Ϸվ

Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0071/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0071/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar ir-regolament delegat tal-Kummissjoni tal-4ta'Ottubru2019 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet u li jikkoreġi dak ir-Regolament

22.1.2020-(C(2019)07227 – )

imressqa skont l-Artikolu111(3) tar-Regoli ta' Proċedura

Anna Zalewska
f'isem il-Grupp ECR

9‑0071/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-regolament delegat tal-Kummissjoni tal-4ta'Ottubru2019 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet u li jikkoreġi dak ir-Regolament

(C(2019)07227 – )

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-regolament delegat tal-Kummissjoni tal-4ta'Ottubru2019 li jemenda, għall-finijiet tal-adattament tiegħu għall-progress tekniku u xjentifiku, ir-Regolament (KE) Nru1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet u li jikkoreġi dak ir-Regolament (C(2019)07227),

wara li kkunsidra l-Artikolu290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16ta'Diċembru2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru1907/2006[1], u b'mod partikulari l-Artikoli37(5), 53(1) u 53a(6) tiegħu,

wara li kkunsidra l-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikolu111(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.billi d-dijossidu tat-titanju (TiO2) huwa ossidu li jinsab b'mod naturali tat-titanju u jeżisti f'għadd ta' forom kristallini, inklużi l-forom rutili, il-brookite u l-anatażju;

B.billi d-TiO2 huwa kompost inert, termalment stabbli, mhux kombustibbli, u li ma jiddisolvix, li mhuwiex ikklassifikat bħala perikoluż skont is-Sistema Globalment Armonizzata tal-Klassifikazzjoni u l-Ittikkettar ta' Sustanzi Kimiċi tan-Nazzjonijiet Uniti;

C.billi d-TiO2, minħabba l-kapaċità tiegħu li jxerred dawl u jassorbi d-dawl ultravjola, intuża b'mod estensiv bħala kolorant għal aktar minn seklu u ħoloq suq globali li l-valur tiegħu huwa mistenni li jkun ta' aktar minn EUR25biljun fl-2025;

D.billi d-TiO2 huwa applikat b'mod komuni f'varjetà wiesgħa ta' setturi inklużi l-kożmetiċi, il-mediċini, iċ-ċeramika, l-imballaġġ, il-kostruzzjoni, il-komponenti tal-karozzi u t-tagħmir elettriku u elettroniku;

E.billi fl-14-iladattament għall-progress tekniku tar-Regolament (KE) Nru1272/2008 ("ir-Regolament CLP"), il-Kummissjoni pproponiet klassifikazzjoni armonizzata tad-TiO2 bħala karċinoġenu tal-kategorija2 għal taħlitiet fil-forma ta' trab, minkejja l-evidenza ta' sostenn li tipprovdi punteġġ ta' affidabbiltà tad-data Klimisch inadegwat, oppożizzjoni qawwija minn ħafna Stati Membri li jiċċitaw tħassib bil-bażi ta' evidenza xjentifika wżata, u l-implikazzjonijiet negattivi potenzjali stabbiliti minn dan il-preċedent fil-klassifikazzjoni ta' komposti oħrajn bbażati fuq il-forma ta' trab;

F.billi l-Artikolu37(5) tar-Regolament CLP jiddikjara li l-Kummissjoni għandha tadotta, mingħajr dewmien bla bżonn, atti delegati dwar l-inklużjoni tas-sustanza kkonċernata flimkien mal-elementi rilevanti ta' klassifikazzjoni u tikkettar fit-Tabella3.1 tal-Parti3 tal-AnnessVI, jekk issib li l-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u l-ittikkettar ta' dik is-sustanza tkun "adatta"; ir-Regolament CLP għalhekk ma jistabbilixxix obbligu fuq il-Kummissjoni li tipproċedi bil-klassifikazzjoni armonizzata, iżda minflok jiddisponi li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll soluzzjonijiet alternattivi;

G.billi l-Artikolu5 tal-Protokoll Nru2 jiddikjara, fost l-oħrajn, li "l-abbozzi ta' atti leġislattivi għandhom iqisu l-ħtieġa li kwalunkwe piż, kemm finanzjarju kif ukoll amministrattiv, li jaqa' fuq l-Unjoni, fuq il-gvernijiet nazzjonali, fuq l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, fuq l-operaturi ekonomiċi u fuq iċ-ċittadini, ikun minimizzat kemm jista' jkun u jkun proporzjonat ma' l-objettiv li jrid jintlaħaq";

