Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' April 2025 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2026, Taqsima III – Il-Kummissjoni ()
Il-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
–wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
–wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027,(1) u d-dikjarazzjoni konġunta maqbula bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni f’dan il-kuntest(2) u d-dikjarazzjonijiet unilaterali relatati(3),
–wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2022/2496 tal-15 ta’ Diċembru 2022 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(4),
–wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(5) (Reviżjoni tal-QFP),
–wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar l-abbozz ta’ regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027(6),
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar it-titjib tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027: baġit tal-UE reżiljenti u adegwat għal sfidi ġodda(7),
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Ottubru 2023 dwar il-proposta għal reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027(8),
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Frar 2024 dwar l-abbozz ta’ regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027(9),
–wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom(10),
–wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Diċembru 2021 għal deċiżjoni tal-Kunsill li temenda d-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2020/2053 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea () u l-pożizzjoni tiegħu tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar il-proposta(11),
–wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (riformulazzjoni)(12) (ir-Regolament Finanzjarju),
–wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”)(13),
–wara li kkunsidra l-obbligi tal-UE fl-ambitu tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-impenji tiegħu skont il-Qafas Globali tal-Bijodiversità ta’ Kunming-Montreal,
–wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri 2020-2025,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Mejju 2023 dwar l-impatt fuq il-baġit tal-UE tal-2024 taż-żieda tal-kostijiet tat-teħid b’self tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru(14),
–wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni(15),
–wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda(16),
–wara li kkunsidra l-Proklamazzjoni Interistituzzjonali dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(17) tat-13 ta’ Diċembru 2017,
–wara li kkunsidra l-baġit annwali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2025(18) u d-dikjarazzjonijiet konġunti maqbula bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni li huma annessi miegħu,
–wara li kkunsidra r-rapport ta’ Enrico Letta intitolat “Much more than a market” (Mhux sempliċi suq!), ippreżentat fil-Parlament Ewropew fl-21 ta’ Ottubru 2024,
–wara li kkunsidra r-rapport ta’ Mario Draghi intitolat “The future of European competitiveness” (Il-futur tal-kompetittività Ewropea), ippreżentat fil-Parlament Ewropew fis-17 ta’ Settembru 2024,
–wara li kkunsidra r-rapport ta’ Sauli Niinistö intitolat “Safer together — Strengthening Europe’s civil and military preparedness and readiness” (Aktar sikuri flimkien – It-tisħiħ tal-istat ta’ tħejjija u preparazzjoni ċivili u militari tal-Ewropa), ippreżentat fil-Parlament Ewropew fl-14 ta’ Novembru 2024,
–wara li kkunsidra l-preżentazzjoni tal-Boxxla tal-UE għall-Kompetittività mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen fid-29 ta’ Jannar 2025,
–wara li kkunsidra l-white paper konġunta tad-19 ta’ Marzu 2025 għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea li tipprovdi qafas għall-pjan ReArm Europe (JOIN(2025)0120),
–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Frar 2025 intitolata “Il-Patt għal Industrija Nadifa: pjan direzzjonali konġunt għall-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni”(),
–wara li kkunsidra l-proposta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2025 li temenda r-Regolamenti (UE) 2015/1017, (UE) 2021/523, (UE) 2021/695 u (UE) 2021/1153 fir-rigward taż-żieda fl-effiċjenza tal-garanzija tal-UE skont ir-Regolament (UE) 2021/523 u s-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ rapportar (),
–wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta’ Frar 2025 dwar il-linji gwida tal-baġit għall-2026,
–wara li kkunsidra l-Artikolu 95 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
–wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali,
–wara li kkunsidra l-ittri tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, tal-Kumitat għall-Ambjent, il-Klima u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,
–wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A10-0042/2025),
Baġit 2026: il-bini ta’ futur reżiljenti, sostenibbli u prosperu għall-Ewropa
1.Jenfasizza t-tkabbir ekonomiku antiċipat imbassar għall-2025 u l-2026 fi ħdan l-UE(19), akkumpanjat minn tnaqqis fl-inflazzjoni; jinnota madankollu l-inċertezzi li jirriżultaw mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, li thedded direttament is-sigurtà tal-UE, u l-effetti dejjem agħar tat-tibdil fil-klima u l-kriżi tal-bijodiversità, li jimmanifestaw ruħhom ukoll bil-frekwenza u l-intensità dejjem akbar tad-diżastri naturali, li huma aggravati minn bidliet ġeopolitiċi sinifikanti ġodda u ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli li qed jiddeterjora, theddid akbar għas-sigurtà u żieda fil-protezzjoniżmu globali; jenfasizza li, f’xenarju dejjem aktar volatili ta’ dan it-tip, hemm bżonn aktar minn qatt qabel li l-UE ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ difiża u sigurtà tagħha, il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali u l-awtonomija politika u strateġika tagħha, tnaqqas id-dipendenza tagħha, iżżid il-kompetittività tagħha u tiżgura futur prosperu għall-kontinent u l-poplu tiegħu, li bħalissa qed jiffaċċjaw għoli tal-ħajja dejjem jiżdied;
