MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE
11.3.2019-()
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Nils Torvalds, Sophia in ’t Veld, Jean Arthuisf'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B8-0171/2019
8‑0173/2019
Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-bilanċ bejn is-sessi fin-nomini fis-settur tal-affarijiet ekonomiċi u monetarji tal-UE
()
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistabbilixxi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;
B. billi l-Presidenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tiegħu, f'isem il-gruppi politiċi, f'diversi okkażjonijiet matul is-snin infurmaw lill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Grupp tal-Euro u tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta' diversità tas-sessi fil-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iżda anke fl-istituzzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u monetarji l-oħra tal-UE;
C. billi, f'ittra tal-5 ta' Marzu 2019, il-President tal-Parlament Ewropew, wara laqgħa tal-Konferenza tal-Presidenti, talab li l-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom li jiżguraw li l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni, taħt ir-responsabbiltà tagħhom, jimplimentaw miżuri konkreti biex jiggarantixxu l-bilanċ bejn is-sessi u jiżguraw li jfasslu listi mqassra bbilanċjati bejn is-sessi għall-proċeduri tal-għażla kollha;
D. billi, fis-7 ta' Marzu 2011, il-Kunsill adotta l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-perjodu mill-2011 sal-2020;
E. billi l-Parlament jiddispjaċih għall-fatt li n-nisa għadhom sottorappreżentati f'karigi eżekuttivi fil-qasam tas-servizzi bankarji u finanzjarji; billi l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE u dawk nazzjonali għandhom jimplimentaw miżuri konkreti biex jiżguraw il-bilanċ bejn is-sessi;
F. billi Membru wieħed biss minn sitt Membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE huwa mara; billi żewġ Membri biss minn 25 Membru tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE huma mara;
G. billi l-Presidenti tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) huma rġiel; billi Direttur Eżekuttiv wieħed biss mit-tliet Diretturi Eżekuttivi tal-awtoritajiet superviżorji Ewropej (ASE) huwa mara;
H. billi l-President tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku għadu kif ġie sostitwit minn raġel, fatt li ħalla lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni bħala l-uniku korp tal-UE fil-qasam usa' tal-istituzzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi tal-UE li huwa ppresedut minn mara;
I. billi l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà u l-Bank Ewropew tal-Investiment huma mmexxija minn irġiel;
J. billi disa' Kummissarji Ewropej biss minn 28 huma nisa;
K. billi seba' Membri tal-Bureau tal-Parlament Ewropew minn 20 huma nisa; billi 11-il President tal-Kumitat tal-Parlament minn 23 huma nisa;
1. Jisħaq li d-diversità tas-sessi fil-bordijiet u fil-gvernijiet tiżgura kompetenza usa' u perspettivi aktar miftuħa, u li r-reklutaġġ ta' rġiel biss jew ta' nisa biss jillimita l-għażla u għandu r-riskju li jitlef kandidati potenzjalment eċċellenti;
2. Jiddispjaċih li l-Kummissjoni u l-maġġoranza l-kbira tal-gvernijiet tal-UE s'issa naqsu milli jippromwovu d-diversità tas-sessi fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward ta' ħatriet ta' livell għoli f'affarijiet ekonomiċi, finanzjarji u monetarji; jistenna li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE jtejbu malajr id-diversità tas-sessi fl-ogħla pożizzjonijiet;
3. Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kunsill, lill-Grupp tal-Euro u lill-Kummissjoni jressqu listi mqassra li jinkludu mill-inqas kandidat mara waħda u kandidat raġel wieħed għal kull proċedura ta' nomina fl-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE;
4. Jissottolinja li fil-ġejjieni, il-Parlament se joġġezzjona għall-kandidati kollha, nisa jew irġiel, li ma jkunux ġewx inklużi f'lista mqassra bbilanċjata bejn is-sessi;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni, lill-Awtorità Bankarja Ewropea, lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri.