MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Moldova kontra l-indħil Russu qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u r-referendum kostituzzjonali dwar l-integrazzjoni fl-UE li jmiss
4.10.2024-()
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Reinier VanLanschot, Mārtiņš Staķis, Sergey Lagodinsky, Nicolae Ştefănuță, Markéta Gregorová, Ville Niinistö
f’isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuniRC-B10-0072/2024
10‑0081/2024
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Moldova kontra l-indħil Russu qabel l-elezzjonijiet presidenzjali u r-referendum kostituzzjonali dwar l-integrazzjoni fl-UE li jmiss
()
Il-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Moldova,
–wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ġunju 2022, li taw status ta’ pajjiż kandidat għal adeżjoni mal-UE lir-Repubblika tal-Moldova,
–wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra[1],
–wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Nru 1/2022 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Ir-Repubblika tal-Moldova tat-22 ta’ Awwissu 2022 dwar l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova[2],
–wara li kkunsidra l-Pakkett ta’ Appoġġ tal-UE ta’ Ġunju 2023 għar-Repubblika tal-Moldova,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-Istati Uniti, il-Kanada u r-Renju Unit tat-13 ta’ Ġunju 2024 li tesponi l-attività sovversiva u l-indħil elettorali tar-Russja fil-konfront tal-Moldova,
–wara li kkunsidra l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A.billi fl-20 ta’ Ottubru 2024, il-Moldova se torganizza elezzjoni presidenzjali, flimkien ma’ referendum dwar jekk il-pajjiż għandux jemenda l-kostituzzjoni tiegħu biex tinkludi x-xewqa taċ-ċittadini tal-Moldova ta’ adeżjoni mal-UE;
B.billi elezzjonijiet ħielsa, ġusti u indipendenti huma l-pedament ta’ kwalunkwe soċjetà demokratika; billi r-Russja tagħmel tentattivi kontinwi biex tinfluwenza, tissovverti u timmina l-elezzjonijiet demokratiċi ta’ pajjiżi oħra sabiex tassigura r-riżultati li tixtieq hi;
C.billi r-Russja għadha tagħmel sforzi biex tiddestabbilizza l-Moldova f’tentattiv li tfixkel il-perkors demokratiku tagħha;
D.billi d-dikjarazzjoni konġunta tal-Istati Uniti, il-Kanada u r-Renju Unit tat-13 ta’ Ġunju 2024 qajmet tħassib li Moska tuża gruppi kriminali biex tiffinanzja attivitajiet politiċi u timmina l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-Moldova; billi t-tliet pajjiżi wissew b’mod espliċitu lis-sħab tagħhom li atturi Russi qed iwettqu pjan maħsub biex jinfluwenza l-eżitu tal-elezzjoni presidenzjali ta’ Ottubru 2024 tal-Moldova u biħsiebhom jinċitaw il-protesti fil-Moldova jekk ma jirbaħx kandidat pro-Russja;
E.billi s-servizzi tas-sigurtà nazzjonali tal-Moldova akkużaw lir-Russja li ffinanzjat il-kampanja għal vot favur il-“le” fir-referendum li jmiss, b’madwar EUR100miljun f’appoġġ mogħti lil gruppi politiċi pro-Russja u biex tinxtered diżinformazzjoni fuq il-media soċjali, bl-għan li jinżera’ d-dubju dwar il-leġittimità tal-proċess elettorali ħalli jinħoloq il-kaos;
F.billi fl-2023, is-servizzi tal-intelligence tal-Ukrajna rrapportaw li interċettaw pjan tar-Russja biex isir kolp ta’ stat ħalli titneħħa l-President tal-Moldova, Maia Sandu;
G.billi l-UE għadha tipprovdi appoġġ komprensiv għar-reżiljenza tal-Moldova, inkluż permezz tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi u tal-Missjoni ta’ Sħubija tal-UE fir-Repubblika tal-Moldova; billi dan l-appoġġ kien ta’ siwi partikolari fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu u ċibernetiku;
H.billi l-Pakkett ta’ Appoġġ tal-UE għar-Repubblika tal-Moldova ta’ Ġunju 2023 kellu l-għan, fost il-prijoritajiet tiegħu, li tiġi miġġielda l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin, inkluża d-diżinformazzjoni, u li tittejjeb il-komunikazzjoni strateġika billi jingħata appoġġ tekniku lill-Gvern tal-Moldova u jinbnew kapaċitajiet għall-media indipendenti, is-soċjetà ċivili u ż-żgħażagħ biex jindirizzaw id-diżinformazzjoni u jikkomunikaw attivament dwar il-benefiċċji tal-integrazzjoni fl-UE;
I.billi, f’Diċembru 2023, il-Kunsill iddeċieda li jiftaħ in-negozjati tal-adeżjoni mal-Moldova;
J.billi l-Kunsill approva l-Qafas ta’ Negozjar għan-negozjati tal-adeżjoni fl-UE mal-Moldova fil-21 ta’ Ġunju 2024, f’konformità mal-metodoloġija tat-tkabbir riveduta;
K.billi l-UE organizzat l-ewwel konferenza intergovernattiva tagħha mal-Moldova fil-25 ta’ Ġunju 2024;