2.Huwa determinat li jiżgura li l-baġit tal-2026, billi jiffoka fuq it-tħejjija u s-sigurtà strateġiċi, il-kompetittività ekonomika u r-reżiljenza, is-sostenibbiltà, il-klima, kif ukoll it-tisħiħ tas-suq uniku, jipprovdi lill-poplu fl-UE b’ekosistema robusta u jwettaq il-prijoritajiet tagħhom, biex b’hekk isaħħaħ Ewropa soċjalment ġusta u prospera; jissottolinja l-ħtieġa ta’ investiment addizzjonali fis-sigurtà u d-difiża, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), is-saħħa, l-enerġija, il-migrazzjoni, kif ukoll il-protezzjoni tal-fruntieri tal-art u marittimi, tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi inklużivi, il-ħolqien tal-impjiegi u li ż-żgħażagħ jingħatawlhom opportunitajiet; jinsisti li dan ikun akkumpanjat minn simplifikazzjoni amministrattiva kif indikat fil-Boxxla tal-Kompetittività; jinsisti li l-baġit tal-UE huwa l-akbar strument ta’ investiment b’effett ta’ ingranaġġ, li jikkomplementa l-baġits nazzjonali u għalhekk jippermetti lill-UE tinnaviga l-kumplessitajiet ta’ dinja li qed tinbidel b’pass rapidu filwaqt li tiżgura l-prosperità, il-koeżjoni soċjali u l-istabbiltà għall-poplu tagħha; jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha timmassimizza dan l-effett ta’ ingranaġġ kemm jista’ jkun possibbli biex tagħti spinta lill-objettivi u t-tfassil tal-politika tal-Unjoni, kif ukoll lill-investiment privat;
Ninvestu f’ekonomija solida, sostenibbli u reżiljenti
3.Huwa konvint li r-reżiljenza ekonomika u s-sostenibbiltà sodi jistgħu jinkisbu fl-UE billi tingħata spinta lill-investiment pubbliku u privat, tiżdied l-innovazzjoni u tiġi appoġġjata l-kompetittività, inkluż billi tiġi indirizzata d-diskrepanza fil-ħiliet u titrawwem aktar produzzjoni industrijali fl-Ewropa bħala sors għal tkabbir ekonomiku robust u impjiegi ta’ kwalità, u b’hekk tiġi ggarantita l-awtonomija strateġika tal-Unjoni, jiġi żgurat li l-UE tibqa’ aġli u awtodipendenti fid-dawl ta’ sfidi, tfixkil u volatilità globali; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-innovazzjoni, tingħata prijorità lill-edukazzjoni, jitnaqqsu l-ispejjeż u l-piż amministrattiv, u jissaħħaħ is-suq uniku, b’mod partikolari fir-rigward tas-servizzi;
4.Jafferma mill-ġdid, f’dan ir-rigward, li r-riċerka u l-innovazzjoni jibqgħu kruċjali għas-suċċess tal-UE f’industriji avvanzati u f’teknoloġiji nodfa u sostenibbli ġodda; ifakkar fl-ambizzjoni dejjiema li jiżdied l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni għal 3% tal-prodott domestiku gross (PDG); jitlob, għalhekk, li jiġi pprovdut aktar finanzjament fl-ambitu ta’ Orizzont Ewropa biex jiffinanzja mill-inqas 50% tal-proposti eċċellenti kollha fid-dixxiplini xjentifiċi kollha, jippermetti lir-riċerkaturi kif ukoll lill-kumpaniji, speċjalment lill-SMEs, iġibu żviluppi ġodda fis-suq u jespandu, jiżguraw tkabbir ekonomiku solidu u jagħtu spinta lill-kompetittività tal-Unjoni fl-ekonomija globali, biex b’hekk jipprevjenu lill-atturi milli jitilqu għal reġjuni kompetituri filwaqt li jiżguraw ukoll li l-Ewropa jkollha l-bażi ta’ għarfien li teħtieġ biex issegwi l-impenji tal-Patt Ekoloġiku;
5.Jenfasizza l-importanza ta’ appoġġ immirat biex jitħeġġu sħubijiet pubbliċi-privati u finanzjament aċċessibbli u mkattar biex l-SMEs jiġu appoġġjati bħala s-sinsla tal-ekonomija Ewropea u vettur għall-innovazzjoni pijuniera, filwaqt li jenfasizza r-rwol tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, InvestEU u l-komponent tal-SMEs tal-programm tas-suq uniku fl-għoti tas-setgħa lil negozji ġodda u lil negozji li qed jespandu ta’ kumpaniji innovattivi, jappoġġjahom fit-tkabbir tagħhom u jikkontribwixxi għal rwol akbar għall-ekonomija tal-UE fix-xena globali; jesprimi t-tħassib tiegħu li, skont l-evalwazzjoni interim ta’ InvestEU, mingħajr tisħiħ baġitarju l-pakketti għal ħafna prodotti finanzjarji jistgħu jispiċċaw sa tmiem l-2025; jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza tal-programm tas-suq uniku biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tad-dimensjoni transfruntiera tal-UE;
6.Jisħaq li l-modernizzazzjoni tal-ekonomija se tirrikjedi t-taħlit tal-investiment pubbliku u privat; jenfasizza, f’dan ir-rigward, il-ħtieġa ta’ investimenti privati biex jiġi massimizzat l-effett ta’ ingranaġġ tal-infiq pubbliku; ifakkar li dawn l-isforzi għandhom iwasslu għas-simplifikazzjoni u jnaqqsu l-piż finanzjarju għall-SMEs tal-UE filwaqt li jżommu l-istandards tal-UE;
7.Jissottolinja l-urġenza li jiġu aċċellerati aktar it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi bħala katalizzaturi għal ekonomija orjentata lejn il-futur u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi li tibqa’ attraenti għan-negozji innovattivi u li tkun ibbażżata fuq investimenti xprunati mis-suq li jipprovdu impjiegi ta’ kwalità u li ma jħallu lil ħadd jibqa’ lura; jirrakkomanda investiment sostanzjali f’infrastruttura diġitali li tħares ’il quddiem, mirfuda minn intelliġenza artifiċjali u ċ-ċibersigurtà irregolati tajjeb, iċċentrati fuq il-bniedem u affidabbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejbu l-ħiliet diġitali bażiċi taċ-ċittadini biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-kumpaniji u biex iċ-ċittadini jiġu mgħammra biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa li tiżdied ir-reżiljenza tad-demokrazija tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-indħil barrani malizzjuż;
8.Jirrikonoxxi l-valur strateġiku tan-Network Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) u tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) biex jikkontribwixxu għall-għanijiet ekonomiċi, soċjali u klimatiċi tal-infrastruttura tat-trasport transfruntier tal-UE; jappella għal estensjonijiet tan-network, b’mod partikolari lejn il-pajjiżi kandidati u s-sħab strateġiċi tal-UE, fir-rigward tal-istrateġija ta’ mobilità sostenibbli u intelliġenti tal-UE u l-komplementarjetajiet bejn it-TEN-T u n-Networks Trans-Ewropej għall-Enerġija (TEN-E);
Unjoni aktar ippreparata u kapaċi tirrispondi b’mod effettiv għall-kriżijiet
9.Jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ sigurtà u ta’ difiża tal-UE biex tinħoloq unjoni tad-difiża ġenwina u biex ikun hemm tħejjija u rispons aħjar għall-isfidi ġeopolitiċi bla preċedent u tħeddid ibridu ġdid għas-sigurtà; jisħaq fuq ir-rwol essenzjali ta’ mekkaniżmi komuni ta’ investiment, riċerka, produzzjoni u akkwist, inkluż f’teknoloġiji fixkiela ġodda li jappoġġjaw industrija tad-difiża indipendenti tal-UE; iqis li hemm valur miżjud tal-UE fil-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża li mhux biss joffri aktar sikurezza lill-Ewropa u lill-poplu tagħha iżda li jwassal ukoll għal effiċjenza akbar, iffrankar potenzjali, ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità u awtonomija strateġika msaħħa; jitlob għalhekk titjib immedjat u koordinazzjoni ħafna aħjar tal-infiq fuq id-difiża mill-Istati Membri; jenfasizza b’mod partikolari l-ħtieġa li jiġu pprovduti riżorsi adegwati għall-innovazzjoni u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet militari tal-Istati Membri, kif ukoll l-interoperabbiltà tagħhom; jieħu nota, f’konformità mal-pjan tal-Kummissjoni “ReArm Europe”, tas-sejħa tagħha lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħra u banek privati fl-Ewropa biex jinvestu b’mod aktar attiv fl-industrija tad-difiża Ewropea filwaqt li jissalvagwardjaw l-operazzjonijiet u l-kapaċità ta’ finanzjament tagħhom; ifakkar fl-importanza tal-investiment u l-iżvilupp ta’ tagħmir b’użu doppju u, b’mod partikolari, tat-tisħiħ tal-mobbiltà militari tal-UE fir-rigward tal-finanzjament ta’ infrastruttura tat-trasport b’użu doppju tul l-assi prijoritarji; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tuża sejħiet għal dan l-għan fl-ambitu tal-programm tat-trasport tal-FNE, fid-dawl tad-diskrepanza fil-finanzjament tal-mobbiltà militari; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jissaħħu l-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà tal-UE fil-ġlieda kontra l-gwerra ibrida;
