Hu Jia – 2008, iċ-Ċina

Hu Jia, li huwa wieħed mill-attivitisti tad-demokrazija l-aktar voċiferi u rispettati fiċ-Ċina, jgħix taħt sorveljanza kostanti u jgħaddi perjodi ta' detenzjoni arbitrarja, theddid kostanti, swat u fastidju, li eskalaw sal-punt li jħoss li ħajtu tinsab fil-periklu, u jibża' li l-familja tiegħu wkoll tinsab fil-periklu.
Huwa wkoll attivista tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent, li indirizza kwistjonijiet relatati mal-AIDS meta l-HIV/AIDS kien għadu suġġett projbit fiċ-Ċina, u l-għadd ta' każijiet suspettati kien ittrattat bħala sigriet tal-istat. Hu talab repetutament biex issir inkjesta uffiċjali dwar il-massakru tal-Pjazza Tiananmen u biex jingħata kumpens lill-familji tal-vittmi, u kull sena jitqiegħed taħt arrest domiċiljari għall-ħabta tal-anniversarju tal-massakru ta' Tiananmen, wara li kien ipprova jpoġġi l-fjuri fil-pjazza fl-2004.
Fl-2007, permezz ta' konferenza telefonika mas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew, huwa kellu l-kuraġġ li jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li miljun persuna ġew ippersegwitati mid-dipartiment tas-sigurtà nazzjonali Ċiniż talli ġġieldu għad-drittijiet tal-bniedem, u ħafna minn dawn ġew detenuti fil-ħabs, fil-kampijiet tax-xogħol furzat jew fl-isptarijiet mentali. Hu sejjaħ biex l-2008, is-sena tal-Olimpjadi f'Beijing, issir is-sena tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina. B'riżultat ta' dan, Hu Jia ġie arrestat fis-27 ta' Diċembru 2007 talli xewwex is-sovversjoni tas-setgħa tal-istat', u fit-3 ta' April 2008 ġie kkundannat għal tliet snin u nofs ħabs u micħud mid-drittijiet politiċi tiegħu għal sena.
Meta tħabbar li kien ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov fl-għoxrin anniversarju tiegħu, Hu Jia u l-ġenituri tiegħu saritilhom pressjoni mill-pulizija tas-sigurtà tal-istat biex jirrifjuta l-premju. Hu Jia aċċettah b'kuraġġ, u sejjaħlu "premju importanti għaċ-Ċina". Zeng Jinyan, li dak iż-żmien kienet il-mara tiegħu u nominata flimkien miegħu għall-premju fl-2007, indirizzat iċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet, li Hu Jia ma setax jattendi, permezz ta' filmat. Hi ddikjarat li l-premju kien rikonoxximent tat-taqbida iebsa tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Ċiniżi, taqbida li huma u qrabathom jħallsu prezz estremament għoli għaliha.
F'ittra lill-President tal-Parlament Ewropew mibgħuta f'Lulju 2012, Hu Jia qal li kkunsidra l-premju bħala "tassew unur kbir" li "tah inkoraġġiment u tejjeb ħafna l-mod li bih ġie ttrattat fil-ħabs".
Huwa nħeles f'Ġunju 2011, u baqa' fiċ-Ċina biex ikompli bil-kritika skjetta tiegħu minn pajjiżu stess u biex jiddenunzja t-trażżin kontinwu tal-attivisti taħt il-President Xi Jinping. Huwa jemmen li dan it-trażżin hu sinjal ta' nervożiżmu minn reġim li jfittex li jżomm il-poter tiegħu minkejja mewġ dejjem akbar ta' appoġġ għad-demokrazija.
Bħala l-koordinatur tal-"avukati ħafja", grupp informali ta' konsulenti legali li jiddefendu lill-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, Hu Jia wissa li l-liġi ta' kontra t-terroriżmu fiċ-Ċina tirrestrinġi d-dritt ta' avukat għal dawk li jkunu akkużati b'terroriżmu, f'pajjiż fejn "minħabba li l-gvern jikkontrolla l-propaganda, jekk il-gvern jgħid li int terrorist, allura inti terrorist". Hu qajjem tħassib serju li l-programmi ta' sorveljanza tal-massa tal-awtoritajiet Ċiniżi qed iwasslu għal totalitarjaniżmu diġitali fiċ-Ċina.
Hu għadu jinżamm taħt sorveljanza stretta mill-Gvern Ċiniż. Waqt żminijiet politikament sensittivi, Hu Jia jiġi mġiegħel jieħu "vaganza" barra minn Beijing sabiex ma jindirizzax lill-mezzi tax-xandir.