Nurit Peled-Elhanan - 2001, Iżrael

Fl-1997, bintha Smadar ta' 13-il sena nqatlet f'attakk suwiċida mwettaq minn Palestinjan f'Ġerusalemm tal-Punent.
"Binti nqatlet sempliċiment għax kienet Iżraeljana minn żagħżugħ li kien imjassar u mxebba' sal-punt li jagħmel suwiċidju u joqtol sempliċiment għax hu kien Palestinjan. It-tnejn huma vittmi tal-okkupazzjoni Iżraeljana fil-Palestina. Issa demmhom tħallat fuq il-ġebel ta' Ġerusalemm, li dejjem kien indifferenti għad-demm" qalet Peled meta mietet bintha. Hija ma ppermettiet lil ħadd mill-awtoritajiet Iżraeljani, lanqas lill-Prim Ministru, jattendi ċ-ċerimonja tal-funeral.
Nurit Peled-Elhanan hija bint il-ġeneral Iżraeljan famuż Matti Peled, magħruf għall-kampanji paċifisti u progressivi tiegħu. Hi twieled fl-1949, u saret is-simbolu ta' dawk li f'Iżrael jiġġieldu kontra l-okkupazzjoni u favur il-ħelsien tal-Palestina.
Hija wkoll impenjata qatigħ biex tbiddel il-mentalità tas-soċjetà Iżraeljana, b'mod partikolari tal-ġenerazzjoni żagħżugħa. Waħda mill-pubblikazzjonijiet tagħha, Palestine in Israeli school books: Ideology and propaganda in education, titkellem dwar ix-xejra apparenti fl-iskejjel Iżraeljani lejn ir-razziżmu, aktar milli lejn it-tolleranza u d-diversità. Hija kienet ikkritikat bl-aħrax lill-mexxejja tad-dinja, inklużi George Bush, Tony Blair u Ariel Sharon talli "daħħlu fiċ-ċittadini rispettivi tagħhom biża' għamja mill-Musulmani".
Nurit Peled-Elhanan hija l-kofundatriċi tat-tribunal Russell, li huwa tribunal internazzjonali tal-poplu stabbilit fl-2009 biex jeżamina r-rwol u l-kompliċità ta' partijiet terzi fil-ksur tad-dritt internazzjonali min-naħa ta' l-Istat ta' Iżrael kontra l-poplu Palestinjan.
Hi impenjata li tiddefendi d-drittijiet tal-Palestinjani u tħeġġeġ appoġġ għall-kampanja ta' boycott, divestiment u sanzjonijiet kontra Iżrael sakemm dan jikkonforma mad-dritt internazzjonali u jirrispetta d-drittijiet tal-Palestinjani.
Nurit Peled-Elhanan hija vokali b'mod partikolari fid-difiża tat-tfal Palestinjani u d-dritt tagħhom għall-edukazzjoni, u insistiet ħafna dwar dan f'attivitajiet tan-netwerk tal-Premju Sakharov u f'laqgħat mal-Parlament Ewropew, inkluż f'Ġerusalemm. Wara l-gwerra ta' Gaża fl-2014, f'diskors ippassjonat u emozzjonali f'seduta ta' smigħ tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tat-tfal fil-kunflitti armati, hija żammet lil Iżrael responsabbli għas-sitwazzjoni tal-Palestinjani f'Gaża.
Flimkien ma' Salima Ghezali u Taslima Nasreen, żewġ rebbieħa oħra tal-Premju Sakharov, Peled ippubblikat ukoll opinjoni li fiha appellat "lill-mexxejja u r-rappreżentanti tal-UE biex b'mod attiv u fil-miftuħ jinkoraġġixxu lill-Awtorità Palestinjana tingħaqad mal-Qorti Kriminali Internazzjonali".