10.Ifakkar fir-rwol tal-programm spazjali tal-UE fit-tisħiħ tas-sigurtà strateġika tal-Unjoni permezz ta’ varjetà ta’ applikazzjonijiet ċivili u militari; jissottolinja li settur spazjali Ewropew b’saħħtu huwa fundamentali għas-sigurtà Ewropea, l-awtonomija strateġika miftuħa, il-konnettività sigura, il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika u l-avvanz tat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u għalhekk jirrikjedi riżorsi suffiċjenti;
11.Jenfasizza, fid-dawl ta’ sfidi ġodda fis-sigurtà interna u esterna, l-importanza li tiġi żgurata implimentazzjoni xierqa tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, f’konformità sħiħa mal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u li jiġu rispettati l-prinċipji tas-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabbiltà; jisħaq li l-ġestjoni u l-protezzjoni effettivi tal-fruntieri esterni tal-UE, fuq l-art, fl-ajru, u marittimi, huma essenzjali biex jinżammu l-libertajiet taż-żona Schengen u huma kruċjali għas-sigurtà tal-UE u taċ-ċittadini tagħha; jenfasizza l-ħtieġa li n-nies jiġu protetti aħjar billi jiġi evitat it-traffikar u jittejjeb l-appoġġ biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-Istati Membri u l-Unjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-droga u n-networks kriminali, b’mod partikolari dawk involuti fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ migranti u t-traffikar tal-bnedmin, sabiex jissaħħu l-infurzar tal-liġi u r-rispons ġudizzjarju għal dawn in-networks kriminali, kif ukoll biex jiġu appoġġjati l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw theddid ibridu, b’mod partikolari l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti mal-fruntieri tal-Unjoni kif definit fir-Regolament dwar il-Kriżijiet(20);
12.Jesprimi t-tħassib serju tiegħu rigward il-fatt li l-Kummissjoni ffinanzjat jew ikkofinanzjat kampanji li jippromwovu l-ilbies tal-velu, fejn ġie asserit, pereżempju, li “l-libertà tinsab fil-ħiġab”; jenfasizza li l-baġit tal-Unjoni m’għandux jibqa’ jiffinanzja kampanji futuri li jippromwovu direttament jew indirettament l-ilbies tal-velu;
13.Ifakkar fir-rwol vitali li għandhom il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u għall-Viżi (BMVI) u l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni fil-protezzjoni tal-fruntieri esterni; jitlob, barra minn hekk, finanzjament adegwat għall-kapaċitajiet ta’ protezzjoni tal-fruntieri bħala parti essenzjali ta’ politika ta’ migrazzjoni komprensiva, inklużi l-infrastruttura fiżika, il-bini, it-tagħmir, is-sistemi u s-servizzi meħtieġa fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri, kif previst fl-Anness III tar-Regolament BMVI(21), u li r-rekwiżiti jiġu ssodisfati f’termini ta’ kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, integrazzjoni, ritorn u proċedura ta’ riammissjoni; jafferma mill-ġdid li l-ftehimiet ta’ kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-ażil ma’ pajjiżi mhux tal-UE b’rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali jistgħu jgħinu fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u fit-tisħiħ tas-sigurtà tal-fruntieri;
14.Jirrikonoxxi l-politika agrikola komuni (PAK) bħala politika strateġika Ewropea ewlenija għas-sigurtà tal-ikel u għal awtonomija akbar tal-UE fil-produzzjoni tal-ikel affordabbli u ta’ kwalità għolja; jisħaq fuq ir-rwol kruċjali tal-PAK fl-iżgurar ta’ introjtu deċenti għall-bdiewa tal-UE kif ukoll agrikoltura Ewropea produttiva, kompetittiva u sostenibbli; jiddispjaċih li l-pagamenti diretti naqsu b’mod sinifikanti f’termini reali minħabba l-inflazzjoni, filwaqt li l-piż amministrattiv fuq il-bdiewa żdied minħabba burokrazija dejjem takkumula; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tnaqqas il-piż amministrattiv filwaqt li żżomm standards għoljin ta’ produzzjoni u r-rekwiżit li tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni tal-UE; jitlob li jiġu protetti riżorsi adegwati u pagamenti diretti biex jgħinu lill-bdiewa jlaħħqu mal-impatt tal-inflazzjoni, l-ispejjeż tal-fjuwil, il-bidliet fis-suq globali tal-ikel u l-kummerċ u l-avvenimenti klimatiċi negattivi, li jaffettwaw il-produzzjoni agrikola u jheddu s-sigurtà tal-ikel, inkluż fir-reġjuni ultraperiferiċi; jenfasizza, f’dan ir-rigward, ir-rwol tar-riżerva għall-agrikoltura; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu megħjuna l-azjendi agrikoli żgħar u ta’ daqs medju u l-bdiewa ġodda u żgħażagħ billi jiġi appoġġjat it-tiġdid ġenerazzjonali u jiġi żgurat appoġġ kontinwu għall-promozzjoni tal-prodotti agrikoli tal-UE; jissottolinja l-ħtieġa ta’ appoġġ xieraq għar-riċerka u l-innovazzjoni biex is-settur agrikolu jsir aktar sostenibbli, inkluża l-ġestjoni tal-ilma, b’mod partikolari permezz tal-programm Orizzont Ewropa, mingħajr ma titnaqqas il-produzzjoni agrikola Ewropea u filwaqt li jiġi evitat li l-bdiewa Ewropej jiffaċċjaw kompetizzjoni inġusta minn prodotti importati li ma jissodisfawx l-istandards tagħna; jilqa’ t-tħejjija tal-Kummissjoni għat-tieni pakkett ta’ simplifikazzjoni; jissottolinja li s-sigurtà tal-ikel hija komponent essenzjali għall-istabbiltà ġeopolitika;
15.Jisħaq fuq ir-rwol strateġiku tas-sajd u l-akkwakultura u l-ħtieġa li dawn jiġu appoġġjati b’mod adegwat mil-lat finanzjarju; jirrikonoxxi li l-politika komuni tas-sajd tiżgura introjtu stabbli u futur fit-tul għas-sajjieda billi tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar sostenibbli, li huma kruċjali għall-kompetittività tas-settur; jinsisti li trid tingħata attenzjoni speċjali lill-flotta tas-sajd tal-UE sabiex jittejbu s-sikurezza u s-sigurtà, inkluż billi jiġu miġġielda azzjonijiet tas-sajd illegali u jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-effiċjenza enerġetika u s-sostenibbiltà, kif ukoll billi tiġġedded il-flotta; jafferma mill-ġdid li l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura għandu jappoġġja politika tar-riżorsi umani li tkun kapaċi tindirizza l-isfidi futuri, sabiex tiġi promossa ekonomija blu inklużiva, diversifikata u sostenibbli; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-effett ta’ tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni tal-Brexit f’Ġunju 2026 fuq is-setturi tas-sajd u tal-akkwakultura;
