RAPPORTdwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja2022, TaqsimaVI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
7.3.2024-()
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Luke Ming Flanagan
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja2022, TaqsimaVI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
()
Il-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022[1],
–wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022 ( – C9‑0254/2023)[2],
–wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-attività tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew kif ukoll ir-rapport annwali lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-awditi interni mwettqa fl-2022,
–wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2022, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet[3],
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni[4] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2022 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
–wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
–wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012[5], u b’mod partikolari l-Artikoli 59, 118, 260, 261 u 262 tiegħu,
–wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
–wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0072/2024),
1.Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għas-sena finanzjarja 2022;
2.Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t’hawn taħt;
3.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex tiżgura li jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).
2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
()
Il-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2022, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
–wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
–wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0072/2024),
A.billi, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kwittanza, l-awtorità ta’ kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ aktar il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta’ titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta’ bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;
B.billi l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (il-“Kumitat”) huwa korp konsultattiv tal-Unjoni li jipprovdi forum għal konsultazzjoni, djalogu u kunsens fost ir-rappreżentanti tal-varji komponenti ekonomiċi, soċjali u ċivili tas-soċjetà ċivili organizzata mill-Istati Membri;
C.billi l-Kumitat jikkontribwixxi għall-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni u, billi jiżgura rabtiet bejn il-politiki u ċ-ċirkostanzi ekonomiċi, soċjali u ċiviċi tal-Unjoni, isegwi l-missjonijiet tiegħu ta’ tfassil aħjar tal-liġijiet, demokrazija parteċipattiva minn isfel għal fuq u promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni;
D.billi l-konsultazzjoni tal-Kumitat mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill hija obbligatorja f’ċerti każijiet, filwaqt li l-Kumitat jista’ wkoll jadotta opinjonijiet fuq inizjattiva proprja u jgawdi minn marġni wiesa’ ta’ konsultazzjoni, kif stabbilit fit-Trattati, u dan jippermettilu li jiġi kkonsultat mill-Parlament;
E.billi l-kummissjoni tal-Kumitat għall-affarijiet finanzjarji u baġitarji hija l-korp superviżorju tal-Kumitat għall-proċeduri baġitarji kollha u, b’mod partikolari, l-istabbiliment tal-estimi baġitarji, l-implimentazzjoni tal-baġit, ir-rapport annwali tal-attività, il-kwittanza u s-segwitu għar-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”);
1.Jinnota li l-baġit tal-Kumitat jaqa’ taħt l-intestatura 7 tal-QFP, “Amministrazzjoni pubblika Ewropea”, li kienet tammonta għal total ta’ EUR11,6-il biljun fl-2022, jiġifieri 5,9% tal-infiq tal-baġit tal-Unjoni; jinnota li, fl-2022, il-baġit tal-Kumitat kien jirrappreżenta 1,31% tal-intestatura 7 tal-QFP;
2.Jinnota li l-Qorti, fir-rapport annwali tagħha għas-sena finanzjarja 2022, eżaminat kampjun ta’ 60 tranżazzjoni fl-ambitu tal-Amministrazzjoni, l-istess għadd li kien eżaminat fl-2021; jinnota wkoll li l-Qorti tikteb li n-nefqa amministrattiva tinkludi n-nefqa fuq ir-riżorsi umani inkluża n-nefqa fuq il-pensjonijiet, li fl-2022 kienet tammonta għal madwar 70% tan-nefqa amministrattiva totali, u n-nefqa fuq il-bini, it-tagħmir, l-enerġija, il-komunikazzjoni u t-teknoloġija tal-informazzjoni, u li l-ħidma tagħha tul bosta snin tindika li, b’mod ġenerali, dan l-infiq huwa ta’ riskju baxx;
3.Jinnota li bħala parti mill-awditu tagħha għall-2022, il-Qorti eżaminat is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Kumitat, b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-istandards ta’ kontroll intern, il-ġestjoni tar-riskju u l-funzjonament tal-kontrolli ewlenin definiti fir-Regolament Finanzjarju, inklużi l-kontrolli ex ante u ex post fuq il-pagamenti;
4.Jinnota li 14 (23%) mis-60 tranżazzjoni kien fihom żbalji iżda li l-Qorti, abbażi tal-ħames żbalji li ġew ikkwantifikati, tistma li l-livell ta’ żball huwa taħt il-livell limitu ta’ materjalità;
5.Jinnota b’sodisfazzjon li l-Qorti, fir-rapport annwali tagħha għas-sena finanzjarja 2022, tiddikjara li ma identifikat l-ebda kwistjoni speċifika li tikkonċerna lill-Kumitat; jinnota wkoll li l-Qorti, fir-rieżami ta’ segwitu tagħha, qieset li r-rakkomandazzjoni li saret lill-Kumitat fir-rapport annwali għas-sena finanzjarja 2019 fir-rigward tal-ħtieġa li l-Kumitat jiżviluppa politika ta’ funzjonijiet sensittivi f’konformità mal-istandards ta’ kontroll intern tiegħu ġiet implimentata f’xi aspetti;
Ġestjoni baġitarja u finanzjarja
6.Jinnota li, fl-2022, il-baġit finali adottat għall-Kumitat ammonta għal EUR152451643, u dan jirrappreżenta żieda ġenerali ta’ 5,1% meta mqabbel mal-2021; jinnota li l-linja baġitarja tar-remunerazzjoni u l-indennizzi żdiedet b’5% bejn l-2021 u l-2022 minħabba l-indiċjar annwali tas-salarji; jinnota li l-linja baġitarja għat-tagħmir tal-bini naqset b’77% bejn l-2021 u l-2022 u reġgħet lura għal-livelli tas-soltu wara l-implimentazzjoni ta’ xogħlijiet importanti ta’ rinnovazzjoni fl-2021; jinnota li, mill-bqija, id-distribuzzjoni tal-approprjazzjonijiet bejn il-linji baġitarji fil-baġit tal-2022 baqgħet komparabbli mad-distribuzzjoni tas-snin preċedenti;
