrati tax-Sharia fin-Niġerja. Hija tippromwovi l-edukazzjoni għall-bniet bħala l-pedament ta' soċjetà paċifika.

Hauwa Ibrahim twieldet f'familja Musulmana fil-villaġġ ta' Hinnah, fit-Tramuntana tan-Niġerja. Hemmhekk tgħallmet il-valuri li saħħew ir-rieda tagħha, inkluża l-konvinzjoni ta' ommha li l-edukazzjoni kienet l-unika triq li toħroġ lill-bniedem mill-faqar. Minħabba li kienet taf li kienet se tiġi offruta bħala għarusa fl-età ta' 10 snin, Ibrahim ħarbet mid-dar u marret fi skola residenzjali għall-bniet, biex setgħet tkompli l-edukazzjoni tagħha. L-interessi intellettwali ta' Ibrahim, flimkien mal-passjoni tagħha għall-ġustizzja, wassluha biex tistudja l-liġi. Hi saret l-ewwel avukat mara fid-distrett ta' Yamaltu/Deba fl-Istat ta' Gombe, u hija mfittxija ferm għall-konsulenza legali tagħha.

Meta l-liġi tax-Sharia kienet introdotta fi tnax-il stat tat-Tramuntana tan-Niġerja fl-1999, dan wassal biex tkun ikkuntestata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u speċjalment id-drittijiet fundamentali tan-nisa. Ibrahim stabbiliet prattika legali rivoluzzjonarja, tirrappreżenta lin-nisa u t-tfal li l-qrati tax-Sharia kkundannaw għall-mewt bit-tħaġġir minħabba adulterju jew inkella l-qtugħ ta' partijiet tal-ġisem minħabba s-serq. Hija ddefendiet aktar minn 150 kawża mingħajr ħlas, u salvat il-ħajja ta' Amina Lawal, Safiya Hussaini, Hafsatu Abubakar u ħafna oħrajn.

Mill-2010 sal-2013 Ibrahim ħadmet bħala assoċjat tar-riċerka u lecturer mistiedna f'Harvard Divinity School. Għallmet ukoll f'diversi universitajiet fl-Istati Uniti u fl-Ewropa. F'Mejju 2014, il-President tan-Niġerja ħatarha membru tal-kumitat presidenzjali għat-tiftix tal-fatti dwar il-ħtif ta' aktar minn 200 studenta mill-grupp terrorista Boko Haram fit-Tramuntana tan-Niġerja. Imsemmija għall-kredibbiltà u l-passjoni tagħha għad-dinjità umana, Ibrahim ħeġġet li jingħata l-appoġġ internazzjonali tal-Parlament Ewropew u tal-Kungress tal-Istati Uniti biex tkun indirizzata t-traġedja tal-bniet maħtufa. Hi qed tkompli ssemma' leħinha favur il-ħtieġa li tittieħed azzjoni soda li tindirizza l-vjolenza kontra n-nisa, il-faqar estrem u n-nuqqas ta' opportunitajiet, biex jittaffa l-estremiżmu reliġjuż li qed jikber.

Abbażi tal-esperjenza tagħha, Ibrahim tħoss li l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta għall-futur, u barra minn hekk, li l-edukazzjoni tal-bniet twassal għall-edukazzjoni tal-familji u konsegwentement, tal-komunità u tas-soċjetà.

Ibrahim investiet il-flus mogħtija lilha għall-Premju Sakharov f'fondazzjoni li tipprovdi opportunitajiet edukattivi għat-tfal fit-Tramuntana tan-Niġerja. Fuq stedina tal-Prinċep El Hassan bin Talal, Ibrahim ħadmet fuq kwistjonijiet ta' ġustizzja soċjali u ta' tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa mal-istitut West Asia-North Africa fir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan. Hi qed taħdem ukoll fuq kwistjonijiet ta' djalogu bejn ir-reliġjonijiet fir-Royal Institute for Inter-Faith Studies f'Amman, il-Ġordan. Ilha mill-2016 tagħmel lecture kull sena għal dawk li jiksbu l-boroż ta' studju Sakharov u għall-istudenti internazzjonali fl-Iskola tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Venezja, u tnebbaħ lill-udjenza tagħha bil-vjaġġ personali tagħha.

Minbarra l-attività tagħha bħala avukat u lecturer, Hauwa Ibrahim waqqfet diversi inizjattivi għall-iżvilupp, bħal The Peace Institute u Mothers Without Borders. L-għan taż-żewġ organizzazzjonijiet hu li jwittu t-triq għal ġejjieni ta' paċi u rikonċiljazzjoni ġenwina permezz tal-edukazzjoni u r-rikonċiljazzjoni, fin-Niġerja u barra mill-pajjiż. F'Ottubru 2017 varat il-proġett Mothers without Borders: Steering Youth Away from Violent Extremism.