16.Jirrimarka li, fi tmiem l-2023, madwar 20 miljun tifel u tifla kienu f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali, li huwa madwar kwart tat-tfal kollha fl-UE; jemmen, għalhekk, li l-baġit tal-UE jeħtieġ li jżid l-isforzi biex jiġġieled il-faqar fost it-tfal, inklużi t-tfal migranti, it-tfal b’diżabbiltà, u t-tfal li jgħixu f’sitwazzjonijiet tal-familja prekarji, f’konformità mal-Garanzija Ewropea għat-Tfal; itenni t-talbiet preċedenti tiegħu li l-pakkett tal-FSE+ jinkludi baġit speċifiku u sinifikanti għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal;
17.Jisħaq li t-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija u tal-indipendenza tal-enerġija jibqa’ fundamentali għall-UE; jenfasizza r-rwol tal-UE fl-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, fl-assistenza lill-unitajiet domestiċi, lill-bdiewa u lin-negozji fil-mitigazzjoni tal-volatilità tal-prezzijiet u fil-ġestjoni tad-diskrepanzi fil-prezzijiet meta mqabbla mal-bqija tad-dinja; jappella, għalhekk, għal investiment addizzjonali fl-infrastruttura kritika u l-konnettività, inklużi grilji tal-elettriku transfruntiera fuq skala kbira u infrastruttura tal-idroġenu għal setturi diffiċli sabiex jitrażżnu, li huma prerekwiżit essenzjali għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija Ewropea, f’sorsi tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u rinnovabbli u l-konnettività, b’mod partikolari billi tiġi ffinanzjata kif xieraq il-FNE, kif ukoll fl-effiċjenza enerġetika; jenfasizza l-ħtieġa li l-infrastruttura Ewropea tiġi adattata biex tissodisfa d-domandi futuri tal-enerġija bħala parti mit-tranżizzjoni lejn ekonomija nadifa u moderna; jissottolinja l-importanza li jsir investiment f’kapaċità ġdida, li tespandi u timmodernizza l-interkonnettur għall-kummerċ tal-elettriku, b’mod partikolari l-kapaċità transfruntiera, għal suq tal-enerġija tal-UE integrat bis-sħiħ li jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista diversifikata tal-Ewropa u r-reżiljenza għat-tfixkil fis-suq tal-enerġija, inaqqas id-dipendenzi esterni u fl-aħħar mill-aħħar jiżgura enerġija affordabbli u sostenibbli għaċ-ċittadini u n-negozji tal-UE; jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Afrika;
18.Ifakkar, f’dan il-kuntest, fil-kriżi attwali tal-akkomodazzjoni fl-Ewropa, inkluż in-nuqqas ta’ akkomodazzjoni deċenti u affordabbli; jappella, għalhekk, għal investimenti addizzjonali rapidi permezz ta’ taħlita ta’ sorsi ta’ finanzjament, inkluż il-BEI u l-banek promozzjonali nazzjonali, f’oqsma b’impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-għoli tal-ħajja għall-unitajiet domestiċi, it-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-bini u l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli; jappella għal approċċ ikkoordinat fil-livell tal-UE li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, jinkoraġġixxi l-aħjar prattiki u juża b’mod effettiv il-mekkaniżmi ta’ finanzjament rilevanti kollha fl-indirizzar ta’ din l-isfida urġenti;
19.Jinsab imħasseb ħafna dwar l-impatti qawwija tat-tibdil fil-klima u l-kriżi tal-bijodiversità kemm fl-Ewropa kif ukoll globalment u dwar il-fatt li s-sena 2024 ġiet imkejla bħala l-aktar sena sħuna tal-pjaneta mindu jeżistu r-rekords; jappella għal finanzjament suffiċjenti għall-programm LIFE biex jiffinanzja proġetti relatati mal-klima u mal-ambjent, inkluż fil-qasam tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, u għal aktar flessibbiltà baġitarja biex ikun hemm rispons adegwat għad-diżastri naturali fl-UE; jiddispjaċih li l-għadd dejjem jikber tad-diżastri naturali wassal għal għadd kbir ta’ vittmi, kif ukoll għal effetti devastanti fit-tul fuq iċ-ċittadini, il-bdiewa u n-negozji li huma bbażati u li jaħdmu fir-reġjuni kkonċernati, kif ukoll fl-ekosistemi affettwati; jappella għal aktar finanzjament għall-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE, RESTORE (Appoġġ Reġjonali ta’ Emerġenza għar-Rikostruzzjoni) u l-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, inkluż biex jiżdiedu l-kapaċitajiet tar-rescEU, li jippermettu bini ta’ kapaċitajiet aktar kosteffiċjenti, sabiex l-Istati Membri jiġu appoġġjati malajr u b’mod effettiv f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi enormi; jirrikonoxxi r-rwol tal-UE bħala ċentru għall-koordinament u t-titjib tat-tħejjija u tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri biex jirrispondu immedjatament għal emerġenzi fuq skala kbira u b’impatt għoli, u l-valur miżjud tiegħu kemm għall-Istati Membri, kif ukoll għaċ-ċittadini; jisħaq, f’dan ir-rigward, li l-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili huwa espressjoni tanġibbli tas-solidarjetà Ewropea, li ssaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala entità li tirrispondi għall-kriżijiet; jirrikonoxxi li l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea jew kwalunkwe fond ieħor waħedhom ma jistgħux jikkumpensaw bis-sħiħ għall-avvenimenti estremi tat-temp ta’ frekwenza u severità akbar ikkawżati mit-tibdil fil-klima llum u fil-futur; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir investiment fil-miżuri ta’ tħejjija, prevenzjoni u adattament u li dawn jingħataw prijorità, filwaqt li jiġu prijoritizzati soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura; jisħaq li huwa kruċjali li jiġi żgurat li l-infiq tal-Unjoni jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, għall-isforzi ta’ adattament u għall-infrastruttura tar-reżiljenza tal-ilma; jenfasizza li dawn l-investimenti huma ferm aktar baxxi mill-kost ta’ nuqqas ta’ azzjoni b’rabta mal-klima;