7.Jinnota li r-rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit kienet ta’ 96,12% fl-2022, wara sentejn ta’ implimentazzjoni baġitarja aktar baxxa minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet relatati fuq l-ivvjaġġar; jinnota li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-pagamenti segwiet l-istess xejra u laħqet it-88,12% fl-2022;
8.Jinnota li r-riport tal-approprjazzjonijiet għas-sena 2022 ammonta għal EUR20162518, jiġifieri madwar 13% tal-baġit annwali tal-2022, u dan kien sostanzjalment ogħla mill-medja fis-snin preċedenti; jifhem li dan ir-riport kien marbut mal-posponiment tax-xogħlijiet tal-kostruzzjoni fl-2020 u l-2021;
9.Jinnota li ż-żmien medju għall-pagament fl-2022 kien ta’ 18-il jum, ammont li jirrappreżenta tnaqqis qawwi mill-2019, meta kien ta’ 30,19 jum; japprezza li, fl-istess ħin, l-użu tal-fatturazzjoni elettronika żdied minn 58,54% fl-2018 għal 88,84% fl-2022, żieda li preżumibbilment ikkontribwiet għat-tnaqqis fiż-żmien għall-pagament matul dak il-perjodu; jilqa’ l-fatt li l-Kumitat biddel il-prattiki tiegħu bħala riżultat tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditu intern dwar iż-żminijiet għall-pagament, li tnieda u ngħalaq fl-2022 u kkontribwixxa għal tnaqqis fil-proporzjon ta’ pagamenti tard għal madwar 10% fl-2022;
10.Jinnota li s-servizzi proprji tal-Kumitat nedew 15-il proċedura negozjata ta’ akkwist taħt EUR60000 fl-2022, prinċipalment għal għarfien espert, studji u appoġġ loġistiku; jinnota li l-proċeduri ta’ akkwist fil-qasam tal-loġistika tnedew mis-servizzi konġunti li l-Kumitat jikkondividi mal-Kumitat tar-Reġjuni (il-“KtR”);
11.Jinnota li, fl-2022, il-Kumitat kompla jtejjeb il-kosteffettività tal-metodi ta’ ħidma tiegħu, b’mod partikolari bis-saħħa tal-ħidma ibrida, id-dematerjalizzazzjoni sħiħa taċ-ċirkwiti finanzjarji u t-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija; jinnota wkoll li l-iffrankar baġitarju u amministrattiv inkiseb permezz ta’ kooperazzjoni interistituzzjonali, b’mod partikolari permezz tas-servizzi konġunti mal-KtR u l-esternalizzazzjoni ta’ servizzi speċifiċi lill-Kummissjoni (għal tariffa annwali) għat-trattament ta’ kwistjonijiet relatati mar-riżorsi umani u l-użu ta’ pjattaformi varji tal-IT għall-ġestjoni finanzjarja u għar-riżorsi umani, kif ukoll il-parteċipazzjoni fi proċeduri ta’ akkwist interistituzzjonali mmexxija minn istituzzjonijiet oħra;
12.Huwa konxju li d-deċiżjonijiet relatati mal-indennizzi tal-membri tal-Kumitat biex jattendu l-laqgħat u mal-ammont ta’ tali indennizzi jittieħdu mill-Kunsill; jiddispjaċih li, wara t-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar relatati mal-pandemija tal-COVID-19, il-Kunsill iddeċieda li ma jħassarx id-deċiżjoni temporanja tal-2021 li tagħti indennizz ta’ EUR145 għall-attendenza mill-bogħod tal-membri għal-laqgħat, li baqgħet fis-seħħ sal-25 ta’ Mejju 2023, meta ġiet adottata deċiżjoni ġdida tal-Kunsill b’rata fissa ta’ EUR145 kuljum għall-attendenza mill-bogħod tal-laqgħat; iqis li l-attendenza mill-bogħod hija strument importanti għall-istituzzjonijiet moderni, peress li, fost l-oħrajn, tnaqqas l-ispejjeż tal-laqgħat u tippermetti parteċipazzjoni usa’, speċjalment matul sitwazzjonijiet ta’ kriżi, kif muri matul il-pandemija tal-COVID-19; iqis, madankollu, li indennizz għall-attendenza mill-bogħod, minkejja li tnaqqas, huwa diffiċli biex jinftiehem mill-pubbliku, aktar u aktar meta titqies id-differenza mħallsa lill-membri tal-Kumitat u lill-membri tal-KtR għall-attendenza mill-bogħod; jinnota d-diversi livelli ta’ kontroll imwettqa biex jagħtu prova li membru jkun qiegħed jattendi laqgħa mill-bogħod qabel il-ħlas tal-indennizz;
13.Jinnota li l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ħolqot pressjoni baġitarja għall-Kumitat, inkluż permezz ta’ żieda fl-inflazzjoni u l-aġġustamenti tas-salarji, żieda qawwija fl-ispejjeż tal-enerġija u l-ispiża tal-kostruzzjoni u tal-materja prima; jinnota b’mod partikolari li l-ispejjeż tal-enerġija żdiedu minn EUR726000 għal EUR3125000 bejn l-2021 u l-2022, jiġifieri żieda ta’ 330%; jinnota li l-attivitajiet ad hoc b’appoġġ għas-soċjetà ċivili Ukrena ġġenerawspejjeż diretti u indiretti, bħall-ispejjeż relatati mat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni għall-Ukren u mill-Ukren, l-ospitar ta’ NGOs Ukreni, u s-servizzi tas-sigurtà u t-taħriġ għall-missjonijiet fl-Ukrajna;
14.Jinnota li l-baġit 2022 għall-missjonijiet tal-persunal żdied b’EUR25000 meta mqabbel mal-2021 u li kien iffinanzjat minn trasferiment baġitarju, biex ikopri spejjeż ogħla minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tat-titjiriet u tal-lukandi fl-2022, u ammonta għal total ta’ EUR398974; jinnota li, fl-2022, il-President tal-Kumitat ipparteċipa f’26 missjoni bi spiża totali ta’ EUR38042, meta mqabbla ma’ 12-il missjoni bi spiża totali ta’ EUR15327 fl-2021, wara t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar wara t-tmiem tal-pandemija tal-COVID-19;
Ġestjoni interna, prestazzjoni u kontroll intern
15.Jinnota li l-Kumitat isegwi l-missjoni tiegħu permezz ta’ opinjonijiet, li jirreferu għal proposti leġiżlattivi magħmula mill-Kummissjoni (konsultazzjonijiet), opinjonijiet fuq inizjattiva proprja, li jistiednu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jieħdu azzjoni, u opinjonijiet esploratorji, li jikkontribwixxu għall-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-inizjattivi ppjanati tagħha, u li l-pożizzjonijiet tal-Kumitat jistgħu jiġu enfasizzati f’riżoluzzjonijiet jew inklużi f’rapporti ta’ evalwazzjoni u informazzjoni; jinnota li, fl-2022, il-Kumitat adotta 202 opinjonijiet u rapporti, u dan huwa konformi mal-prestazzjoni annwali medja tiegħu, esklużi l-2019 u l-2020, meta l-attività tal-Kumitat kienet aktar baxxa; jinnota li l-Kumitat saħħaħ ukoll l-involviment tiegħu fiċ-ċiklu politiku u leġiżlattiv billi attenda 345 laqgħa, summit u konferenza nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali ta’ livell għoli, u billi organizza 116-il seduta ta’ smigħ u 29 konferenza;
