Ϸվ

Ի徱ċ
ʰċԳپ
Li jmiss
Test sħiħ
Proċedura :
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B9-0347/2020

Testi mressqa :

B9-0347/2020

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV11/11/2020-26

Testi adottati :

P9_TA(2020)0293

Testi adottati
PDF191kWORD54k
L-Erbgħa, 11 ta' Novembru 2020-Brussell
Qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 87460 × MON 89034 x MIR162 x NK603 u l-qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-avvenimenti MON 87427, MON 87460, MON 89034, MIR162 u NK603
P9_TA(2020)0293B9-0347/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Novembru 2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 87460 × MON 89034 x MIR162 x NK603, ikunu jikkonsistu minnu jew li jkunu magħmulin minnu, u l-qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-avvenimenti MON 87427, MON 87460, MON 89034, MIR162 u NK603, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D068778/01 – )

Il-Parlament Ewropew,

–wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MON 87427 × MON 87460 × MON 89034 x MIR162 x NK603, ikunu jikkonsistu minnu jew li jkunu magħmulin minnu, u l-qamħirrum ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-avvenimenti MON 87427, MON 87460, MON 89034, MIR162 u NK603, skont ir-Regolament (KE) Nru1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D068778/01),

–wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22ta'Settembru2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikoli7(3) u 19(3) tiegħu,

–wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmija fl-Artikolu35 tar-Regolament (KE) Nru1829/2003, tal-15ta'Settembru2020, li matulha ma ngħatat ebda opinjoni,

–wara li kkunsidra l-Artikoli11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16ta'Frar2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fit-3ta'Lulju2019, u ppubblikata fit-8ta'Awwissu2019(3),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati ("OĠM")(4),

–wara li kkunsidra l-Artikolu112(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

A.billi, fit-28ta'Ottubru2016, Monsanto Europe S.A./N.V. ressqet, f'isem il-kumpanija Monsanto, l-Istati Uniti, applikazzjoni lill-awtorità nazzjonali kompetenti tan-Netherlands ("l-applikazzjoni") għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li jkun fihom, li jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, qamħirrum ġenetikament modifikat MON87427 × MON87460 × MON89034 × MIR162 × NK603 ("il-qamħirrum ĠM bi trasformazzjoni multipla"), skont l-Artikoli5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru1829/2003;

B.billi l-applikazzjoni tkopri wkoll it-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom jew jikkonsistu minn qamħirrum ĠM bi trasformazzjoni multipla, jew li jikkonsistu minn tali qamħirrum, għal użi oħra għajr l-ikel u l-għalf, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;

C.billi, barra minn hekk, l-applikazzjoni tkopri t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn jew jiġu prodotti minn 25sottokombinazzjoni ta' dawk l-eventi ta' trasformazzjoni uniċi li jikkostitwixxu l-qamħirrum ĠM bi trasformazzjoni multipla;

D.billi 11-ilsottokombinazzjoni tal-qamħirrum ĠM bi trasformazzjoni multipla diġà ġew awtorizzati; billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jkopri l-14-ilsottokombinazzjoni li jifdal;

E.billi l-qamħirrum ĠM bi trasformazzjoni multipla huwa derivat mill-qsim ta' ħames eventi tal-qamħirrum ġenetikament modifikat ("ĠM") (MON87427, MON87460, MON89034, MIR162 u NK603), jagħti tolleranza tripla lill-erbiċidi li fihom il-glifosat u jipproduċi tliet proteini insettiċidi (Cry1A.105, Cry2Ab2 u Vip3Aa20 magħrufa bħala proteini "Bt" jew "Cry") li huma tossiċi għal ċerti larvi ta' pesti lepidopteri (farfett)(5);

F.billi, barra minn hekk, il-qamħirrum ĠM bi trasformazzjoni multipla jesprimi ġene Bacillus subtilis modified CspB li għandu l-għan li jnaqqas it-telf tal-produzzjoni kkawżat mill-istress tan-nixfa; billi l-ġene nptII, li jagħti reżistenza lill-antibijotiċi kanamycin u neomycin, intuża bħala markatur ta' selezzjoni fil-proċess tal-modifikazzjoni ġenetika(6);

G.billi, fit-3ta'Lulju2019, l-EFSA adottat opinjoni favorevoli, li ġiet ippubblikata fit-8ta'Awwissu2019, fir-rigward ta' dik l-applikazzjoni;

