Ϸվ

Andrei Sakharov

Andrei Sakharov – L-ispirazzjoni għall-Premju

Il-fiżiku Russu Andrei Sakharov (1921-1989), rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi fl-1975, sar magħruf qabelxejn bħala l-inventur tal-bomba bl-idroġenu Sovjetika.

Inkwetat bil-konsegwenzi ta' xogħlu fuq il-futur tal-umanità, ipprova joħloq għarfien dwar il-periklu tat-tellieqa għall-armi nukleari. L-isforzi tiegħu kienu ta' suċċess parzjali permezz tal-iffirmar tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari fl-1963.

Fl-Unjoni Sovjetika, Sakharov kien meqjus bħala dissident sovversiv. Fl-1970, huwa waqqaf kumitat għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u tal-vittmi tal-persekuzzjonijiet politiċi. Minkejja li kienet qed tiżdied il-pressjoni min-naħa tal-gvern, Sakharov mhux biss ipprova jikseb ir-rilaxx ta' dissidenti f'pajjiżu, iżda sar ukoll wieħed mill-kritiċi l-aktar kuraġġużi tar-reġim, is-simbolu tal-ġlieda kontra ċ-ċaħda tad-drittijiet fundamentali. Fl-1975 huwa ngħata l-Premju Nobel għall-Paċi bħala rikonoxximent għall-isforzi tiegħu.

L-awtoritajiet Sovjetiċi eżiljaw lill-Andrei Sakharov f'Gorky sabiex jillimitaw il-kuntatt tiegħu mal-barranin. Hemm sar jaf li l-Parlament Ewropew kien biħsiebu joħloq premju għal-libertà tal-ħsieb f'ismu. Waqt li kien għadu eżiljat, fl-1987, bagħat messaġġ lill-Parlament Ewropew fejn ta l-permess biex ismu jingħata lill-premju u qal ukoll li kien kommoss b'din id-deċiżjoni. Bir-raġun għaraf dan il-premju bħala inkuraġġiment għal dawk kollha li, bħalu, impenjaw ruħhom biex iġibu 'l quddiem id-drittijiet tal-bniedem.

Dan il-premju li jġib ismu jmur ferm lil hinn mill-fruntieri, anke minn dawk tar-reġimi oppressivi, biex jippremja lill-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u lid-dissidenti fid-dinja kollha.


Kuntatti

Kuntatt

DĠ COMM

Parlament Ewropew
60 rue Wiertz / Wiertzstraat 60
B-1047 - Bruxelles/Brussell

Links