16.Japprezza l-proġetti mnedija fl-2022 fir-rigward ta’ opinjonijiet ta’ segwitu msaħħa bl-għan li jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u l-impatt ta’ opinjonijiet magħżula u li tittejjeb il-kapaċità tal-Kumitat li jagħti prijorità lill-ħidma tiegħu u fir-rigward tat-titjib tal-puntwalità tal-għoti tal-opinjonijiet tal-Kumitat; jinnota li dawk l-inizjattivi ġew ikkomplementati, fi tmiem l-2022, minn riflessjoni dwar il-format tal-opinjonijiet, li l-għan tagħha huwa li tippromwovi użu aktar effiċjenti u effettiv tal-opinjonijiet tal-Kumitat fil-proċess leġiżlattiv tat-teħid ta’ deċiżjonijiet;
17.Jinnota li, fl-2022, il-Membri tal-Parlament ipparteċipaw f’laqgħat jew avvenimenti organizzati mill-Kumitat fi 68 okkażjoni, ammont li baqa’ fl-istess livell bħal fl-2021, filwaqt li l-membri tal-Kumitat kważi rduppjaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’avvenimenti organizzati mill-Parlament matul l-istess perjodu; jilqa’ l-fatt li, fl-2022, il-Kumitat iffoka fuq l-intensifikazzjoni tar-relazzjonijiet tiegħu mal-Parlament u fuq il-promozzjoni tal-valur miżjud tal-Kumitat, u b’hekk rawwem rabtiet saħansitra aktar mill-qrib bejn is-sezzjonijiet tal-Kumitat u l-kumitati parlamentari;
18.Jinnota l-parteċipazzjoni wiesgħa tal-Kumitat f’inizjattivi varji, inklużi avvenimenti ewlenin u konferenzi annwali biex jinvolvi ruħu mal-partijiet ikkonċernati Ewropej; jilqa’ l-isforzi li saru mill-Kumitat biex isaħħaħ l-involviment taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika;
19.Jinnota li l-Kumitat kompla jsaħħaħ il-qafas ta’ kontroll intern tiegħu fl-2022, bis-simplifikazzjoni taċ-ċirkwiti finanzjarji skont il-proċedura ta’ “verifika ħafifa” għal xi tranżazzjonijiet ta’ valur baxx, u kompla jiżviluppa l-politika tiegħu dwar pożizzjonijiet sensittivi, kif irrakkomandat mill-Qorti fir-rapport annwali tagħha għas-sena finanzjarja 2019; jinnota li, abbażi tal-aġġornament tal-lista ta’ pożizzjonijiet sensittivi matul l-2022 u fiż-żmien tal-pubblikazzjoni tal-lista aġġornata ta’ 36 pożizzjoni fil-bidu tal-2023, il-Kumitat kien għadu qiegħed jaħdem fuq ir-rieżami tal-metodoloġija u s-sistema ta’ ġestjoni tar-riskju, filwaqt li jqis kemm id-daqs tal-istituzzjoni kif ukoll in-natura tal-operazzjonijiet tagħha; jitlob lill-Kumitat jinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar il-progress li sar fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-metodoloġija ta’ pożizzjonijiet sensittivi fl-2023;
20.Jilqa’ l-isforzi tal-Kumitat fl-istabbiliment ta’ qafas tal-awditjar definit aħjar u aktar konsistenti permezz tal-finalizzazzjoni tal-karta tal-awditjar intern u l-karta tal-kumitat tal-awditjar bir-regoli proċedurali li ġew approvati mill-kumitat tal-awditjar f’Diċembru 2022 u adottati mill-Bureau tal-Kumitat fil-bidu tal-2023; japprezza li l-funzjoni tal-awditjar intern tal-Kumitat issaħħet fl-2022, b’mod partikolari bir-reklutaġġ ta’ amministratur fis-servizz tal-awditjar intern u koordinazzjoni mill-qrib mal-awditur intern tal-KtR fl-aspetti kollha relatati mal-awditjar tas-servizzi konġunti; jinnota li erba’ awditi tnedew fl-2022 dwar is-suġġetti tal-pagamenti tard, l-awtorizzazzjonijiet tal-laqgħat, iċ-ċiklu strateġiku u l-għażla tad-delegati tal-Kumitat għall-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali;
Riżorsi umani, ugwaljanza u benesseri tal-persunal
21.Jinnota li, fi tmiem l-2022, il-Kumitat kellu total ta’ 706 membri tal-persunal, meta mqabbel ma’ 699 fl-2021; jinnota li 50 aġent kuntrattwali u 128 aġent temporanju kienu impjegati mill-Kumitat fi tmiem l-2022 (li jirrappreżentaw żieda meta mqabbel ma’ 46 aġent kuntrattwali u 107 aġenti kuntrattwali fl-2021), inklużi 19-il aġent kuntrattwali u tliet aġenti temporanji b’terminu kuntrattwali indefinit; jinnota, barra minn hekk, li l-Kumitat impjega 12-il aġent interim u seba’ membri esterni tal-persunal li jaħdmu fuq il-post, bl-esklużjoni tal-fornituri esterni tas-servizzi fl-oqsma tal-loġistika u tal-IT; jinnota li, fl-2022, ir-rata ta’ okkupazzjoni tal-pożizzjonijiet fit-tabella tal-persunal kienet ta’ 95,1%;
22.Jilqa’ l-isforzi kontinwi tal-Kumitat biex itejjeb il-qafas tar-riżorsi umani tiegħu bl-għan li jsir impjegatur attraenti u post tax-xogħol kompletament inklużiv fejn kull individwu jkun apprezzat u jkun jista’ jiżviluppa bis-sħiħ il-potenzjal tiegħu; jinnota li l-istrateġija integrata tar-riżorsi umani, adottata f’Ġunju 2022, hija artikolata madwar il-prinċipji tal-inklużjoni, iż-żamma, il-kompetenzi u l-prestazzjoni; japprezza li waħda mill-ewwel azzjonijiet ta’ segwitu kienet it-tnedija ta’ stħarriġ dwar is-sodisfazzjon tal-persunal f’Jannar 2023, b’enfasi fuq l-involviment tal-persunal;
23.Jissottolinja li l-inklużjoni ta’ membri tal-persunal il-ġodda tikkostitwixxi fattur importanti ta’ allinjament strateġiku billi tiżgura li l-persunal ikun infurmat dwar ir-regoli u l-istrateġiji stabbiliti f’istituzzjoni; jinnota li t-taħriġ ta’ introduzzjoni għall-membri tal-persunal il-ġodda tal-Kumitat reġa’ beda f’April 2022; jilqa’ l-fatt li l-Kumitat żviluppa skema ta’ mentoraġġ fejn il-mentors ingħataw appoġġ u pariri fil-forma ta’ skambju tal-aħjar prattiki biex jadattaw il-metodi tagħhom għall-ambjent tax-xogħol ibridu;
24.Jinnota li, bl-għan li jqassam aħjar ir-riżorsi skarsi tiegħu, fl-2022 il-Kumitat ikkummissjona mmappjar estern tar-riżorsi umani u dan ikkonferma l-ammont kbir ta’ xogħol f’ħafna servizzi differenti fil-Kumitat fid-dawl tal-iskarsezza tar-riżorsi wara t-tnaqqis tat-tabella tal-persunal fl-2013; jinnota li, bħala segwitu għall-awditu estern dwar l-immappjar tar-riżorsi umani, il-Kumitat beda jħejji pjan ta’ azzjoni li jinkludi azzjonijiet fl-ambitu tal-istrateġija integrata tar-riżorsi umani, bħal rieżami tas-sistema ta’ evalwazzjoni u prestazzjoni, l-iżvilupp ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni interna, l-adozzjoni tad-deċiżjoni l-ġdida dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-organizzazzjoni ta’ monitoraġġ regolari tal-involviment tal-persunal; jistieden lill-Kumitat jipprovdi aġġornament dwar is-segwitu għall-immappjar tar-riżorsi umani fl-2023;