H.billi l-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) skont ir-Regolament (KE) Nru1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[2] (ir-"Regolament REACH") irrifjuta l-klassifikazzjonijiet ta' karċinoġeniċità 1A u 1B abbażi tal-fatt li l-effetti negattivi tad-TiO2 fuq il-pulmuni tal-firien, meta jitgħabbew iżżejjed, mhumiex il-fattur intrinsiku tiegħu iżda huma marbutin mal-forma ta' trab tiegħu li joħloq riskju wara perjodu twil ta' inalazzjoni ta' konċentrazzjonijiet estremi (250mg/m³) għal aktar minn 18-ilxahar, minħabba s-solubilità baxxa tiegħu fil-pulmun;

I.billi dik il-konklużjoni kienet fil-biċċa l-kbira bbażata fuq studju mwettaq fuq il-firien[3]; billi l-awturi ta' dan l-istudju u l-RAC skont ir-Regolament REACH iddikjaraw li "ma hemm l-ebda evidenza xjentifika konvinċenti li tiddubita r-rilevanza għall-bniedem tal-adenokarċinomi osservati fil-pulmuni tal-firien"; billi xi kontributuri b'reputazzjoni tajba matul il-proċess ta' konsultazzjoni pubblika fir-rigward tal-adattament għall-progress tekniku, bħall-assoċjazzjoni tal-assigurazzjoni kontra l-inċidenti tax-xogħol fil-Ġermanja, iddikjaraw li m'għandhom "l-ebda evidenza ta' każijiet ta' kanċer tal-pulmun f'postijiet tax-xogħol li jaħdmu bid-diossidu tat-titanju"[4]; billi l-istandards ta' esponiment għad-TiO2 fuq il-post tax-xogħol jistgħu jiġu introdotti permezz ta' limiti armonizzati ta' esponiment fuq ix-xogħol (OELs) fi ħdan il-qafas tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, kif ipproponew ħafna Stati Membri u partijiet ikkonċernati oħrajn;

J.billi hemm potenzjal ta' effetti downstream minn din il-klassifikazzjoni tal-karċinoġeniċità għall-prodotti li fihom id-TiO2 f'forma solida u likwida li, minkejja li jiġu ttestjati b'mod rigoruż għas-sikurezza tagħhom, jistgħu jiġu stigmatizzati bħala li potenzjalment mhumiex sikuri; billi dan jista' jiżgwida lill-konsumaturi u joħloq inċertezza għan-negozju;

K.billi l-klassifikazzjoni tal-karċinoġeniċità hija inkonsistenti mal-kuntest tal-innovazzjoni eżistenti f'ħafna dixxiplini xjentifiċi u tista' potenzjalment ittemm l-użu tad-TiO2 f'applikazzjonijiet ambjentali għall-purifikazzjoni tal-arja u tal-ilma, soluzzjonijiet ta' tkessiħ tal-atmosfera u ta' tnaqqis tal-konċentrazzjoni ta' sustanzi tossiċi u ta' ħsara[5][6][7];

L.billi r-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid f'ekonomija ċirkolari jistgħu wkoll jiġu affettwati b'mod negattiv minħabba li l-klassifikazzjoni tista' tistabbilixxi obbligi ġodda għat-trattament u r-rimi tal-iskart li jkun fih 1% jew aktar ta' TiO2 (jiġifieri fi plastiks, karta għall-kisi tal-ħitan, residwi taż-żebgħa, porċellana u għamara), peress li dan jiġi kklassifikat bħala perikoluż, anki meta ma jkun hemm l-ebda riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem; billi bħalissa ma hemm l-ebda alternattiva kummerċjalment vijabbli li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem li jmantnu wkoll l-effikaċja u l-funzjonalità tad-TiO2;

M.billi d-TiO2 qed jiġi vvalutat skont ir-Regolament REACH u dan il-proċess se jipprovdi valutazzjoni aktar komprensiva u dettaljata;

1.Joġġezzjona għar-Regolament delegat tal-Kummissjoni;

2.Iqis li r-regolament delegat tal-Kummissjoni ma missux ġie adottat f'konformità mar-Regolament CLP, minħabba li dan japplika għal sustanzi li huma perikolużi minħabba l-proprjetajiet individwali tagħhom u billi għadha għaddejja valutazzjoni aktar komprensiva u dettaljata tad-TiO2 skont ir-Regolament REACH;

3.Iqis li r-regolament delegat tal-Kummissjoni jmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex jiġu indirizzati r-riskji possibbli għas-saħħa li jirriżultaw mill-esponiment fuq il-post tax-xogħol għat-trab tad-TiO2, u joħloq riskju li s-sustanza f'forom oħrajn tiġi stigmatizzata;

4.Jistieden lill-Kummissjoni tirtira r-regolament delegat u tikkunsidra għażliet oħrajn bħal limitu armonizzat ta' esponiment fuq ix-xogħol (OEL) għad-TiO2 fil-qafas tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa okkupazzjonali;

5.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kumissjoni u jinnotifikaha li r-Regolament delegat ma jistax jidħol fis-seħħ;

6.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Jannar 2020
Avviż legali-Politika tal-privatezza