20.Jinsisti li l-investiment kontinwu f’EU4Health u fi Cluster Health f’Orizzont Ewropa huwa kruċjali biex jittejbu s-saħħa u t-tħejjija għal kriżijiet tas-saħħa futuri, u b’hekk jittejjeb l-istatus tas-saħħa taċ-ċittadini; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ investimenti fis-saħħa għal impatt massimu; jenfasizza l-appoġġ tiegħu għal approċċ regolatorju u ta’ finanzjament olistiku għax-xjenzi tal-ħajja u l-ekosistema bijoteknoloġika tal-Ewropa, inkluż il-ħolqien ta’ raggruppamenti Ewropej avvanzati ta’ eċċellenza, bħala pilastru ċentrali ta’ unjoni tas-saħħa Ewropea aktar b’saħħitha, li magħha għandu jiżdied pjan Ewropew għall-mard kardjovaskulari u għall-istili ta’ ħajja, li jiffoka fuq il-prevenzjoni primarja u sekondarja bħala objettivi ewlenin biex tiżdied l-istennija tal-għomor fl-UE; jenfasizza l-ħtieġa li tinħoloq sistema ta’ kura ta’ appoġġ akbar biex twieġeb għall-isfidi demografiċi u l-popolazzjoni li qed tixjieħ; itenni l-appoġġ tiegħu għall-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, kif ukoll l-importanza tal-investiment Ewropew biex jiġi indirizzat il-mard tat-tfal, il-mard rari u r-reżistenza għall-antimikrobiċi; itenni l-importanza tal-aspett tal-ġeneru tas-saħħa, inklużi s-saħħa sesswali u riproduttiva u l-aċċess għas-servizzi; jinsab imħasseb ħafna dwar il-kriżi attwali tas-saħħa mentali fl-Ewropa, li taffettwa b’mod partikolari lill-ġenerazzjoni żagħżugħa, aggravata minn avvenimenti globali reċenti, li jirrikjedu li tittieħed azzjoni immedjata; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu evitati nuqqasijiet ta’ mediċini kritiċi, ta’ kontromiżuri mediċi u ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa li jiffaċċjaw xi Stati Membri; jappella, f’dan ir-rigward, għal koordinazzjoni aħjar fil-livell tal-UE u l-akkwist konġunt ta’ mediċini sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż;
21.Jisħaq fuq l-importanza tal-investiment fil-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u l-ħiliet tagħhom, bħala aġenti ewlenin tal-bidla u l-progress, billi jiġi żgurat aċċess għall-edukazzjoni ta’ kwalità; iqis li huwa essenzjali li l-istudenti kollha, mingħajr diskriminazzjoni u f’kull Stat Membru tal-UE, ikollhom aċċess sħiħ għall-programm Erasmus+ u jissottolinja r-rwol essenzjali ta’ Erasmus+ biex jiffaċilita l-iskambju kulturali, it-tisħiħ tal-identità Ewropea u l-promozzjoni tal-paċi permezz ta’ fehim u kooperazzjoni reċiproċi, billi jsir pedament tal-integrazzjoni u l-unità Ewropea; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu indirizzati d-defiċit tal-ħiliet, l-eżodu ta’ mħuħ u l-korrelazzjoni bejn il-ħtiġijiet tas-suq u l-ħiliet; iqis li biex il-forza tax-xogħol tal-UE tibqa’ kompetittiva fil-futur, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti oqsma ewlenin għat-taħriġ u t-taħriġ mill-ġdid ta’ ħiliet; jisħaq li huwa meħtieġ aktar investiment biex jiġu mmodernizzati s-sistemi edukattivi tal-Unjoni, billi jiġu mgħammra għat-tranżizzjoni diġitali u dik ekoloġika, jinħolqu skemi li jagħtu spinta lit-talent u jiġu inċentivati l-intraprendituri żgħażagħ; jirrimarka, f’dan ir-rigward, dwar ir-rilevanza ta’ riżorsi finanzjarji suffiċjenti għall-programmi tal-UE bħall-Fond Soċjali Ewropew Plus, Erasmus+ u l-Korp ta’ Solidarjetà tal-UE, li wrew li huma effettivi ħafna biex jgħinu fil-kisba ta’ livelli għoljin ta’ impjieg u protezzjoni soċjali ġusta, fit-twessigħ tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Unjoni kollha, kif ukoll fil-promozzjoni ta’ opportunitajiet ġodda ta’ impjieg u t-trawwim tal-ħiliet, il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha sabiex l-istudenti universitarji kollha jibqgħu eliġibbli biex jipparteċipaw fil-programm Erasmus+, inkluż fl-Ungerija;
22.Ifakkar li l-familji huma l-pilastru ewlieni li jappoġġja l-piż tan-nefqa soċjali fl-UE, speċjalment dawk li huma responsabbli mill-kura tat-tfal; jinnota, fl-istess ħin, li l-familji huma wkoll dawk li qed ibatu l-aktar il-konsegwenzi tal-kriżijiet ekonomiċi suċċessivi li batejna matul dawn l-aħħar 15-il sena; jisħaq, għal dawn ir-raġunijiet kollha, li dawn iridu jkunu s-suġġett ta’ attenzjoni speċjali fl-aspetti rilevanti tal-baġit tal-UE u tal-prijoritajiet tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;
23.Ifakkar fir-rwol tal-baġit tal-UE fil-kontribut għall-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jenfasizza r-rwol tal-baġit tal-UE fil-kontribuzzjoni għal inizjattivi li jsaħħu d-djalogu soċjali u jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, inkluż fil-forma ta’ taħriġ, networking u bini tal-kapaċitajiet;
24.Jenfasizza t-theddid u l-perikli li dejjem qed jiżdiedu tal-kampanji ta’ diżinformazzjoni organizzati u mmirati kontra l-UE minn partijiet ikkonċernati barranin; jappella għall-mobilizzazzjoni tal-programmi rilevanti kollha tal-Unjoni, inkluża Ewropa Kreattiva, biex jiġu ffinanzjati azzjonijiet fl-2026 li jippromwovu litteriżmu diġitali u medjatiku inklużiv, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda online u l-kontenut estremist, filwaqt li titħeġġeġ parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini fil-proċessi demokratiċi u jiġu ssalvagwardjati l-libertà u l-pluraliżmu tal-media għal reżiljenza kulturali tajba, li kollha huma fundamentali għal demokrazija b’saħħitha; jiddeplora d-deċiżjonijiet reċenti mill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti li tnaqqas il-finanzjament lil Radio Free Europe/Radio Liberty u Voice of America u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw l-għażliet kollha possibbli biex jipprovdu aktar finanzjament lil dawn il-mezzi tal-media fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi;
25.Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-finanzjament tal-UE għall-protezzjoni taċ-ċittadini, li jappartjenu għar-reliġjonijiet kollha u l-ispazji pubbliċi mit-theddid terroristiku, il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni u l-kontenut terroristiku online, kif ukoll il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda, l-antisemitiżmu, il-mibegħda anti-Kristjana u l-mibegħda anti-Musulmana li qed jiżdiedu;
26.Jiddispjaċih dwar l-għadd dejjem jikber ta’ reati ta’ mibegħda diretti kontra l-Insara u komunitajiet reliġjużi oħra; ifakkar li l-Insara huma l-aktar komunità reliġjuża ppersegwitata fid-dinja; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni talloka fondi speċifiċi biex tipprevjeni lill-komunitajiet reliġjużi, inklużi l-komunitajiet Insara u Lhud milli jkunu fil-mira, kif kienu f’dawn l-aħħar xhur fl-Ewropa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-protezzjoni taċ-ċittadini u tal-komunitajiet reliġjużi kollha u tappoġġja l-ġlieda kontra t-theddid terroristiku, b’enfasi partikolari fuq ir-radikalizzazzjoni u l-kontenut terroristiku online;
27.Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni rapida, sħiħa u xierqa u l-infurzar robust tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali(22), l-Att dwar is-Swieq Diġitali(23) u l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali(24), anke billi talloka biżżejjed riżorsi umani; jisħaq fuq l-importanza li jiġi indirizzat l-indħil barrani, jiġu indirizzati l-perikli ta’ algoritmi preġudikati, u jiġu ssalvagwardjati t-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont, u l-integrità tal-ispazju pubbliku diġitali;