25.Jinnota b’apprezzament li deċiżjoni ġdida dwar arranġamenti tax-xogħol flessibbli, li tistabbilixxi politika flessibbli u bbażata fuq il-fiduċja għal xogħol ibridu, daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ April 2022 fil-forma ta’ proġett pilota, li jipprovdi firxa wiesgħa ta’ mudelli tax-xogħol part-time u arranġamenti flessibbli ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa għall-persunal; jinnota li madwar 25% tan-nisa u 14,4% tal-irġiel impjegati mill-Kumitat applikaw għal mudelli tax-xogħol mhux standard fl-2022; jinnota li d-deċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tipprovdi lill-persunal il-possibbiltà li jaħdem permezz ta’ telexogħol sa 60% tal-ħin tax-xogħol tiegħu, dment li dan ikun kompatibbli mal-interess tas-servizzi, u li t-telexogħol isir f’post għajr il-post tal-impjieg għal 15-il jum kull sena kalendarja; jinnota li l-persunal tal-Kumitat jiġi pprovdut it-tagħmir meħtieġ biex ikollu kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin meta jaħdem mill-bogħod; jilqa’ l-fatt li l-kumitat ta’ evalwazzjoni wettaq stħarriġ dwar is-sodisfazzjon tal-persunal li tnieda fi tmiem l-2022; jinnota li d-deċiżjoni finali dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, wara d-djalogu soċjali mal-unions tal-persunal u l-kumitat tal-persunal u s-servizz legali tal-Kumitat, kellha tiġi adottata sa tmiem l-2023; jitlob lill-Kumitat jinforma lill-awtorità ta’ kwittanza bl-iżviluppi f’dan ir-rigward fil-ħin;
26.Jesprimi dispjaċir għall-fatt li, anke fl-2022, il-Kumitat ma kienx kapaċi jipprovdi data dwar każijiet ta’ burnout fil-Kumitat; jirrispetta l-limitazzjonijiet tal-protezzjoni tad-data, iżda jfakkar lill-Kumitat fl-importanza ta’ data statistika anonimizzata f’organizzazzjoni bl-għan li tgħin fid-deċiżjonijiet maniġerjali; itenni li għandhom jitqiesu l-azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni, il-prattiki tajbin fir-rigward tal-ġestjoni tal-ammont ta’ xogħol, il-komunikazzjoni u s-soluzzjoni tal-kunflitti, kif ukoll il-politika tar-ritorn għax-xogħol; jifhem li l-adozzjoni tal-arranġamenti ġodda tax-xogħol hija pass pożittiv lejn prevenzjoni aktar effettiva ta’ burnout fil-livell organizzattiv, li għandha tqis ukoll is-sejbiet tar-riżultati tal-immappjar tar-riżorsi umani;
27.Jinnota li, fl-2022, il-Kumitat kompla jimpjega proporzjon għoli ta’ membri tal-persunal nisa (64,6% tal-persunal kollu), inkluż fil-livell tal-maniġment intermedju (59% tal-maniġers kollha); jinnota li r-rappreżentanza femminili f’pożizzjoni ta’ maniġment superjuri għad trid tittejjeb, peress li tliet maniġers superjuri minn sebgħa biss kienu nisa fi tmiem l-2022; iħeġġeġ lill-Kumitat ikompli bl-isforzi tiegħu fir-rigward tal-bilanċ bejn il-ġeneri, b’mod partikolari permezz ta’ sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-awtorità tal-ħatra u billi jiżgura li l-kompożizzjoni ta’ korpi differenti, inklużi l-bordijiet ta’ reklutaġġ u ta’ selezzjoni tar-riżorsi umani, tibqa’ bbilanċjata bejn il-ġeneri;
28.Jilqa’ l-ħidma lejn l-adozzjoni ta’ politika ġdida dwar id-diversità u l-inklużjoni mill-2022 sal-2023, f’konsultazzjoni mal-maniġment tal-Kumitat, il-Kumitat Konġunt għall-Ugwaljanza tal-Opportunitajiet tal-Kumitat u l-kumitat tal-persunal tal-Kumitat; jinnota li, minbarra l-azzjonijiet ta’ komunikazzjoni interna mwettqa, f’Diċembru 2022 twettqet kampanja speċifika ta’ sensibilizzazzjoni kontra l-omofobija; jilqa’ l-fatt li sessjoni ta’ taħriġ speċifiku dwar id-diversità u l-inklużjoni saret obbligatorja għall-maniġers u ġiet rakkomandata għall-persunal, u li ġie offrut kors dedikat dwar id-diversità u l-inklużjoni lill-membri tal-Kumitat bħala parti mill-programm ta’ taħriġ annwali tagħhom; iħeġġeġ lill-Kumitat ikompli d-diskussjonijiet tiegħu mal-Parlament bl-għan li jingħaqad mal-Programm ta’ Azzjoni Pożittiva għall-Persuni b’Diżabbiltà tal-Parlament sabiex jirrekluta aġenti kuntrattwali b’diżabbiltà; itenni l-appell tiegħu mill-kwittanza tal-2021 biex il-Kumitat jiffinalizza strateġija u pjan ta’ azzjoni aġġornati dwar id-diversità u l-inklużjoni;
29.Jinnota li, filwaqt li l-Istati Membri kollha huma rappreżentati fost il-persunal tal-Kumitat, il-bilanċ ġeografiku xorta għadu ma ntlaħaqx peress li xi nazzjonalitajiet għadhom rappreżentati żżejjed meta mqabbla ma’ oħrajn; jinnota li fl-2022 il-Kumitat kien jgħodd 21% tal-maniġers mit-13-il Stat Membru li ssieħbu fl-Unjoni wara l-2004, ammont li jirrappreżenta żieda żgħira meta mqabbel ma’ 19% fl-2021; itenni l-inkoraġġiment tiegħu lill-Kumitat biex ikompli jieħu azzjoni sabiex jikseb distribuzzjoni ġeografika xierqa fost il-persunal tiegħu, b’enfasi partikolari fil-livell maniġerjali;
30.Jinnota li, fl-2022, il-Kumitat ospita total ta’ 52 trainee għal terminu ta’ ħames xhur, erba’ trainees għal terminu ta’ tliet xhur u żewġ trainees li ngħataw għotjiet minn korpi pubbliċi esterni; jinnota li t-trainees kollha b’terminu ta’ ħames xhur irċevew għotja u indennizz fix-xahar filwaqt li t-trainees b’terminu iqsar ma kienu intitolati għal ebda kontribuzzjoni finanzjarja; jilqa’ l-fatt li, anke wara l-appell mill-Parlament matul il-proċedura ta’ kwittanza tal-2020, fl-2022 tnediet reviżjoni tad-deċiżjoni dwar it-traineeship tal-Kumitat bl-għan li twaqqaf it-traineeships b’terminu qasir mhux imħallsa u tiżgura li t-trainees kollha jirċievu remunerazzjoni deċenti; jissottolinja li d-deċiżjoni l-ġdida dwar it-traineeships daħlet fis-seħħ f’Lulju 2023, li tiżgura introjtu ta’ kull xahar kif ukoll indennizzi għall-ivvjaġġar u l-mobbiltà u indennizz għad-diżabbiltà, meta applikabbli, kemm għat-trainees b’terminu twil kif ukoll għal dawk b’terminu qasir;
Qafas etiku u trasparenza
