Ϸվ

Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B8-0168/2019Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B8-0168/2019

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

11.3.2019-()

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Rolandas Paksasf'isem il-Grupp EFDD

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuniRC-B8-0165/2019

ʰċܰ:
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument:
B8-0168/2019
Testi mressqa :
B8-0168/2019
Testi adottati :

B8-0168/2019

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

()

Il-Parlament Ewropew,

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikolari dawk tas-16ta'Frar2017[1] u tal-31ta'Mejju2018[2];

–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-2ta'Ottubru2018 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-UE dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa,

–wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21ta'Jannar2019 dwar in-Nikaragwa,

–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1ta'Marzu2019 mill-kelliem tal-VP/RGħ dwar il-bidu mill-ġdid tad-djalogu nazzjonali fin-Nikaragwa,

–wara li kkunsidra s-sejħa tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) għal kundizzjonijiet li jippermettu t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem matul id-djalogu tan-Nikaragwa tat-28ta'Frar2019,

–wara li kkunsidra d-delegazzjoni ad hoc tiegħu fin-Nikaragwa mit-23 sas-26ta'Jannar2019,

–wara li kkunsidra l-ittra mibgħuta mill-President tiegħu lill-President tan-Nikaragwa, Daniel Ortega,

–wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali tal-2012,

–wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Ġunju2004, kif ġew aġġornati fl-2008,

–wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa,

–wara li kkunsidra l-Artikolu123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.billi minn mindu bdew il-protesti soċjali fit-18ta'April2018 kontra r-riformi ppjanati tas-sistema tas-sigurtà soċjali tan-Nikaragwa u t-tendenzi dejjem aktar awtokratiċi tal-koppja presidenzjali, Daniel Ortega u Rosario Murillo, is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa ddeterjorat fi kriżi serja u estensiva, hekk kif ir-reġim Ortega irreaġixxa għall-protesti bi vjolenza u repressjoni bla preċedent, bl-użu tal-forzi paramilitari u ta' kontra l-irvellijiet kif ukoll tal-forzi tas-sigurtà regolari;

B.billi, bħala riżultat ta' din ir-repressjoni, fl-aħħar sena aktar minn 300persuna sfaw maqtula, aktar minn 3000persuna ndarbu, aktar minn 700persuna jinsabu l-ħabs u għexieren ta' eluf ġew eżiljati jew qed jaħarbu lejn pajjiżi ġirien;

C.billi l-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem indikaw għadd ta' vjolazzjonijiet fir-reazzjoni tal-gvern għall-protesti, inklużi l-użu sproporzjonat u arbitrarju tal-forza mill-pulizija (inkluż l-użu ta' armi tan-nar u eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji), detenzjonijiet arbitrarji u illegali u għajbien sfurzat, l-użu ta' maltrattament u tortura kontra dimostranti detenuti (inkluża vjolenza sesswali), l-użu ta' snipers, l-azzjonijiet ta' gruppi ta' ċivili armati li pparteċipaw fir-repressjoni vjolenti tal-protesti f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet, jew mal-awtoritajiet li jittolleraw din il-vjolenza, u t-tfixkil tal-aċċess għall-kura medika għal dawk midruba fil-kunflitti;

D.billi din l-istrateġija ta' repressjoni tinvolvi attakki serji wkoll fuq l-istampa u l-midja ħielsa, inkluża ċ-ċensura u l-għeluq tal-mezzi tal-midja, kif ukoll l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni tal-ġurnalisti;

E.billi f'Diċembru2018 il-Gvern tan-Nikaragwa ssospenda l-missjoni tal-Grupp Interdixxiplinari ta' Esperti Indipendenti (GIEI) u l-Mekkaniżmu Speċjali ta' Monitoraġġ għan-Nikaragwa (MESENI) tal-IACHR;

F.billi minħabba l-kriżi politika, l-ekonomija tan-Nikaragwa li diġà tinsab f'diffikultà daħlet f'reċessjoni aktar qawwija, b'żieda fil-qgħad u konsegwenzi serji oħra għall-popolazzjoni, f'pajjiż li diġà kien fost l-ifqar fir-reġjun;

G.billi delegazzjoni ad hoc tal-Parlament Ewropew żaret in-Nikaragwa mit-23 sas-26ta'Jannar2019 biex tivvaluta s-sitwazzjoni; billi din id-delegazzjoni għamlet tliet talbiet ċari lill-awtoritajiet, jiġifieri li jeħilsu lill-priġunieri politiċi kollha, itemmu r-repressjoni, u jippermettu r-ritorn ta' organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

H.billi n-Nikaragwa ġarrbet tnaqqis tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt f'dan l-aħħar deċennju; billi l-iżvilupp u l-konsolidament tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jridu jkunu parti integrali mill-politiki esterni tal-UE, inkluż il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali tal-2012;

