In-nisa fil-bini tal-paċi: għaliex u kif jista’ jiżdied ir-rwol tagħhom
Anki jekk in-nisa jistgħu jikkontribwixxu għal paċi dejjiema, ftit huma dawk involuti fin-negozjati għall-paċi. Skopri kif il-Parlament Ewropew irid ibiddel dan.
Studji wrew li l-ftehimiet ta' paċi milħuqa bil-parteċipazzjoni attiva tan-nisa għandhom ċans aħjar li jkunu sostenibbli u effettivi. Is-soċjetajiet li jagħmlu enfasi fuq il-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri jgawdu wkoll minn saħħa aħjar, tkabbir ekonomiku aktar b’saħħtu u sigurtà ogħla.
Minkejja dan, l-għadd ta' nisa involuti f'negozjati għall-paċi u missjonijiet għall-bini tal-paċi kien baxx fil-passat, u kemxejn kiber f'dawn l-aħħar snin.
Il-Parlament Ewropew ospita konferenza fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tan-Nisa biex jiddiskuti kif jista' jissaħħaħ ir-rwol tan-nisa fil-bini tal-paċi.
X’jipprevjeni lin-nisa milli jkollhom rwol attiv fiż-żamma tal-paċi?
Filwaqt li n-nisa jistgħu jagħtu kontribut importanti għall-paċi, spiss joqogħdu pass lura fin-negozjati.
Meta jiġu nnegozjati waqfien mill-ġlied jew tnaqqis fil-vjolenza, normalment il-partijiet fil-kunflitt ikollhom negozjati. Iżda l-kisba ta’ paċi fit-tul u komunitajiet aktar reżiljenti hija marbuta mal-bini ta’ ambjent sikur u t-tkomplija tal-attività soċjoekonomika. In-nisa jistgħu jappoġġaw soluzzjonijiet ta' paċi dejjiema u rikonċiljazzjoni kollettiva.
L-inugwaljanzi ekonomiċi jew legali f'xi soċjetajiet jistgħu jipprevjenu wkoll lin-nisa milli jieħdu sehem fi ftehimiet ta' paċi. Jekk in-nisa jkollhom l-istess status legali bħall-irġiel u jitqiesu bħala imprendituri u investituri finanzjarjament indipendenti u ta’ suċċess, huwa aktar probabbli li jkollhom irwol sinifikanti fl-istabbiliment tal-paċi.
Żbilanċi fir-rappreżentanza tan-nisa fit-tmexxija
Għad hemm numru żgħir ta’ nisa li jipparteċipaw fl-istrutturi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali tat-teħid tad-deċiżjonijiet. In-nisa huma assenti fl-ogħla pożizzjonijiet ta' kmand tal-operazzjonijiet u l-missjonijiet militari tal-UE, u ftit li xejn inħatru bħala kapijiet ta' missjonijiet ċivili.
F’riżoluzzjoni adottata mill-Parlament Ewropew f'Ottubru 2020 dwarir-rwol tan-nisa fil-politika estera u ta' sigurtà tal-UE kien hemm miktub li n-nisa kienu jikkostitwixxu biss 13 % tan-negozjaturi fi proċessi ta' paċi ewlenin mill-1992 sal-2018, 4 % tal-firmatarji u 3 % tal-medjaturi.
Ir-riżoluzzjoni enfasizzat l-importanza tan-nisa fil-promozzjoni tad-djalogu, il-bini tal-paċi u t-twassil ta' perspettivi differenti dwar it-tifsira tal-paċi u s-sigurtà.
Il-ħidma tal-Parlament dwar il-promozzjoni tan-nisa fil-konsolidazzjoni tal-paċi
Il-Parlament Ewropew jappoġġa l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fil-bini tal-paċi. F'riżoluzzjoni f'Diċembru 2024, il-Membri tal-PE appellaw għal politika barranija, ta' sigurtà u ta' żvilupp tal-UE li tqis l-ilħna tan-nisa.
Fl-2024 ukoll, il-moviment Għarbi-Lhudi “Women Wage Peace” u l-moviment Palestinjan “Women of the Sun” intgħażlu mill-Membri tal-PE fost it-tliet finalisti tal-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb. Iż-żewġ organizzazzjonijiet jaħdmu flimkien għal soluzzjoni paċifika u rispettuża għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestinjani.
Riżoluzzjoni oħra, adottata mill-Parlament f'Marzu 2022, enfasizzat il-kontribut importanti li jagħtu n-nisa u s-soċjetà ċivili għall-promozzjoni tad-djalogu għall-paċi, u għall-perspettivi differenti li jġibu dwar xi jfissru l-paċi u s-sigurtà, b'mod partikolari fil-prevenzjoni, ir-riżoluzzjoni u r-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti.
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament ta' Ottubru 2020 li eżaminat ir-rwol tan-nisa fil-politika estera u ta' sigurtà tal-UE, stiednet lill-Kummissjoni Ewropea, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lid-delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja jirrikonoxxu lill-bniet u lin-nisa bħala muturi tal-bidla. Il-Membri tal-PE enfasizzaw ir-rwol pożittiv li għandhom in-nisa fil-kisba ta' paċi sostenibbli u koeżjoni soċjali.
L-aġenda "In-nisa, il-paċi u s-sigurtà"
Fl-2000, , li stabbiliet l-aġenda "In-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà". Dan id-dokument kellu l-għan li jiżgura li d-drittijiet, l-aġenzija u l-protezzjoni tan-nisa u l-bniet jiġu osservati u rispettati f'kull ħin.
biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa permezz tal-azzjoni esterna kollha tal-Unjoni Ewropea. Dawk il-pjanijiet jinkludu wkoll sforzi biex titmexxa 'l quddiem l-aġenda "In-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà".
Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-pjan ta' azzjoni attwali dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ta' Marzu 2022, il-Parlament stieden lill-UE tappoġġa inizjattivi lokali għall-bini tal-paċi mmexxija min-nisa u mid-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem.
Il-konferenza tal-Parlament dwar in-nisa fid-difiża u l-bini tal-paċi
Il-kumitat tal-Parlament għad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi uża l-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tan-Nisa fl-2025 biex jorganizza konferenza dwar ir-rwol tan-nisa fid-difiża, is-sigurtà u l-bini tal-paċi fis-6 ta' Marzu.
Ir-rappreżentanti tal-pajjiżi tal-UE, l-istituzzjonijiet Ewropej, il-membri tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali ddiskutew l-modi differenti li bihom in-nisa jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u l-għoti tas-setgħa lill-ġenerazzjonijiet futuri.
L-enfasi kienet fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, b'mod partikolari fid-difiża, is-sigurtà u l-konsolidazzjoni tal-paċi.
Tgħallem aktar dwar il-programm u ara
Tgħallem aktar dwar kif il-Parlament Ewropew jippromwovi d-drittijiet tan-nisa:
- Briefing tal-EPRS dwar in-nisa fl-affarijiet barranin u s-sigurtà internazzjonali (2025) [EN]
- Briefing - Tisħiħ tal-Aġenda dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà (2025) [EN]
- Stqarrija għall-Istampa - Il-Jum Internazzjonali tal-Mara: In-nisa Ewropej jiġġieldu għal-libertà u l-paċi (11.03.2025) [EN]
- Stqarrija għall-Istampa - Niddefendu d-drittijiet tan-nisa: tenħtieġ tmexxija b’saħħitha tal-UE fil-kuntest ta’ reazzjoni negattiva globali (07.03.2025) [EN]