31.Jinnota li l-Kumitat kompla l-proċess ta’ riforma interna tiegħu bl-adozzjoni ta’ regoli ta’ proċedura ġodda f’Marzu 2022 u d-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom f’Novembru 2022; xorta jiddispjaċih li r-relazzjonijiet speċifiċi bejn Membru u uffiċjal mhumiex indirizzati separatament fir-rigward tal-fastidju; jinnota li r-regoli ta’ proċedura issa huma allinjati u konsistenti mal-kodiċi ta’ kondotta adottat fl-2021 wara l-awditu intern tal-Kumitat dwar l-etika u l-integrità; jitlob lill-Kumitat jinforma lill-Parlament jekk evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-awditjar tal-etika u l-integrità ġietx implimentata kif ippjanat u x’kien l-eżitu ta’ din l-evalwazzjoni; jilqa’ r-riflessjoni mibdija fl-2022 biex titħejja karta ta’ valuri għall-persunal tal-Kumitat, wara proċess inklużiv u parteċipattiv li ġie ffinalizzat u kkomunikat lill-persunal fl-2023; jemmen li politika ta’ tolleranza żero għall-fastidju biss se tipprevjeni lill-Kumitat minn allegazzjonijiet futuri ta’ fastidju u mġiba ħażina serja;
32.Josserva li, wara d-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni riveduta tal-Kumitat dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta fil-15 ta’ Diċembru 2021 (id-Deċiżjoni 297/21A), kif ukoll tad-deċiżjoni riveduta dwar il-proċeduri għall-prevenzjoni u t-trattament tal-fastidju psikoloġiku u sesswali fuq il-post tax-xogħol (id-Deċiżjoni 090/22A), adottata fil-31 ta’ Marzu 2022, il-qafas legali etiku mġedded kien mistenni jitlesta b’deċiżjoni riveduta li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni dwar proċeduri dixxiplinari u investigazzjonijiet amministrattivi fl-2023, f’koordinazzjoni mal-KtR; jinnota li, fl-2022, ġiet adottata deċiżjoni ġdida dwar l-assenjazzjonijiet u l-attivitajiet esterni (id-Deċiżjoni Nru 141/22A) applikabbli għall-persunal attiv, il-persunal sekondat u l-persunal preċedenti, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal applikabbli fiż-żmien tat-tluq mis-servizz;
33.Jinnota b’sodisfazzjon li, fl-2022, il-Kumitat kompla jħarreġ lill-persunal u jwettaq sensibilizzazzjoni dwar il-qafas tal-etika stabbilit, b’mod partikolari l-kodiċi ta’ kondotta l-ġdid u d-deċiżjonijiet dwar il-fastidju u l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta, u r-rwol u r-responsabbiltajiet tal-konsulenti tal-etika li l-mandat tagħhom beda f’Jannar 2022; jinnota li, fl-2022, 116-il membru tal-persunal, inklużi maniġers u membri tal-persunal ġodda, attendew korsijiet ta’ taħriġ intern dwar l-etika u 26 membru tal-persunal attendew korsijiet ta’ taħriġ dwar l-etika pprovduti mill-Kummissjoni u mill-Iskola Ewropea tal-Amministrazzjoni; jinnota li ġie żviluppat u pprovdut kors ta’ taħriġ imfassal apposta lit-tim ta’ konsulenti tal-etika; jilqa’ l-fatt li 83% tar-rispondenti għall-istħarriġ dwar is-sodisfazzjon tal-persunal imniedi fl-2022 wera għarfien sod dwar l-imġiba etika u l-qafas etiku msaħħaħ tal-Kumitat;
34.Jinnota, fir-rigward tal-każijiet ta’ fastidju rrappurtati fil-kwittanzi tal-aħħar snin, li l-aħħar ftehim ta’ soluzzjoni relatat mal-każ OC/2018/0666/A1 tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) ġie konkluż fl-1 ta’ Ottubru 2022, u b’hekk il-Kumitat seta’ jagħlaq bis-sħiħ it-talbiet kollha għall-assistenza relatati ma’ dak il-każ; jilqa’ l-fatt li, fit-13 ta’ April 2022, il-President tal-Kumitat ta’ dak iż-żmien għamlet dikjarazzjoni pubblika, ippubblikata fuq is-sit web tal-Kumitat, li tindirizza l-apoloġija uffiċjali tagħha f’isem il-Kumitat għall-vittmi kollha, kemm il-membri tal-persunal kif ukoll l-eks membru, fil-każ inkwistjoni; jilqa’ l-fatt li, permezz tas-sentenza tagħha tas-6ta’Ottubru2022 fil-kawża C-673/21[6] , il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-legalità tal-miżuri meħuda mill-Bureau tal-Kumitat fid-deċiżjoni tiegħu tad-9 ta’ Ġunju 2020;
35.Itenni l-appell tiegħu lill-Kumitat għal investigazzjoni esterna u indipendenti biex jirrieżamina speċifikament il-proċeduri tal-Kumitat fir-rigward tar-riżorsi umani u l-effettività tagħhom, b’enfasi fuq l-identifikazzjoni tar-responsabbiltajiet tal-ġerarkija amministrattiva fl-indirizzar ta’ allegazzjonijiet ta’ fastidju u fl-iżgurar tal-benesseri tal-persunal; jirrifjuta, minkejja l-miżuri meħuda biex jissaħħaħ il-qafas etiku tal-Kumitat f’dawn l-aħħar snin, il-pożizzjoni tal-Kumitat li tali investigazzjoni mhijiex meħtieġa peress li l-miżuri stabbiliti ppermettew li l-każ ta’ fastidju jiġi indirizzat u jfakkar li l-Parlament diġà esprima tħassib dwar il-fatt li l-Kumitat irreaġixxa ripetitutament bil-mod fil-każijiet inkwistjoni;
36.Jinnota li l-Ombudsman Ewropew wettqet tliet inkjesti wara lmenti fl-2022; jinnota li każ wieħed wassal għal investigazzjoni, li kkonkludiet li ma kienet seħħet l-ebda amministrazzjoni ħażina; jinnota li żewġ każijiet oħra ngħalqu mingħajr investigazzjoni, filwaqt li l-Ombudsman qieset li sadanittant iż-żewġ każijiet kienu ġew solvuti;
37.Jinnota bi tħassib li erba’ każijiet pendenti ta’ allegat fastidju kienu għadhom qegħdin jiġu eżaminati mill-Kumitat fl-2022; jitlob lill-Kumitat jinforma lill-Parlament dwar is-segwitu għal dawk il-każijiet fil-ħin; jinnota li ma kien hemm l-ebda każ ġdid ta’ allegat fastidju rrappurtat fil-Kumitat dwar il-persunal tiegħu jew il-membri tiegħu fl-2022, iżda huwa konxju li ġew irrappurtati allegazzjonijiet ta’ fastidju li jinvolvu membru tal-persunal tal-Kumitat f’istituzzjoni oħra fl-2022; jitlob lill-Kumitat iżomm lill-Parlament infurmat dwar is-segwitu għal dak il-każ f’kooperazzjoni mal-istituzzjoni l-oħra kkonċernata;
38.Josserva li l-Kumitat huwa parti ċivili fil-proċedimenti legali li għaddejjin mibdija mill-awtoritajiet nazzjonali Belġjani kontra eks membru akkużat bi mġiba ħażina, li bħalissa jinsabu quddiem il-qorti Belġjana jistennew deċiżjoni; jitlob lill-Kumitat jinforma lill-Parlament dwar l-iżvilupp tal-każ fil-ħin;
39.Jinnota li, fl-2022, infetħu formalment tliet każijiet ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta mill-membri jew mill-persunal; jinnota li t-tliet każijiet ġew kollha kemm huma ttrattati u magħluqa malajr bir-rispett dovut kollu għall-protezzjoni tal-informaturi f’konformità mad-deċiżjoni tiegħu dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta (id-Deċiżjoni 297/21A); jinnota wkoll li żewġ każijiet ta’ żvelar potenzjali ta’ informazzjoni protetta tressqu lill-konsulenti tal-etika fl-2022 iżda l-ebda wieħed minnhom ma ġie kkonfermat;