1.Jesprimi solidarjetà mal-Moldova, itenni l-appoġġ sod tiegħu għas-sovranità tar-Repubblika tal-Moldova, u jikkundanna, f’dan ir-rigward, l-aggressjoni ibrida mir-Russja li għandha l-għan li tiddestabbilizza lill-Moldova u tfixkilha fil-perkors demokratiku tagħha, kemm jekk billi twettaq attakki ċibernetiċi, tmexxi kampanji ta’ diżinformazzjoni, tappoġġja entitajiet politiċi pro-Russja, tinċita u tisfrutta l-biża’ mill-gwerra, tuża l-provvista tal-enerġija bħala arma, tappoġġja l-kriminalità organizzata jew tidħol fl-ispazju tal-ajru tal-Moldova;
2.Jeżiġi li r-Russja twaqqaf l-isforzi tagħha biex timmina d-demokrazija tal-Moldova, u li tirrispetta s-sovranità tal-Moldova u l-eżiti ta’ elezzjonijiet u referenda ħielsa, ġusti u indipendenti;
3.Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu l-obbligu ta’ rendikont ta’ dawk involuti f’attivitajiet ta’ ndħil barrani li jikkonċernaw l-elezzjoni u r-referendum tal-Moldova, u jimponu sanzjonijiet fuq dawk l-individwi u l-entitajiet li qed jippruvaw jiddestabbilizzaw l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-Moldova;
4.Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jgħinu lill-Moldova fit-titjib tar-reżiljenza tagħha għall-attakki ibridi Russi, inkluż fl-oqsma tad-difiża, taċ-ċibersigurtà u tal-komunikazzjoni strateġika; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar ir-riżultati tal-Pakkett ta’ Appoġġ tal-UE għall-Moldova ta’ Ġunju 2023, b’mod partikolari l-għanijiet iddikjarati tal-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin, u l-bini ta’ kapaċitajiet għall-media indipendenti, is-soċjetà ċivili u ż-żgħażagħ biex jindirizzaw id-diżinformazzjoni u jikkomunikaw attivament dwar il-benefiċċji tal-integrazzjoni fl-UE;
5.Jisħaq li l-indirizzar tal-problemi eżistenti ta’ korruzzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa tas-sistema ġudizzjarja matul il-proċess ta’ adeżjoni mal-UE huma wkoll parti integrali mill-iżgurar li s-soċjetà u l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-Moldova jkunu jistgħu jevitaw l-indħil barrani fit-tul; jirrikonoxxi, f’dak ir-rigward, il-ħtieġa ta’ servizz pubbliku professjonali, reżiljenti u kapaċi; jirrakkomanda li taqsimiet sinifikanti tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni u ta’ mekkaniżmi (futuri) oħrajn ta’ finanzjament tal-appoġġ għall-adeżjoni jkunu ddedikati għall-bini tal-kapaċitajiet, it-taħriġ professjonali u r-riforma tal-amministrazzjoni pubblika, b’mod partikolari għal dawk il-korpi tal-gvern li jikkoordinaw l-implimentazzjoni tar-riformi tal-adeżjoni mill-ġabra tal-elementi fundamentali, b’mod partikolari l-kapitoli 23 u 24;
6.Jilqa’ l-isforzi multilaterali biex tiġi appoġġjata d-demokratizzazzjoni tal-Moldova, inkluż il-proġett tal-Programm ta’ Żvilupp tan-NU “It-tisħiħ tar-reżiljenza demokratika fil-Moldova”, li jiġbor flimkien il-finanzjament minn Stati Membri differenti tan-NU; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-kollaborazzjoni internazzjonali f’dan ir-rigward billi jikkooperaw ma’ sħab li mhumiex fl-UE, flimkien mal-Moldova, biex itejbu s-sorveljanza tal-finanzjament politiku, tal-partiti u tal-kampanji elettorali, biex isaħħu u jagħmlu l-istituzzjonijiet elettorali aktar reżiljenti għall-isfidi ċibernetiċi u tad-diżinformazzjoni, u biex jagħtu spinta lill-involviment ċiviku;
7.Iwissi dwar ir-riskju li l-kunflitti fit-tul dejjem jistgħu jintensifikaw, kif rajna fil-Kawkasu tan-Nofsinhar; jistieden lill-atturi rilevanti jipprevjenu d-destabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni fit-Transnistrija u, b’mod usa’, jimminimizzaw it-tensjonijiet li huma l-kawża tal-problemi immedjati tal-Moldova; jistieden lir-Russja tirtira kompletament u mingħajr kundizzjonijiet il-forzi militari u l-armamenti tagħha mir-reġjun tat-Transnistrija, bi qbil mad-deċiżjonijiet stabbiliti fid-Dikjarazzjoni tas-Summit ta’ Istanbul tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa tad-19 ta’ Novembru 1999, u f’konformità mas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Moldova;
8.Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw appoġġ kontinwu lill-Moldova u liċ-ċittadini tagħha biex jindirizzaw l-isfidi li l-pajjiż qed jiffaċċja b’konsegwenza tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, inklużi numri kbar ta’ rifuġjati, inflazzjoni, theddid għall-provvista tal-enerġija tagħha, vjolazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru tagħha, u bosta azzjonijiet ibridi bħal kampanji ta’ diżinformazzjoni u attakki ċibernetiċi;
9.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova kif ukoll lill-awtoritajiet Russi.