MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa
12.6.2023-()
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Pedro Marques, Javi López
f’isem il-Grupp S&D
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuniRC-B9-0272/2023
9‑0280/2023
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa
()
Il-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b’mod partikolari dik tas-16ta’Diċembru2021 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa[1] u dik tad-9ta’Ġunju2022 dwar l-istrumentalizzazzjoni tal-ġustizzja bħala strument ta’ repressjoni fin-Nikaragwa[2],
–wara li kkunsidra l-qafas għal miżuri restrittivi adottat mill-Kunsill fl-14ta’Ottubru2019,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Portavuċi tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-14ta’Marzu2022 dwar il-kundanna ta’ priġunieri politiċi,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Portavuċi tal-Uffiċċju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tad-9ta’Mejju2022 dwar ir-repressjoni tas-soċjetà ċivili min-naħa tan-Nikaragwa u r-Rapport A/HRC/49/23 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-24ta’Frar2022 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa u d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-7ta’Marzu2022 qabel id-49Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Portavuċi tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-4 ta’ Awwissu 2022 dwar l-għeluq tal-istazzjonijiet tar-radju kif ukoll tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fin-Nikaragwa,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Portavuċi tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tas-16 ta’ Frar 2023 dwar ir-revoka taċ-ċittadinanza Nikaragwana lill-avversarji politiċi,
–wara li kkunsidra r-regolamenti u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi kontra ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa,
–wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, ir-Regoli Standard Minimi tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Trattament tal-Priġunieri (ir-Regoli Nelson Mandela), ir-Regoli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trattament tal-Priġunieri Nisa u l-Miżuri li ma jċaħħdux il-libertà għal Trasgressuri Nisa (ir-Regoli ta’ Bangkok) u l-Konvenzjoni ta’ Vjenna,
–wara li kkunsidra l-Artikolu132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A.billi mill-2018, il-Gvern tan-Nikaragwa sistematikament inkarċera, ta fastidju u intimida kandidati presidenzjali potenzjali, mexxejja tal-oppożizzjoni, mexxejja reliġjużi, studenti u mexxejja rurali, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, persuni LGBTI u rappreżentanti tan-negozju;
B.billi dan il-qafas ta’ repressjoni mill-Istat ġie installat bil-konnivenza ċara tal-ġudikatura, li tat verdetti ta’ ħtija u pieni ħorox wara proċessi bil-magħluq li naqsu milli jirrispettaw il-garanziji bażiċi ta’ proċess ġust;
C.billi, kif imsemmi mill-Uffiċċju tan-NU tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u mid-detenturi ta’ mandat ta’ Proċeduri Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, dawk miżmuma l-ħabs ġew detenuti għal raġunijiet inkompatibbli mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u mal-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa;
D.billi, kif innotaw ripetutament in-NU, il-kundizzjonijiet tad-detenzjoni joħolqu riskji reali għall-integrità fiżika u mentali tal-priġunieri u jistgħu jammontaw għal trattament krudili, inuman u degradanti, jew saħansitra tortura;
E.billi fid-19 ta’ Awwissu 2022, l-Isqof ta’ Matagalpa, Rolando Álvarez, ġie arrestat arbitrarjament u tqiegħed taħt arrest domiċiljari mir-reġim tan-Nikaragwa, flimkien ma’ ħames qassisin, żewġ seminaristi u cameraman, li issa jinsabu fil-ħabs ta’ El Chipote;
F.billi fl-2022, żdied il-fluss tan-Nikaragwani li emigraw lejn pajjiżi oħra bħala konsegwenza tal-kriżi politika, soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem u ekonomika; billi, mill-2018, aktar minn 192000 Nikaragwan ħarbu lejn il-Costa Rica, jew bħala applikanti għall-ażil jew bħala rifuġjati; billi din it-tendenza tista’ ddgħajjef is-sistema tal-ażil tal-Costa Rica u toħloq piż żejjed fuq in-networks ta’ appoġġ fil-pajjiż;
G.billi fid-9 ta’ Frar 2023, ir-reġim tal-President Ortega u l-Viċi President Murillo ħeles 222 priġunier politiku, inklużi seba’ ex kandidati presidenzjali, avukati, attivisti tad-drittijiet, ġurnalisti u ex membri tal-moviment tal-gwerrilla Sandinista, neħħielhom in-nazzjonalità tagħhom u ddeportahom lejn l-Istati Uniti;