40.Japprezza r-rieda tal-Kumitat li jikkoopera mal-korpi investigattivi tal-Unjoni (l-OLAF u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE)); jinnota li, fl-2022, l-OLAF għalaq żewġ każijiet ta’ allegata miżapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni u irregolaritajiet possibbli u mġiba ħażina serja li kienet tikkonċerna żewġ membri fin-nuqqas ta’ evidenza ta’ frodi u sejbiet; jinnota bi tħassib li l-OLAF nieda tliet każijiet ġodda kontra membri dwar frodi potenzjali fl-2023, li tnejn minnhom ingħalqu fl-istess sena u ntbagħtu lill-UPPE għal eżami; jinnota li l-OLAF irrefera każ wieħed dwar allegat ksur tal-kodiċi ta’ kondotta minn membru lill-kumitat tal-etika tal-Kumitat; jitlob lill-Kumitat jinforma lill-Parlament dwar is-segwitu għal dak il-każ fil-ħin;
41.Jifraħ lill-Kumitat talli ħa d-deċiżjoni li, mill-1 ta’ Ġunju 2023, jissieħeb formalment fir-reġistru tat-trasparenza tal-UE stabbilit mill-ftehim interistituzzjonali tal-20 ta’ Mejju 2021 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar reġistru obbligatorju ta’ trasparenza[7]; jinnota li l-Kumitat, fil-21 ta’ Marzu 2023, adotta diversi miżuri ta’ trasparenza f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fir-rigward tar-ġٰ tat-Trasparenza tal-UE, bħal rakkomandazzjoni għall-membri fil-kariga biex jiltaqgħu biss mal-partijiet ikkonċernati rreġistrati, l-obbligu għall-membri fil-kariga li jippubblikaw il-listi tal-laqgħat tagħhom u “impronta leġiżlattiva” volontarja għar-rapporteurs;
42.Jiddispjaċih li l-Kumitat għandu sensiela ta’ miżuri stabbiliti biex jipprevjeni l-frodi iżda għadu ma stabbiliex strateġija integrata kontra l-frodi, minkejja t-talbiet preċedenti min-naħa tal-Parlament; jilqa’ l-fatt li l-Kumitat lesta inventarju dwar l-oqsma li huma rilevanti għat-tnedija ta’ analiżi interna tar-riskju ta’ frodi, bħal politiki u proċeduri, taħriġ tal-persunal u kooperazzjoni ma’ korpi oħra, bl-għan li jittejjeb il-qafas kontra l-frodi;
Diġitalizzazzjoni, ċibersigurtà u protezzjoni tad-data
43.Jinnota li l-baġit ikkombinat tal-IT tal-Kumitat u tal-KtR ammonta għal EUR11712000 fl-2022, inkluż tisħiħ ta’ EUR750000 permezz ta’ trasferiment baġitarju intern matul is-sena, meta mqabbel ma’ EUR12860000 fl-2021, jiġifieri tnaqqis ta’ 9%;
44Jinnota li l-Kumitat għandu strateġija diġitali bl-għan li jipprovdi servizzi tal-IT skont l-aħjar prattiki tal-ġestjoni tal-IT filwaqt li jottimizza l-użu tar-riżorsi umani u finanzjarji; jinnota li l-Kumitat ħadem fuq l-adattament u l-iżvilupp ta’ diversi għodod strateġiċi tal-IT matul l-2022 bl-għan li jtejjeb l-effiċjenza u l-effettività tal-ħidma politika tal-Kumitat u tal-proċessi amministrattivi u l-flussi tax-xogħol tiegħu; jinnota li l-proġett ewlieni tal-infrastruttura tal-IT fl-2022 kien jikkonċerna adattament tat-tipoloġija tan-network meħtieġa għall-kamra l-ġdida tal-kompjuters fil-Binja Jacques Delors (JDE) f’konformità mal-pjan direzzjonali ibridu tal-cloud;
45.Jinnota li l-Kumitat żied l-ammont ta’ laqgħat ibridi fl-2022 sabiex jadatta għax-xogħol ibridu u jottimizza l-modi ta’ ħidma tiegħu, b’mod partikolari billi naqqas l-għadd ta’ missjonijiet; jifhem li dan il-mod ġdid ta’ ħidma kien jirrikjedi aġġornament tekniku f’termini ta’ tagħmir għall-kmamar tal-laqgħat ibridi;
46.Jinnota li l-Kumitat ma ffaċċja l-ebda attakk ċibernetiku fl-2022; jinnota li d-direttorat konġunt il-ġdid tal-Kumitat u tal-KtR għall-innovazzjoni u t-teknoloġija tal-informazzjoni huwa magħmul minn tliet unitajiet, jiġifieri t-trasformazzjoni diġitali, is-soluzzjonijiet diġitali u l-pjattaformi diġitali; jinnota li l-unità għall-pjattaformi diġitali hija responsabbli, fost l-oħrajn, għaċ-ċibersigurtà; jitlob lill-Kumitat jinforma lill-awtorità ta’ kwittanza dwar kif il-ħolqien ta’ din l-istruttura l-ġdida kkontribwixxa għat-tisħiħ tat-tħejjija fir-rigward taċ-ċibersigurtà tal-persunal tiegħu, f’konformità mal-qafas taċ-ċibersigurtà NIST (l-Istitut Nazzjonali tal-Istandards u t-Teknoloġija) u f’kooperazzjoni mas-Servizz taċ-Ċibersigurtà għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni (CERT-UE); iħeġġeġ lill-Kumitat iwettaq sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà fost il-Membri u l-persunal tiegħu, iwettaq valutazzjonijiet tar-riskju regolari tal-infrastruttura tal-IT tiegħu u jiżgura awditi u testijiet regolari tad-difiżi ċibernetiċi tiegħu;
47.Jinnota l-użu mill-Kumitat ta’ teknoloġija b’sors miftuħ fis-sistemi tiegħu stess, b’mod partikolari l-applikazzjonijiet operattivi ewlenin użati għall-ġestjoni tal-ħidma politika tal-Kumitat (Agora u Phoenix); jinnota wkoll li l-Kumitat isegwi l-użu ta’ teknoloġiji b’sors miftuħ fil-portafoll annwali tal-IT tiegħu sabiex jiġu applikati għal applikazzjonijiet ġodda;
48.Jinnota li, fl-2022, il-Kumitat kien qiegħed jagħmel progress f’dik li hija l-adozzjoni ta’ qafas ġdid għall-ġestjoni tad-dokumenti sabiex jissaħħu t-trasparenza u l-aċċessibbiltà; josserva b’interess li l-Kumitat beda jevalwa l-fattibbiltà teknika u l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-użu tas-Sistema Elettronika ta’ Ġestjoni tar-Rekords (Ares) tal-Kummissjoni fi żmien debitu;
Binjiet
49.Jinnota li l-Kumitat u l-KtR tilfu 5000m² fi spazju għall-uffiċċji wara t-teħid tal-kuntratt tal-kiri tal-eks binja tas-SEAE f’Belliard 100, li beda japplika f’Settembru 2021, u l-iskambju tal-bini bejn Belliard 68 u Trèves 74 tal-Kumitat u tal-KtR u Van Maerlant 2 (VMA) tal-Kummissjoni, li beda japplika f’Settembru 2022; jinnota li xogħlijiet ta’ sistemazzjoni fiż-żewġ binjiet li għadhom kif ġew akkwistati kienu meħtieġa biex jippermettu użu aktar intensiv tal-ispazju għall-uffiċċji; jilqa’, fl-2022, l-istabbiliment ta’ task force konġunta dwar modi ġodda ta’ ħidma, biex din tirrifletti dwar l-ottimizzazzjoni possibbli tal-mod kif jiġi organizzat ix-xogħol u kif jintuża l-ispazju għall-uffiċċji, filwaqt li titnaqqas l-impronta ambjentali;