I.billi, mill-2007 'l hawn, is-Sur Ortega ġie elett fil-kariga ta' President tliet darbiet konsekuttivi, minkejja l-fatt li l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa kienet tipprojbixxi rielezzjonijiet konsekuttivi, b'mod li juri biċ-ċar il-korruzzjoni u l-awtoritarjaniżmu li ħakmu l-istat; billi l-elezzjonijiet fl-2011 u fl-2016 ġew ferm ikkritikati għall-irregolaritajiet tagħhom mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-Organizzazzjoni tal-Istati tal-Amerka Ċentrali, minħabba li saru mingħajr il-preżenza ta' osservaturi minn waħda jew oħra minn dawn l-organizzazzjonijiet jew ta' kwalunkwe osservatur internazzjonali ieħor kredibbli;

1.Jikkundanna r-repressjoni kontinwa u l-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa, il-kriminalizzazzjoni tal-membri tas-soċjetà ċivili u l-istampa, l-użu sproporzjonat tal-forza mill-pulizija u l-gruppi paramilitari armati biex irażżnu l-protesti soċjali, u l-inċidenti kontinwi ta' fastidju, arresti illegali u detenzjoni arbitrarja ta' individwi li pparteċipaw fi protesti tal-oppożizzjoni;

2.Jesprimi tħassib dwar ir-restrizzjonijiet li dejjem qegħdin jiżdiedu fuq l-ispazju ċiviku u l-espressjonijiet ta' dissens fin-Nikaragwa, inkluż l-għeluq ta' mezzi tal-midja indipendenti u l-kanċellazzjoni ta' reġistrazzjonijiet legali ta' għadd ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-qbid tal-beni u l-assi tagħhom;

3.Jikkundanna d-deċiżjoni tal-Gvern tan-Nikaragwa li jkeċċi mill-pajjiż lill-Grupp Interdixxiplinari ta' Esperti Indipendenti (GIEI) u l-Mekkaniżmu Speċjali ta' Monitoraġġ għan-Nikaragwa (MESENI) tal-IACHR u li jirtira l-istedina estiża lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem biex iżur il-pajjiż; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jippermettu r-ritorn tagħhom fil-pajjiż u jkomplu l-kooperazzjoni tagħhom magħhom;

4.Jilqa' b'sodisfazzjon it-tnaqqis tas-sentenza ta' 100 priġunier arrestati wara li faqqgħu l-protesti soċjali fil-pajjiż, iżda jilmenta dwar il-fatt li mijiet ta' persuni għadhom detenuti inġustament; jappella għall-ħelsien immedjat ta' dawk kollha detenuti għal raġunijiet politiċi, u jtenni li l-proċess ġust, kif ukoll il-garanziji legali l-oħra kollha minquxa fil-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa, iridu jiġu rispettati għall-priġunieri kollha u f'kull ħin;

5.Jenfasizza l-importanza ta' djalogu politiku bejn il-gvern u l-oppożizzjoni fil-pajjiż; jilqa' t-tkomplija ta' djalogu nazzjonali bejn il-Gvern tan-Nikaragwa u l-Alleanza Ċivika bħala l-ewwel pass pożittiv biex tingħeleb il-kriżi politika attwali permezz ta' soluzzjoni negozjata, li tibqa' l-unika soluzzjoni possibbli għall-kriżi attwali;

6.Jistieden lill-partijiet jinnegozjaw in bona fide u b'mod trasparenti u inklużiv, filwaqt li jinvolvu wkoll lill-atturi tas-soċjetà ċivili; jemmen li s-sitwazzjoni tal-priġunieri għandha tkun fuq quddiem tal-aġenda tan-negozjati peress li mijiet ta' nies innoċenti għadhom il-ħabs;

7.Jilmenta dwar il-fatt li l-awtoritajiet tan-Nikaragwa ma rrispettawx il-garanziji mogħtija meta saret iż-żjara tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari għaliex taw fastidju lill-priġunieri politiċi li ltaqgħu mad-delegazzjoni;

8.Jinsab serjament imħasseb dwar il-Liġi l-ġdida kontra l-Ħasil tal-Flus, il-Finanzjament tat-Terroriżmu u l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva approvata fis-16ta'Lulju2018, li, fl-Artikoli394 u 395 tagħha, fiha definizzjoni vaga ta' terroriżmu u jidher li tfasslet apposta biex tikkriminalizza lid-dimostranti paċifiċi; jikkundanna l-fatt li din il-liġi ntużat ripetutament biex jiġu detenuti d-dimostranti, il-ġurnalisti u l-attivisti;

9.Jitlob lill-UE tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni fin-Nikaragwa, u jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jivvalutaw il-possibbiltà li jattivaw sanzjonijiet individwali mmirati kontra dawk responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa jekk ma jkunx sar progress fin-negozjati u fit-twettiq tal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew, jiġifieri li jinħelsu l-priġunieri politiċi, li tintemm ir-repressjoni u li jkun permess ir-ritorn ta' organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

10.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp ta' Lima, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Marzu 2019
Avviż legali-Politika tal-privatezza