28.Jissottolinja l-valur miżjud tal-programmi ta’ finanzjament fl-oqsma tad-demokrazija, tad-drittijiet u l-valuri; ifakkar fir-rwol importanti li għandu l-baġit tal-UE fil-promozzjoni tal-valuri Ewropej minqux fl-Artikolu2 tat-trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-appoġġ għall-prinċipji ewlenin tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, is-solidarjetà, l-inklużività, il-ġustizzja, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza, inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jafferma mill-ġdid, barra minn hekk, ir-rwol essenzjali tal-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri fil-promozzjoni tal-valuri Ewropej, b’mod partikolari l-fergħa tal-valuri tal-Unjoni, kif ukoll l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u b’hekk isostni u jkompli jiżviluppa soċjetà miftuħa, ibbażata fuq id-drittijiet, demokratika, ugwali u inklużiva fuq il-bażi tal-istat tad-dritt; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ miżuri mmirati biex jiġu indirizzati d-disparitajiet bejn il-ġeneri biex jiġu promossi opportunitajiet indaqs permezz tal-allokazzjonijiet ta’ fondi tal-UE; jisħaq li l-appoġġ għall-ġurnaliżmu investigattiv b’riżorsi suffiċjenti huwa investiment strateġiku fid-demokrazija, it-trasparenza u l-ġustizzja soċjali; itenni l-importanza tal-programm Daphne u l-programm dwar l-Ugwaljanza u d-Drittijiet, u jisħaq li għandhom jiġu ddedikati r-riżorsi meħtieġa għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha, kif ukoll biex jiġu indirizzati l-forom ta’ vjolenza;
29.Jenfasizza l-ħidma siewja mwettqa taħt il-fergħa tal-Valuri tal-Unjoni, li tipprovdi, fost affarijiet oħra, finanzjament dirett lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili bħala atturi ewlenin f’demokraziji dinamiċi; jisħaq li ċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li jippromwovu r-rieda u l-interess taċ-ċittadini, jirrappreżentaw il-qalba tad-demokrazija Ewropea; jissottolinja, f’dan ir-rigward, l-importanza tal-programmi kollha tal-UE u ż-żieda fil-finanzjament fl-appoġġ tal-involviment ġenwin tas-soċjetà ċivili, b’mod partikolari fil-kuntest tal-impatt ta’ tnaqqis fil-finanzjament għas-soċjetà ċivili mis-sħab internazzjonali tal-UE;
30.Jitlob l-implimentazzjoni sħiħa u urġenti tal-Ftehim li jistabbilixxi korp interistituzzjonali għall-istandards etiċi għall-membri tal-istituzzjonijiet u għall-korpi konsultattivi msemmija fl-Artikolu 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jemmen li l-iskandlu ta’ korruzzjoni tal-Huawei jżid urġenza speċjali biex il-ħidma tal-korp tinbeda mingħajr dewmien; jimpenja ruħu li jipprovdi r-riżorsi finanzjarji u umani meħtieġa biex il-korp ikun jista’ jissodisfa l-mandat tiegħu u jimplimenta l-kompiti tiegħu kif suppost;
31.Iqis li huwa essenzjali għall-istabbilità u l-progress tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha li jiġi żgurat l-użu xieraq tal-fondi tal-Unjoni u li jittieħdu l-passi kollha lejn il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b’mod partikolari billi tiġi applikata l-kundizzjonalità tal-istat tad-dritt; jenfasizza r-rabta innegabbli bejn ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-Unjoni f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba fil-qafas tar-Regolament Finanzjarju; itenni li skont ir-Regolament dwar il-Kundizzjonalità tal-Istat tad-Dritt(25), l-impożizzjoni ta’ miżuri xierqa ma tridx taffettwa l-obbligi tal-gvernijiet li jimplimentaw il-programm jew il-fond affettwat mill-miżura, u b’mod partikolari l-obbligi li għandhom lejn ir-riċevituri finali; jinsisti, għalhekk, li f’każijiet ta’ ksur tal-istat tad-dritt mill-gvernijiet nazzjonali, il-Kummissjoni għandha tesplora modi alternattivi biex jiġi implimentat il-baġit, inkluż billi tiġi vvalutata l-possibbiltà li s-sorsi jiġu ddevjati lejn programmi ġestiti direttament u indirettament, sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-soċjetà ċivili u benefiċjarji oħra jkunu jistgħu jkomplu jibbenefikaw mill-finanzjament tal-Unjoni, mingħajr ma tiddgħajjef l-applikazzjoni tar-regolament; jenfasizza r-rwol tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-attività kostanti tagħha fid-difiża tat-trasparenza, l-obbligu ta’ rendikont u l-konformità stretta mar-regolamenti dwar il-fondi u l-programmi kollha;
Unjoni b’saħħitha f’dinja li qed tinbidel
32.Josserva li l-ħtieġa li l-UE żżomm u żżid il-preżenza qawwija tagħha fix-xena globali hija dejjem aktar kruċjali fost kunflitti globali li qed jeskalaw, bidliet ġeopolitiċi u sforzi ta’ influwenza barranija madwar id-dinja, b’mod partikolari billi jitqiesu żviluppi ma’ fornituri globali ewlenin tal-għajnuna; jisħaq li sabiex jinkiseb dan, l-Unjoni teħtieġ finanzjament u riżorsi suffiċjenti biex taġixxi, inkluż biex tirrispondi għal kriżijiet kbar fil-viċinat tagħha u madwar id-dinja, b’mod partikolari fid-dawl tat-tnaqqis f’daqqa fil-finanzjament internazzjonali; jisħaq fuq l-importanza tal-programm ta’ għajnuna umanitarja u jesprimi dispjaċir għall-fatt li r-riżorsi mhumiex qed jiżdiedu bil-pass mal-ħtiġijiet li laħqu livelli rekord; jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur umanitarju ewlieni filwaqt li jiġu indirizzati b’mod effettiv il-kriżijiet emerġenti, b’mod partikolari fir-reġjuni li qed jiffaċċjaw kunflitti fit-tul, spostament, insigurtà tal-ikel u diżastri naturali; jenfasizza li l-Unjoni tirrikjedi wkoll riżorsi suffiċjenti għal investimenti fit-tul fil-bini ta’ sħubijiet globali, u jirrimarka dwar l-importanza tal-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi mhux tal-UE fil-programmi tal-Unjoni, fejn xieraq;
33.Jissottolinja li l-ambjent tas-sigurtà tal-UE nbidel b’mod drammatiku wara l-gwerra ta’ aggressjoni illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u bidliet mhux prevedibbli fil-politiki tal-alleati prinċipali tagħha; ifakkar fl-importanza li tissaħħaħ is-sikurezza taċ-ċittadini u li tinkiseb effiċjenza fil-qasam tad-difiża u fl-awtonomija strateġika, permezz ta’ approċċ komprensiv għas-sigurtà li jkopri l-kapaċitajiet militari u ċivili, ir-relazzjonijiet esterni u s-sigurtà interna; jisħaq fuq l-importanza tal-Fond għas-Sigurtà Interna biex jiġi żgurat finanzjament biex jiġu indirizzati livelli ogħla ta’ kriminalità organizzata serja b’dimensjoni transfruntiera u ċ-ċiberkriminalità; jirrikonoxxi l-pressjoni li ż-żieda fl-infiq għad-difiża tirrappreżenta għall-baġits nazzjonali tal-Istati Membri; jisħaq fuq l-importanza li l-Istati Membri jqawwu l-isforzi tagħhom u jżidu l-finanzjament għall-kapaċitajiet ta’ difiża tagħhom, b’mod konsistenti u komplementari f’konformità mal-linja gwida tan-NATO;