50.Jinnota li l-baġit totali allokat fl-2021 u fl-2022 għar-rinnovazzjoni tal-VMA mit-tielet sad-disa’ sular mill-Kumitat u l-KtR ammonta għal EUR9,54 miljun; jinnota li x-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni mwettqa mill-Kumitat u l-KtR integraw l-użu ta’ teknoloġiji intelliġenti għall-iffrankar tal-enerġija b’komponent ambjentali qawwi; jitlob lill-Kumitat jipprovdi aġġornament dwar ir-redditu fuq l-investiment ta’ dawn l-installazzjonijiet teknoloġiċi;
51.Jinnota li, fl-2022, l-istrateġija tal-bini tal-Kumitat u tal-KtR ffukat fuq il-konċentrazzjoni ġeografika tal-binjiet, li nkisbet billi nħolqot konnessjoni fiżika bejn il-binjiet kollha użati mill-Kumitati u l-binja ewlenija tagħhom (JDE); jilqa’ l-konnessjoni fiżika ġdida mal-binjiet tal-Parlament, li saret operattiva f’Novembru 2022 u li toffri perkors aktar dirett, aktar faċli u iqsar ta’ 125m bejn il-binjiet tal-Kumitat u tal-KtR u l-binjiet tal-Parlament;
52.Jilqa’ l-impenn tal-Kumitat u tal-KtR li japplikaw b’mod sistematiku l-prinċipju ta’ “disinn universali” għall-infrastruttura tagħhom, filwaqt li jiżguraw l-aċċessibbiltà tal-bini tagħhom mid-disinn; jinnota li l-Kumitat u l-KtR ħadu firxa ta’ miżuri differenti biex jiżguraw l-aċċessibbiltà tal-bini tagħhom għal persuni b’diversi tipi ta’ diżabbiltà;
Ambjent u sostenibbiltà
53.Jilqa’ l-prattiki sostenibbli u b’mod partikolari l-approċċ mingħajr karti tal-Kumitat u tal-KtR li kkontribwixxa għat-tnaqqis tal-impronta ambjentali tagħhom f’konformità mal-istrateġija diġitali; jifraħ lill-Kumitati talli qabżu l-objettivi tal-EMAS għall-2021-2025, ħlief l-objettivi relatati mal-konsum tal-gass; jinnota li ġie allokat baġit ta’ EUR60000 għall-iskema ta’ kumpens għall-emissjonijiet tal-karbonju tal-Kumitat permezz tax-xiri ta’ krediti ta’ karbonju ta’ kwalità għolja fl-2023;
54.Jinnota li, fl-2022, il-produzzjoni totali tal-elettriku ġġenerata mill-pannelli solari fuq il-bini tal-Kumitat u tal-KtR kienet ta’ madwar 15,5MWh, u din tirrappreżenta 0,25% tal-konsum annwali totali tal-Kumitat u tal-KtR; jinnota li, mis-16 ta’ Settembru 2022, il-JDE biss kien mgħammar b’pannelli solari; huwa konxju li minħabba l-proċeduri amministrattivi, il-Kumitat u l-KtR se jiffaċċjaw dewmien qabel ma jkunu jistgħu jestendu l-installazzjoni tal-pannelli solari tagħhom;
55.Jifraħ lill-Kumitat talli stabbilixxa pjan ta’ negozju għat-trasport bi ftehim mad-dipartiment tal-mobbiltà tar-Reġjun ta’ Brussell Kapitali, li warajh il-Kumitat jimpenja ruħu li jwettaq stħarriġ obbligatorju dwar il-mobbiltà fost il-persunal tiegħu kull tliet snin; jinnota li l-Kumitat stabbilixxa pjan ta’ mobbiltà sostenibbli bl-għan li jħeġġeġ lill-persunal tiegħu juża mezzi ta’ trasport aktar sostenibbli, inkluż permezz ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għall-abbonamenti tat-trasport pubbliku tal-persunal jew kontribuzzjoni finanzjarja ta’ kull xahar għall-membri tal-persunal li jużaw rota biex jaslu fil-post tax-xogħol; jinnota li l-Kumitat qed jesplora soluzzjonijiet addizzjonali, bħall-provvista ta’ roti elettroniċi u l-installazzjoni ta’ ċarġers addizzjonali għall-karozzi elettriċi;
Kooperazzjoni interistituzzjonali
56.Jilqa’ l-iffrankar baġitarju u amministrattiv miksub permezz tal-kooperazzjoni interistituzzjonali, b’mod partikolari l-kooperazzjoni mill-qrib stabbilita fil-livell amministrattiv mal-KtR, li miegħu l-Kumitat jikkondividi l-bini u s-servizzi konġunti fl-oqsma tat-traduzzjoni, l-infrastruttura, il-loġistika u l-IT, filwaqt li jżomm l-awtonomija istituzzjonali sħiħa tiegħu; jinnota li, fl-1 ta’ Ottubru 2022, inħolqu servizzi konġunti ġodda, inklużi direttorat ġdid għall-innovazzjoni u t-teknoloġija tal-informazzjoni, unità tas-sigurtà u s-sikurezza u unità tal-akkwist pubbliku u l-ġestjoni finanzjarja, bħala parti mill-ftehim il-ġdid ta’ kooperazzjoni iffirmat mal-KtR fl-2022; jinnota wkoll li 470 membru tal-persunal u EUR55miljun kienu miġbura flimkien mill-Kumitat u l-KtR fl-2022, li minnhom aktar minn EUR30miljun ġew mill-Kumitat, bl-esklużjoni tan-nefqa relatata mas-salarji; jistieden lill-Kumitat isegwi u jespandi dik il-kooperazzjoni f’oqsma oħra bl-għan li tiġi evitata d-duplikazzjoni u jiġu razzjonalizzati aktar l-ispejjeż operattivi tas-servizzi disponibbli fil-bini kondiviż bejn il-Kumitat u l-KtR; jistieden lill-Kumitat u lill-KtR jesploraw il-possibbiltà li jistabbilixxu amministrazzjoni unika għas-servizzi konġunti tagħhom, filwaqt li jżommu direttorati jew unitajiet separati għas-servizzi li jittrattaw kwistjonijiet relatati mal-mandati speċifiċi u indipendenti tagħhom;
57.Jilqa’ t-tfittxija tal-Kumitat għal sinerġiji billi jixtri servizzi minn istituzzjonijiet oħra permezz ta’ ftehimiet fil-livell ta’ servizz u billi jipparteċipa f’korpi ta’ koordinazzjoni interistituzzjonali u proċeduri ta’ akkwist interistituzzjonali; jinnota li l-Parlament jipprovdi b’mod partikolari servizzi ta’ interpretazzjoni għall-plenarji tal-Kumitat li jsiru fil-bini tal-Parlament u għal xi laqgħat li jsiru fil-bini tal-Kumitat;
58.Jilqa’ l-involviment imsaħħaħ tal-Kumitat fiċ-ċiklu leġiżlattiv u jistieden lill-Kumitat jiżgura li l-opinjonijiet tiegħu jiġu kondiviżi mal-membri tal-kumitati rilevanti tal-Parlament f’konformità mal-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kumitat;
59.Jinnota li l-Kumitat kompla u intensifika l-kooperazzjoni tiegħu mal-Kummissjoni fl-2022 fil-kuntest tal-ftehim fil-livell ta’ servizz mal-Uffiċċju ta’ Investigazzjoni u Dixxiplina dwar l-appoġġ għall-inkjesti amministrattivi tal-Kummissjoni u fil-qafas tal-protokoll ta’ kooperazzjoni aġġornat fl-2022 li jsaħħaħ is-sinerġiji politiċi, leġiżlattivi u ta’ komunikazzjoni bejn dawk iż-żewġ istituzzjonijiet, b’mod partikolari fl-implimentazzjoni tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej u s-Semestru Ewropew; jinnota li, skont il-protokoll aġġornat ta’ kooperazzjoni, l-użu tal-opinjonijiet esploratorji tal-Kumitat mill-Kummissjoni ssaħħaħ, u b’hekk issaħħaħ l-involviment tal-Kumitat fiċ-ċiklu leġiżlattiv tal-Unjoni;