H.billi fid-9 ta’ Ġunju 2023, il-Gvern tan-Nikaragwa kkonfiska proprjetajiet li jappartjenu lil 222 priġunier politiku li kienu ġew furzati f’eżilju fi Frar wara li ġew ikkundannati li “wettqu atti kontra s-sovranità, l-indipendenza u l-awtodeterminazzjoni tan-nazzjon”;
I.billi Spanja offriet iċ-ċittadinanza tagħha lill-222 persuna eżiljata, filwaqt li l-Istati Uniti tathom protezzjoni temporanja għal sentejn;
1.Jikkundanna bil-qawwa lir-reġim tan-Nikaragwa għall-persekuzzjoni sistematika tiegħu ta’ ilħna dissidenti, l-abbużi tiegħu kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, esponenti tal-oppożizzjoni, ġurnalisti, studenti u membri tal-knisja, fost l-oħrajn, id-detenzjoni arbitrarja tiegħu ta’ dawn il-persuni sempliċement talli eżerċitaw il-libertajiet fundamentali tagħhom, it-trattament inuman u degradanti tagħhom u ta’ saħħithom li qed tiddeterjora;
2.Jisħaq li l-ġudikatura tan-Nikaragwa mhija indipendenti xejn mill-fergħa eżekuttiva;
3.Jistieden lill-Gvern tan-Nikaragwa jeħles minnufih u mingħajr kundizzjoni lill-priġunieri politiċi kollha u jirtira l-proċedimenti legali kollha kontrihom, kif ukoll jannulla l-pieni tagħhom, u jħeġġu jippermetti r-ritorn sikur tar-rifuġjati u tal-persuni eżiljati kollha lejn djarhom, filwaqt li jirrestawra r-rispett sħiħ għad-drittijiet kollha tal-bniedem, fosthom il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin;
4.Iżomm lill-Gvern tan-Nikaragwa responsabbli biex jiżgura li l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni jkunu konsistenti mal-obbligi internazzjonali tiegħu tad-drittijiet tal-bniedem u ma’ standards bħar-Regoli Nelson Mandela;
5.Iħeġġeġ lill-Gvern tan-Nikaragwa jtemm l-użu ta’ trattament krudili u inuman u jirrispetta l-integrità fiżika, id-dinjità u l-libertà tal-priġunieri u tal-familji tagħhom, kif ukoll id-dritt tagħhom li jaċċessaw il-kura medika, f’konformità mal-obbligi tan-Nikaragwa skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u ma’ standards bħar-Regoli Nelson Mandela;
6.Jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jieqfu jagħlqu bla bżonn l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jirrestawraw il-personalità ġuridika tal-organizzazzjonijiet, il-partiti politiċi, l-universitajiet, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-mezzi tal-media kollha li ngħalqu b’mod arbitrarju, kif ukoll jirritornaw il-proprjetà, l-assi, id-dokumenti u t-tagħmir kollha sekwestrati indebitament u jerġgħu jistabbilixxu l-istatus legali leġittimu tagħhom;
7.Jirrifjuta l-għeluq arbitrarju u l-konfiska ta’ assi li jappartjenu liċ-ċittadini, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lill-partiti politiċi, lill-organizzazzjonijiet reliġjużi, lill-assoċjazzjonijiet tal-midja u lill-universitajiet; jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jwaqqfu dawn l-azzjonijiet u jreġġgħu lura l-personalità ġuridika tal-korpi fil-mira tal-għeluq, kif ukoll jirritornaw l-assi, id-dokumenti u t-tagħmir kollha sekwestrati indebitament;
8.Iħeġġeġ bil-qawwa lin-Nikaragwa tirrevoka l-leġiżlazzjoni adottata mill-2018 li tirrestrinġi bla bżonn l-ispazju ċiviku u demokratiku; itenni t-talba tiegħu lill-UE biex tkompli tappoġġa lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-qraba tal-priġunieri politiċi, kemm fin-Nikaragwa kif ukoll fl-eżilju;
9.Ifakkar li, fid-dawl tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa jeħtiġilha tirrispetta u tikkonsolida l-prinċipji tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem; itenni t-talba tiegħu li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi attwali, tiskatta l-klawżola demokratika tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni;
10.Jenfasizza r-rwol kruċjali tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti u l-mexxejja reliġjużi fin-Nikaragwa;
11.Jistieden lir-reġim tan-Nikaragwa jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Grupp ta’ Esperti tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar in-Nikaragwa fir-rapport tiegħu, kif ukoll dawk maħruġa mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tan-Nikaragwa biex jeliminaw l-impunità għall-ksur serju u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u biex jipprovdu lill-vittmi aċċess għall-ġustizzja u reparazzjonijiet sħaħ;
12.Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-assistenza tagħha għal kooperazzjoni bl-ebda mod ma tikkontribwixxi għall-politiki repressivi li bħalissa qed jiġu attwati mill-awtoritajiet tan-Nikaragwa;
13.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp ta’ Lima, kif ukoll lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.