34.Jisħaq li, lil hinn mis-sagrifiċċji enormi tal-poplu tal-Ukrajna biex jirreżisti l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja għas-sigurtà Ewropea komuni tagħna, din il-gwerra kellha wkoll konsegwenzi ekonomiċi u soċjali sostanzjali għan-nies madwar l-Ewropa; ifakkar li ċerti Stati Membri, b’mod partikolari dawk bi fruntiera tal-art mar-Russja u/jew l-Belarussja fir-reġjun Baltiku, u l-Istati Membri l-aktar esposti, kif ukoll setturi vulnerabbli tal-ekonomija, għadhom partikolarment esposti għall-konsegwenzi tal-gwerra u jistħoqqilhom appoġġ f’oqsma bħall-agrikoltura, l-infrastruttura u l-mobbiltà militari, fl-ispirtu tas-solidarjetà tal-UE;
35.Itenni bil-qawwa l-appoġġ sħiħ tiegħu u mingħajr kundizzjonijiet għall-Ukrajna fil-ġlieda tagħha għal-libertà u d-demokrazija tagħha kontra l-aggressjoni Russa, hekk kif il-gwerra fit-territorju tagħha qabżet it-tliet snin; jissottolinja l-ħtieġa kontinwa għal livelli għoljin ta’ finanzjament, inkluż f’għajnuna umanitarja, u għal tiswijiet fl-infrastruttura kritika, u għal kapaċità mtejba tul il-korsiji ta’ solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna; jilqa’ l-intenzjoni mġedda u msaħħa tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jaħdmu b’mod magħqud biex jindirizzaw il-ħtiġijiet urġenti ta’ difiża tal-Ukrajna u biex jappoġġjaw aktar l-ekonomija Ukrena billi jipprovdu appoġġ finanzjarju regolari u prevedibbli u jiffaċilitaw l-opportunitajiet ta’ investiment; jilqa’ l-ftehim mal-Kunsill dwar l-assistenza makrofinanzjarja għall-Ukrajna sa EUR35biljun, bl-użu tar-rikavati tal-assi Russi ffriżati permezz tal-Mekkaniżmu l-ġdid ta’ Kooperazzjoni ta’ Self għall-Ukrajna, sabiex jiġu appoġġjati l-irkupru, ir-rikostruzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-Ukrajna, kif ukoll biex jitrawwem il-progress tal-Ukrajna fi triqitha lejn l-adeżjoni mal-UE; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat l-obbligu ta’ rendikont fir-rigward tad-delitti internazzjonali l-aktar serji;
36.Jinsisti dwar il-benefiċċji tal-fondi ta’ qabel l-adeżjoni, kemm għall-pajjiżi tat-tkabbir, kif ukoll għall-UE nnifisha, peress li l-finanzjament joħloq aktar stabbiltà fir-reġjun; jilqa’ l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Tkabbir għall-Balkani tal-Punent biex tiġi appoġġjata aktar il-konverġenza ekonomika tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mas-suq uniku tal-UE permezz tal-investiment u t-tkabbir fir-reġjun; jinsisti fuq il-ħtieġa li jintużaw il-fondi meħtieġa biex jiġi appoġġjat il-proċess ta’ adeżjoni tal-Moldova, f’konformità mal-impenn tal-UE għat-tkabbir u l-istabbiltà reġjonali; jissottolinja r-rwol tal-Faċilità għar-Riforma u t-Tkabbir għar-Repubblika tal-Moldova u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati riżorsi finanzjarji suffiċjenti għall-implimentazzjoni sħiħa tagħha; jissottolinja l-importanza ta’ appoġġ sostnut għall-pajjiżi kandidati fl-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa relatati mal-adeżjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-istat tad-dritt u d-demokrazija u dawk li jiġġieldu l-korruzzjoni, u fit-tisħiħ tar-reżiljenza tagħhom u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-theddid ibridu; jistieden lill-Kummissjoni talloka finanzjament addizzjonali biex tappoġġja lis-soċjetà ċivili u lill-organizzazzjonijiet tal-media indipendenti u lill-ġurnalisti;
37.Jissottolinja, barra minn hekk, li l-Politika Ewropea tal-Viċinat, jiġifieri s-Sħubijiet tal-Lvant u tan-Nofsinhar tagħha, tikkontribwixxi għall-għan ġenerali li jiżdiedu l-istabbiltà, il-prosperità u r-reżiljenza tal-ġirien tal-UE u b’hekk tiżdied is-sigurtà tal-kontinent tagħna; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza li jissaħħu l-linji baġitarji tal-Viċinat tan-Nofsinhar u tal-Lvant sabiex jiġu appoġġjati r-riformi politiċi, ekonomiċi u soċjali fir-reġjuni, jiġu ffaċilitati l-proċessi ta’ paċi u r-rikostruzzjoni u tingħata assistenza lir-rifuġjati, b’mod partikolari permezz ta’ finanzjament kontinwu, imsaħħaħ u prevedibbli u implimentazzjoni kontinwa fuq il-post; ifakkar li l-UE jeħtiġilha tkompli ttaffi kriżijiet oħra u tassisti lill-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli madwar id-dinja permezz tal-programm ta’ għajnuna umanitarja tagħha, kif ukoll billi żżomm il-pożizzjoni globali tagħha bl-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali għall-appoġġ tal-isfidi globali u għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet u tad-demokrazija, kif ukoll għall-bini tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u għat-twettiq tal-impenji internazzjonali tal-Unjoni dwar il-klima u l-bijodiversità, fi ħdan sistema komprensiva ta’ monitoraġġ u kontroll;
Kwistjonijiet trażversali fil-baġit 2026
38.Jissottolinja li l-ħlas lura tal-kostijiet tat-teħid b’self tal-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru (EURI) huwa obbligu legali għall-UE u għalhekk mhux diskrezzjonarju; jinnota li l-kostijiet tat-teħid b’self jiddependu fuq il-pass tal-iżborżi fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), kif ukoll fuq il-fluttwazzjonijiet tas-suq fir-rendimenti tal-bonds u għalhekk huma parzjalment intrinsikament imprevedibbli u volatili; jinsisti, għalhekk, fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni affidabbli, f’waqtha u preċiża dwar il-kostijiet tat-teħid b’self tan-Next Generation EU (NGEU) u dwar l-iżborżi mistennija tal-RRF matul il-proċedura baġitarja kif ukoll dwar id-diżimpenji disponibbli; jistenna li l-Kummissjoni taġġorna l-previżjoni tad-diżimpenji meta tippreżenta l-abbozz ta’ baġit; ifakkar li t-tliet istituzzjonijiet qablu li l-infiq li jkopri l-kostijiet ta’ finanzjament tal-NGEU irid ikollu l-għan li ma jnaqqasx il-programmi u l-fondi tal-UE;
39.Ifakkar fl-appoġġ tiegħu għall-proposti emendati tal-Kummissjoni għall-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda. jinsab imħasseb ħafna dwar in-nuqqas totali ta’ progress dwar ir-riżorsi proprji l-ġodda fil-Kunsill, b’mod partikolari fid-dawl taż-żieda fl-investiment u l-ħtiġijiet mhux previsti; iqis li l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, f’konformità mal-pjan direzzjonali fil-ftehim interistituzzjonali tal-2020, hija essenzjali biex jiġu koperti l-kostijiet tat-teħid b’self tal-NGEU filwaqt li jiġu protetti l-marġnijiet u l-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà meħtieġa biex jiġu indirizzati dawn il-ħtiġijiet;
40.Jenfasizza għal darb’oħra l-appoġġ sħiħ tal-Parlament għall-politika ta’ koeżjoni u r-rwol ewlieni tiegħu fit-twettiq tal-prijoritajiet tal-politika tal-UE u t-tkabbir ġenerali tiegħu; itenni li l-aħjar valur miżjud tal-politika ta’ koeżjoni għaċ-ċittadini jiddependi fuq l-implimentazzjoni effettiva u f’waqtha tagħha; bl-istess mod, iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi taħt fondi ta’ ġestjoni kondiviża, kif ukoll tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza, sabiex tiġi żgurata eżekuzzjoni baġitarja rapida u jiġu evitati pagamenti b’lura akkumulati fl-aħħar sentejn tal-perjodu tal-QFP, b’mod partikolari permezz ta’ bini ta’ kapaċitajiet addizzjonali u assistenza teknika għall-Istati Membri; jafferma mill-ġdid l-imperattiv ta’ mekkaniżmu robust u trasparenti għall-monitoraġġ preċiż tal-iżborżi lill-benefiċjarji;
41.Jinnota li trid tingħata attenzjoni partikolari liż-żoni rurali u remoti, liż-żoni affettwati mit-tranżizzjoni industrijali, u lir-reġjuni li jbatu minħabba żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħall-gżejjer, ir-reġjuni ultraperiferiċi, transfruntiera u muntanjużi u dawk kollha affettwati minn diżastri naturali; jisħaq li dawn ir-reġjuni għandhom jibbenefikaw minn finanzjament adegwat biex jitpatta għall-karatteristiċi u r-restrizzjonijiet speċjali tas-sitwazzjoni strutturali, soċjali u ekonomika tagħhom, kif imsemmi fl-Artikolu349 tat-TFUE; jisħaq dwar l-importanza vitali tal-programm POSEI biex tinżamm għaddejja l-attività agrikola fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Ewropa u biex l-ikel jitwassal fis-swieq lokali; jappella sabiex il-baġit tal-programm jiżdied biex jirrifletti l-ħtiġijiet reali tal-bdiewa f’dawn ir-reġjuni; jinnota li ma kien hemm l-ebda żieda bħal din mill-2013, minkejja l-fatt li l-bdiewa f’dawn ir-reġjuni jiffaċċjaw kostijiet ogħla tal-produzzjoni minħabba l-inflazzjoni u t-tibdil fil-klima; jisħaq ukoll li l-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej assoċjati mal-UE, kif imsemmi fl-Artikoli 198-204 tat-TFUE, għandhom jibbenefikaw minn finanzjament adegwat għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli tagħhom, fid-dawl tal-importanza ġeopolitika tagħhom għar-rotot tal-kummerċ marittimu globali u sħubijiet ewlenin bħal dawk dwar ktajjen tal-valur sostenibbli tal-materja prima;
42.Itenni li l-programmi, il-politiki u l-attivitajiet tal-UE, fejn rilevanti, għandhom jiġu implimentati b’mod li jippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fit-twettiq tal-objettivi tagħhom; jilqa’ l-ħidma tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri biex jitkejjel b’mod sinifikattiv l-impatt tal-infiq tal-Unjoni fuq il-ġeneru, kif stabbilit fil-ftehim interistituzzjonali;
43.Jieħu nota li l-mira tal-integrazzjoni tat-tibdil fil-klima ta’ 30% hija pproġettata li tintlaħaq bi 33,5% fl-2025, filwaqt li l-mira tal-bijodiversità se tkun anqas minn 8,5% fl-2025, u sakemm ma titteħidx azzjoni ddedikata, il-mira ta’ 10% mhux se tintlaħaq fl-2026; jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ sforzi kontinwi lejn il-kisba tal-miri tal-integrazzjoni tal-klima u tal-bijodiversità stabbiliti fil-ftehim interistituzzjonali fil-baġit tal-Unjoni u l-infiq tal-EURI;
44.Jisħaq li l-baġit tal-Unjoni għall-2026 għandu jkun allinjat mal-ambizzjonijiet tal-Unjoni li ssir newtrali għall-klima sa mhux aktar tard mill-2050, kif ukoll mal-impenji internazzjonali tal-Unjoni, b’mod partikolari skont il-Ftehim ta’ Pariġi u l-Ftehim ta’ Kunming-Montreal, u għandu jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030;
45.Ifakkar li l-implimentazzjoni effettiva tal-programmi tista’ tinkiseb biss bl-appoġġ ta’ amministrazzjoni impenjata; jenfasizza l-ħidma essenzjali mwettqa mill-korpi u mill-aġenziji deċentralizzati u jafferma li dawn irid ikollhom biżżejjed persunal u riżorsi suffiċjenti, filwaqt li titqies l-inflazzjoni, sabiex ikunu jistgħu jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom b’mod effettiv u jikkontribwixxu għall-kisba tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, anke meta jingħataw kompiti u mandati ġodda;
46.Ifakkar li, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju, meta jimplimentaw il-baġit, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jeħtiġilhom jiżguraw konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u jirrispettaw il-valuri tal-Unjoni minquxa fl-Artikolu2 tat-TUE; jissottolinja, b’mod partikolari l-Artikoli137, 138 u 158 tar-Regolament Finanzjarju u jfakkar fl-obbligu tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri li jeskludu mill-fondi tal-Unjoni kwalunkwe persuna jew entità misjuba ħatja b’sentenza finali ta’ reati terroristiċi, kif ukoll sentenzi finali dwar attivitajiet terroristiċi, inċitament, għajnuna, tixwix jew tentattiv li jitwettqu tali reati, korruzzjoni jew reati serji oħra; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu sfruttati l-isforzi fl-indirizzar tal-frodi kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f’dak tal-Istati Membri u għal dan l-għan jiġu żgurati riżorsi finanzjarji u umani xierqa li jkopru l-arkitettura sħiħa tal-Unjoni kontra l-frodi; ifakkar fl-importanza li l-Programm tal-UE Kontra l-Frodi jiġi pprovdut b’riżorsi finanzjarji suffiċjenti;
47.Jissottolinja l-importanza ta’ komunikazzjoni effettiva u l-viżibbiltà tal-politiki u l-programmi tal-UE biex titqajjem kuxjenza dwar il-valur miżjud li l-UE ġġib liċ-ċittadini, lin-negozji u lis-sħab;
o oo
48.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.
Il-Kummissjoni Ewropea: Id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, European economic forecast – Autumn 2024 (It-tbassir ekonomiku Ewropew – Ħarifa 2024), l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2024.
Ir-Regolament (UE) 2024/1359 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/1147, ĠU L, 2024/1359, 22.5.2024, ELI:http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1359/oj.
Ir-Regolament (UE) 2021/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi, bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi, ĠU L 251, 15.7.2021, p. 48, ELI:http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1148/oj.
Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE, ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1, ELI:http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2065/oj.
Ir-Regolament (UE) 2022/1925 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2022 dwar swieq kontestabbli u ġusti fis-settur diġitali u li jemenda d-Direttivi (UE) 2019/1937 u (UE) 2020/1828, ĠU L 265, 12.10.2022, p. 1,ELIhttp://data.europa.eu/eli/reg/2022/1925/oj.
Ir-Regolament (UE) 2024/1689 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 300/2008, (UE) Nru 167/2013, (UE) Nru 168/2013, (UE) 2018/858, (UE) 2018/1139 u (UE) 2019/2144 u d-Direttivi 2014/90/UE, (UE) 2016/797 u (UE) 2020/1828 (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali), ELI:http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1689/oj.
Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni, ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 1, ELI:http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2092/oj.