60.Jinnota li l-Kumitat għandu rwol ċentrali fit-tisħiħ tar-rabtiet mal-kunsilli ekonomiċi u soċjali nazzjonali tal-Istati Membri u bejniethom; iħeġġeġ lill-Kumitat ikompli jrawwem il-kooperazzjoni dwar suġġetti ta’ interess komuni u dwar prattiki tajba u jenfasizza kif is-soċjetà ċivili tagħti l-kontribut tagħha għall-isfidi attwali tal-Unjoni, b’mod partikolari permezz tal-iskambju tal-persunal u l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti komuni;
Komunikazzjoni
61.Jinnota li, fl-2022, il-baġit globali tal-Kumitat għall-komunikazzjoni kien ta’ EUR1,5 miljun, l-istess ammont bħal fl-2021; jinnota li dan il-baġit ġie primarjament allokat biex jappoġġja l-iżvilupp u ż-żamma tas-sit web tal-Kumitat, il-komunikazzjoni tal-media soċjali, il-monitoraġġ tal-media, ir-relazzjonijiet mal-media u l-promozzjoni ta’ attivitajiet u avvenimenti ewlenin tal-Kumitat, bħall-Premju għas-Soċjetà Ċivili u l-attivitajiet relatati mal-Kumitat fil-ħidma tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (CoFE) u l-appoġġ tal-Kumitat għall-Ukrajna;
62.Jilqa’ l-adozzjoni mill-Kumitat ta’ strateġija ġdida ta’ komunikazzjoni mmexxija mid-data f’Ottubru 2022, maħsuba biex iżżid il-portata tal-komunikazzjoni tal-Kumitat u l-impatt tal-opinjonijiet tiegħu u li tiddefinixxi l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili Ewropej (OSĊ) u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni bħala l-miri ta’ komunikazzjoni ewlenin tagħha; jinnota wkoll li, fl-2022, il-Kumitat aġġorna r-regoli dwar is-sħubija bl-għan li jsaħħaħ l-involviment strateġiku tiegħu mal-OSĊ permezz ta’ avvenimenti tematiċi;
63.Jinnota li l-Kumitat organizza avvenimenti ibridi ewlenin dwar kwistjonijiet topiċi ta’ rilevanza għas-soċjetà ċivili, bħall-avveniment ta’ livell għoli tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa “Insawru l-Ewropa flimkien - il-futur huwa f’idejk”, l-avveniment annwali taż-żgħażagħ “L-Ewropa Tiegħek, Leħnek” għall-istudenti u l-għalliema tal-Unjoni u tal-pajjiżi kandidati u s-sessjoni plenarja annwali taż-żgħażagħ “Il-Verità dwar il-Gideb. Iż-żgħażagħ jiġġieldu d-diżinformazzjoni” għall-istudenti; jinnota li l-Kumitat organizza wkoll attivitajiet aktar speċjalizzati li jiffukaw fuq is-Sena taż-Żgħażagħ u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, indirizzati lill-ġurnalisti u lill-professjonisti tal-komunikazzjoni tal-OSĊ;
64.Jilqa’ l-fatt li l-firxa ġenerali tal-komunikazzjoni tal-Kumitat żdiedet fl-2022 meta mqabbla mal-2021, b’mod partikolari permezz tal-kopertura tal-media u l-preżenza fuq il-web u l-media soċjali; jinnota li l-għadd ta’ żjarat fil-paġna ċentrali ta’ Facebook żdied b’96,9% (57000 żjara) u l-għadd ta’ żjarat fil-kont ta’ Instagram żdied b’97,9% (20000 żjara) filwaqt li l-għadd ta’ utenti ta’ Facebook żdied b’1,1% (6miljun utent), il-portata tal-pubblikazzjonijiet tiegħu fuq Instagram żdiedet bi 33% (aktar minn 3miljun utent), il-posts ippubblikati fuq LinkedIn iġġeneraw kważi 1,2miljun impressjoni, u t-tweets ippubblikati fuq X (dak li qabel kien Twitter) ġabru aktar minn sitt miljun impressjoni; jilqa’ l-parteċipazzjoni tal-Kumitat, mill-2023, fil-proġett pilota mmexxi mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data bl-għan li jġib lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fuq EU-Voice u EU-Video, li huma żewġ networks tal-media soċjali ħielsa u b’sors miftuħ, ibbażati fuq is-software Mastodon, li jippermettu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jinteraġixxu mal-pubbliku billi jikkondividu testi, stampi, vidjows u podcasts;
65.Jilqa’ l-fatt li l-Kumitat jiżgura li ċ-ċittadini jkollhom aċċess miftuħ għad-dokumenti tiegħu permezz ta’ reġistru elettroniku ddedikat; jinnota li l-Kumitat jikkontribwixxi għall-portal tad-data miftuħa tal-Kummissjoni bis-settijiet tad-data tiegħu stess, u b’hekk jippromwovi trasparenza akbar fl-operazzjonijiet tiegħu permezz ta’ data aċċessibbli liberament f’formati li jistgħu jinqraw mill-bniedem u mill-magni u jsaħħaħ ir-rabta maċ-ċittadini.
ANNESS: ENTITAJIET JEW PERSUNILI R-RAPPORTEUR IRĊIEVA KONTRIBUT MINGĦANDHOM
F’konformità mal-Artikolu 8 tal-Anness I tar-Regoli ta’ Proċedura, ir-rapporteur jiddikjara li rċieva kontribut mill-entitajiet jew il-persuni li ġejjin fit-tħejjija tar-rapport, sal-adozzjoni tiegħu fil-kumitat:
Entità u/jew persuna |
Secretary General of the European Economic and Social Committee |
Il-lista ta’ hawn fuq hija mfassla taħt ir-responsabbiltà esklużiva tar-rapporteur.
INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
22.2.2024 |
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
21 2 0 |
||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Gilles Boyer, Olivier Chastel, Caterina Chinnici, Carlos Coelho, Beatrice Covassi, Luke Ming Flanagan, Daniel Freund, Isabel García Muñoz, Monika Hohlmeier, Joachim Kuhs, Petri Sarvamaa, Eleni Stavrou, Angelika Winzig, Lara Wolters |
|||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Corina Crețu, Jozef Mihál, Andrey Novakov, Mikuláš Peksa, Sabrina Pignedoli, Michal Wiezik |
|||
Sostituti (skont l-Artikolu 209(7)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Marie Dauchy, Ljudmila Novak, Mick Wallace |
VOTAZZJONI FINALI B’SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
19 |
+ |
NI |
Sabrina Pignedoli |
PPE |
Caterina Chinnici, Carlos Coelho, Monika Hohlmeier, Ljudmila Novak, Andrey Novakov, Eleni Stavrou, Angelika Winzig |
Renew |
Gilles Boyer, Olivier Chastel, Jozef Mihál, Michal Wiezik |
S&D |
Corina Crețu, Isabel García Muñoz, Lara Wolters |
The Left |
Luke Ming Flanagan, Mick Wallace |
Verts/ALE |
Daniel Freund, Mikuláš Peksa |
2 |
- |
ID |
Marie Dauchy, Joachim Kuhs |
0 |
0 |
|
|
Tifsira tas-simboli użati:
+:favur
-:kontra
0:astensjoni
- [1] ĠU L 45, 24.2.2022.
- [2] ĠU C, C/2023/2, 12.10.2023.
- [3] ĠU C, C/2023/103, 4.10.2023.
- [4] ĠU C, C/2023/112, 12.10.2023.
- [5] ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.
- [6] Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2022, KN vs Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, C-673/21, ECLI:EU:C:2022:759.
- [7] ĠU L 207, 11.6.2021, p. 1.