H.billi r-Regolament (KE) Nru1829/2003 jiddikjara li ikel jew għalf ĠM ma jridx ikollu effetti negattivi fuq is-saħħa umana, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u jirrikjedi li l-Kummissjoni tqis kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-dritt tal-Unjoni u fatturi leġittimi oħra li jkunu rilevanti għall-kwistjoni li tkun qiegħda tiġi kkunsidrata fl-abbozzar tad-deċiżjoni tagħha;

Kummenti tal-Istati Membri u nuqqas ta' data sperimentali dwar sottokombinazzjonijiet

I.billi l-Istati Membri ressqu bosta kummenti kritiċi lill-EFSA matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur(7); billi dawk il-kummenti kritiċi jinkludu l-kumment li l-interazzjonijiet potenzjali mal-kundizzjonijiet ambjentali, li jistgħu jaffettwaw il-kontenut ta' proteini transġeniċi fil-pjanta, mhumiex ikkunsidrati, li għad fadal mistoqsijiet li għadhom ma ġewx imwieġba dwar is-sikurezza u t-tossiċità possibbli, li l-valutazzjoni tinjora r-residwi tal-erbiċidi u l-metaboliti mill-glifosat kif ukoll tħassib dwar l-użu tal-ġene reżistenti għall-antimikrobiċi NPTII;

J.billi ebda data sperimentali ma kienet ipprovduta mill-applikant għall-14-ilsottokombinazzjoni attwalment mhux awtorizzati tal-qamħirrum ĠM bi trasformazzjoni multipla(8);

Nuqqas ta' valutazzjoni tar-residwi tal-erbiċidi u tal-prodotti ta' dekompożizzjoni

K.billi għadd ta' studji wrew li l-kultivazzjoni ta' għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi twassal għal użu akbar ta' erbiċidi "komplementari", fil-biċċa l-kbira minħabba l-emerġenza ta' ħaxix ħażin tolleranti għall-erbiċidi(9); billi, b'konsegwenza, għandu jkun mistenni li l-qamħirrum ĠM bi trasformazzjoni multipla jkun espost għal dożi kemm ogħla kif ukoll ripetuti ta' glifosat, u li għalhekk il-ħsad jista' jkun fih kwantità ogħla ta' residwi; billi l-qamħirrum ĠM bi trasformazzjoni multipla jesprimi tliet proteini tolleranti għall-glifosat, li jagħmluh aktar tolleranti għal dożi ogħla u bexx ripetut;

L.billi għad hemm dubji dwar il-karċinoġeniċità tal-glifosat; billi, f'Novembru2015, l-EFSA kkonkludiet li l-glifosat x'aktarx mhuwiex karċinoġenu, filwaqt li, f'Marzu2017, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi kkonkludiet li ebda klassifikazzjoni ma kienet ġustifikata; billi, għall-kuntrarju, fl-2015, l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer, l-aġenzija speċjalizzata dwar il-kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, ikklassifikat il-glifosat bħala karċinoġenu possibbli għall-bnedmin;

M.billi fl-opinjoni xjentifika tiegħu tat-3ta'Lulju2019, il-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati (il-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM) jiddikjara li "il-valutazzjoni tar-residwi tal-erbiċidi li huma rilevanti għal din l-applikazzjoni ġiet investigata mill-Unità tal-Pestiċidi tal-EFSA"(10); billi, madankollu, skont opinjoni mill-Unità tal-Pestiċidi tal-EFSA, id-data dwar ir-residwi tal-glifosat għall-qamħirrum ĠM b'modifiki tal-EPSPS(11) mhijiex biżżejjed biex jiġu dderivati l-livelli massimi ta' residwi u l-valuri tal-valutazzjoni tar-riskju(12);

N.billi, skont l-Unità tal-Pestiċidi tal-EFSA, id-data tossikoloġika li tippermetti li ssir valutazzjoni tar-riskju għall-konsumaturi għal diversi prodotti ta' dekompożizzjoni tal-glifosat rilevanti għall-għelejjel ĠM tolleranti għall-glifosat hija nieqsa(13);

O.billi l-valutazzjoni tar-residwi tal-erbiċidi u tal-prodotti ta' dekompożizzjoni tal-erbiċidi, misjuba fi pjanti ĠM, flimkien mal-interazzjoni potenzjali tagħhom mal-proteini Bt, hija kkunsidrata li ma taqax taħt il-kompetenza tal-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM u għalhekk ma ssirx bħala parti mill-proċess ta' awtorizzazzjoni għall-OĠM; billi dan huwa problematiku peress li l-mod kif l-erbiċidi komplementari jiġu diżintegrati mill-pjanta ĠM konċernata, u l-kompożizzjoni u għalhekk it-tossiċità tal-prodotti ta' dekompożizzjoni, jistgħu jiġu stimolati mill-modifika ġenetika nnifisha(14);

P.billi, għalhekk, ma jistax jiġi konkluż li l-konsum ta' qamħirrum ĠM bi trasformazzjoni multipla jew tas-sottokombinazzjonijiet tiegħu huwa sikur għas-saħħa umana u tal-annimali;

Proteini Bt

Q.billi għadd ta' studji juru li ġew osservati effetti kollaterali li jistgħu jaffettwaw is-sistema immunitarja wara esponiment għal proteini Bt u li xi proteini Bt jista' jkollhom karatteristiċi aġġuvanti(15), li jfisser li dawn jistgħu jżidu l-allerġeniċità ta' proteini oħra li jidħlu f'kuntatt magħhom;

R.billi opinjoni tal-minoranza adottata minn membru tal-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM fil-proċess tal-valutazzjoni ta' tip ieħor ta' qamħirrum ĠM bi trasformazzjoni multipla u s-sottokombinazzjonijiet tiegħu kkonstatat li, filwaqt li effetti mhux intenzjonati fuq is-sistema immunitarja qatt ma ġew identifikati fl-ebda applikazzjoni li fiha huma espressi proteini Bt, dawn "ma setgħux jiġu osservati mill-istudji tossikoloġiċi [...] rakkomandati attwalment u mwettqa għall-valutazzjoni tas-sikurezza ta' pjanti ĠM fl-EFSA minħabba li ma jinkludux it-testijiet xierqa għal dan l-iskop"(16);

S.billi studju riċenti wera li żieda rapida fl-użu ta' trattamenti taż-żrieragħ neonikotinojdi fl-Istati Uniti hija assoċjata maż-żieda ta' tħawwil ta' qamħirrum Bt ĠM(17); billi l-Unjoni pprojbiet l-użu fuq barra ta' tliet neonikotinojdi, inkluż bħala kisjiet taż-żrieragħ, minħabba l-impatt tagħhom fuq in-naħal tal-għasel u dakkara oħra(18);

L-inklużjoni ta' ġene markatur tar-reżistenza għall-antibijotiċi

T.billi l-qamħirrum ĠM bi trasformazzjoni multipla jipproduċi l-proteina NPTII li tagħti reżistenza għal firxa ta' antibijotiċi inklużi neomycin u kanamycin li huma kklassifikati mid-WHO bħala "ta' importanza kritika għall-użu mill-bniedem u veterinarju''(19); billi NPTII intużat bħala markatur biex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-għażla ta' ċelloli trasformati;

U.billi l-Artikolu4(2) tad-Direttiva2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(20) jirrikjedi li l-OĠM li jkun fihom ġeni li jesprimu reżistenza għall-antibijotiċi li huma użati għat-trattament mediku jew veterinarju jitqiesu b'mod partikolari meta titwettaq valutazzjoni tar-riskju ambjentali u li l-għan ġenerali huwa li jiġu identifikati u eliminati b'mod gradwali l-ġeni li jimmarkaw ir-reżistenza għall-antibijotiċi OĠM (ARMGs) li jaf ikollhom effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjent;

V.billi l-premessa17 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru503/2013(21) tgħid li "issa huwa possibbli li jkunu żviluppati OĠM mingħajr l-użu ta' markatur ġenetiku għar-reżistenza antibijotika [...] l-applikant għandu għalhekk jimmira li jiżviluppa OĠM mingħajr l-użu ta' markatur ġenetiku għar-reżistenza antibijotika";

W.billi l-Awstrija formalment oġġezzjonat għat-tqegħid fis-suq ta' qamħirrum ĠM bi trasformazzjoni multipla minħabba l-inklużjoni tal-NPTII, "li jista' jiffaċilita t-tixrid ta' reżistenza għall-antimikrobiċi fil-batterji tal-ħamrija u fil-musrana", u "[f]ilwaqt li titqies il-kriżi attwali fir-reżistenza għall-antibijotiċi", l-Awstrija "ma tistax tappoġġja l-aliminentazzjoni intenzjonata tal-ġabra tal-ġeni li jikkawżaw reżistenza għall-antibijotiċi ambjentali minn dan il-prodott"; billi l-Awstrija qiegħda tgħid li "[b]illi ma neħħiex dan il-ġene li jikkawża reżistenza mill-prodott ikkummerċjalizzat – għalkemm teknikament possibbli [...] - l-applikant qed jikser ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni [(UE) Nru503/2013] dwar l-"inserzjoni ta' ġeni markaturi u sekwenzi ta' aċidu/aċidi nuklejku/nuklejċi oħra li mhumiex essenzjali biex jinkiseb il-karattru mixtieq" u d-Direttiva2001/18/KE dwar it-tneħħija gradwali ta' ġeni li jikkawżaw reżistenza għall-antibijotiċi"(22);

Il-karattru tan-nixfa

X.billi l-qamħirrum ĠM bi trasformazzjoni multipla jesprimi l-ġene Bacillus subtilis modified CspB, li jgħin biex jitnaqqas it-telf tal-produzzjoni kkawżat minn stress tan-nixfa; billi, madankollu, ma saret l-ebda prova fuq il-post tal-qamħirrum ĠM bi trasformazzjoni multipla f'kundizzjonijiet ta' nixfa; billi, madankollu, il-kundizzjonijiet ta' stress, bħan-nixfa, x'aktarx li jkollhom impatt fuq il-kompożizzjoni tal-pjanti u l-karatteristiċi bijoloġiċi kruċjali għall-valutazzjoni tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf;

Proċess deċiżjonali mhux demokratiku

Y.billi l-votazzjoni fil-15ta'Settembru2020 tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu35 tar-Regolament (KE) Nru1829/2003 ma tat ebda opinjoni, li jfisser li l-awtorizzazzjoni ma kinitx appoġġjata minn maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri;

Z.billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-fatt li d-deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni tal-OĠM għadhom jiġu adottati mill-Kummissjoni mingħajr maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri favur, li huwa verament l-eċċezzjoni għall-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti b'mod ġenerali iżda sar in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjonijiet ta' ikel u għalf ĠM, huwa problematiku;

AA.billi, fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta total ta' 36riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għat-tqegħid fis-suq tal-OĠM għall-ikel u għall-għalf (33riżoluzzjoni) u għall-kultivazzjoni tal-OĠM fl-Unjoni (tlietriżoluzzjonijiet); billi, sal-lum, il-Parlament adotta tmien oġġezzjonijiet fid-disa' leġiżlatura tiegħu; billi ma kienx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur l-awtorizzazzjoni ta' kwalunkwe wieħed minn dawk l-OĠM; billi minkejja r-rikonoxximent tagħha stess tan-nuqqasijiet demokratiċi, tan-nuqqas ta' appoġġ mill-Istati Membri u tal-oġġezzjonijiet tal-Parlament, il-Kummissjoni qiegħda tkompli tawtorizza l-OĠM;

AB.billi, skont ir-Regolament (UE) Nru182/2011, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li ma tawtorizzax OĠM meta ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur il-Kumitat ta' Appell(23); billi f'dan ir-rigward m'hemm bżonn tal-ebda bidla fil-liġi;

1.Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru1829/2003;

2.Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhuwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(24), huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward tal-ikel u l-għalf ĠM, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benesseri tal-annimali, u l-interessi tal-ambjent u tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;

3.Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

4.Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni, f'ittra tal-11ta'Settembru2020 lill-Membri, finalment irrikonoxxiet il-ħtieġa li titqies is-sostenibbiltà f'dak li għandu x'jaqsam mad-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni dwar l-OĠM(25); jesprimi, madankollu, id-diżappunt qawwi tiegħu li fit-28ta'Settembru2020, il-Kummissjoni awtorizzat fażola tas-sojja ĠM oħra biex tiġi importata(26) minkejja oġġezzjoni mill-Parlament u l-vot kontra tal-maġġoranza tal-Istati Membri;

5.Jistieden lill-Kummissjoni timxi 'l quddiem bl-akbar urġenza rigward l-iżvilupp ta' kriterji ta' sostenibbiltà, bl-involviment sħiħ tal-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar kif se jitwettaq dan il-proċess u f'liema perjodu ta' żmien;

6.Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, għal darb'oħra, tqis l-obbligi tal-Unjoni skont ftehimiet internazzjonali, bħall-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima, il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU;

7.Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tieqaf tawtorizza OĠM, kemm jekk għall-kultivazzjoni kif ukoll jekk għall-użu fl-ikel u fl-għalf, meta ma tingħata l-ebda opinjoni mill-Istati Membri fil-Kumitat ta' Appell, skont l-Artikolu6(3) tar-Regolament (UE) Nru182/2011;

8.Itenni l-appelli tiegħu lill-Kummissjoni biex ma tawtorizzax għelejjel ĠM tolleranti għall-erbiċidi sakemm ir-riskji għas-saħħa assoċjati mar-residwi jkunu ġew investigati b'mod komprensiv fuq bażi ta' każ b'każ, li jirrikjedi valutazzjoni sħiħa tar-residwi mill-bexx ta' dawn l-għelejjel ĠM b'erbiċidi komplementari, valutazzjoni tal-prodotti ta' dekompożizzjoni tal-erbiċidi u kwalunkwe effett kombinatorju;

9.Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tintegra bis-sħiħ il-valutazzjoni tar-riskju tal-applikazzjoni tal-erbiċidi komplementari u r-residwi tagħhom fil-valutazzjoni tar-riskju tal-pjanti ĠM tolleranti għall-erbiċidi, irrispettivament minn jekk il-pjanta ĠM tkunx maħsuba għall-kultivazzjoni fl-Unjoni jew għall-importazzjoni fl-Unjoni biex tintuża għall-ikel u l-għalf;

10.Jistieden lill-Kummissjoni ma tawtorizza ebda sottokombinazzjoni ta' eventi ĠM bi trasformazzjoni multipla sakemm dawn ma jkunux ġew evalwati bir-reqqa mill-EFSA abbażi ta' data kompleta mressqa mill-applikant;

11.Iqis, b'mod aktar speċifiku, li l-approvazzjoni ta' varjetajiet ta' għelejjel ĠM li għalihom ma ġiet ipprovduta ebda data dwar is-sikurezza, li lanqas ġew ittestjati, jew li lanqas biss ġew maħluqa, tmur kontra l-prinċipji tal-liġi ġenerali dwar l-ikel, kif stabbilita fir-Regolament (KE) Nru178/2002;

12.Jistieden lill-EFSA tkompli tiżviluppa u tuża b'mod sistematiku metodi li jippermettu l-identifikazzjoni tal-effetti mhux maħsuba tal-eventi ĠM bi trasformazzjoni multipla, bħal fir-rigward tal-karatteristiċi aġġuvanti tat-tossini Bt;

13.Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex ma tawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-ebda pjanta ĠM li jkun fiha ġeni li jagħtu reżistenza antimikrobika; jinnota li l-awtorizzazzjoni tikser l-Artikolu4(2) tad-Direttiva2001/18/KE li jitlob li jitneħħew gradwalment l-ARMGs tal-OĠM li jista' jkollhom effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem jew fuq l-ambjwent;

14.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L268, 18.10.2003, p.1.
(2) ĠU L55, 28.2.2011, p.13.
(3) Opinjoni Xjentifika tal-Bord tal-EFSA dwar l-Organiżmi Ġenetikament Modifikati dwar il-valutazzjoni tal-qamħirrum ġenetikament modifikat MON87427 × MON87460 × MON89034 × MIR162 × NK603 u s-sottokombinazzjonijiet għall-użi ta' ikel u għalf, skont ir-Regolament (KE) Nru1829/2003 (l-applikazzjoni EFSA-GMO-NL-2016-134), Ġurnal tal-EFSA2019;17(8):5774, https://doi.org/10.2903/j.efsa.2019.5774
(4)–––––––– Fit-tmien leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta 36riżoluzzjoni li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni tal-OĠM. Barra minn hekk, fid-disa' leġiżlatura tiegħu, il-Parlament adotta r-riżoluzzjonijiet li ġejjin:Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10ta'Ottubru2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat MZHG0JG (SYN-ØØØJG-2), li jikkonsistu minnu jew li huma prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0028).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10ta'Ottubru2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn fażola tas-sojja ġenetikament modifikata A2704-12 (ACS-GMØØ5-3) skont ir-Regolament (KE) Nru1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0029).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10ta'Ottubru2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat MON89034 × 1507 × MON88017 × 59122 × DAS-40278-9, u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina żewġ, tlieta jew erba' mill-eventi uniċi MON89034, 1507, MON88017, 59122 u DAS-40278-9 skont ir-Regolament (KE) Nru1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0030).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14ta'Novembru2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti minn qoton ġenetikament modifikat LLCotton25 (ACS-GHØØ1-3) skont ir-Regolament (KE) Nru1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0054).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14ta'Novembru2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON89788 (MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0055).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14ta'Novembru2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat MON89034 × 1507 × NK603 × DAS-40278-9 u s-subkombinazzjonijiet MON89034 × NK603 × DAS-40278-9, 1507 × NK603 × DAS-40278-9 u NK603 × DAS-40278-9 skont ir-Regolament (KE) Nru1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0056).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14ta'Novembru2019 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × MIR162 × MIR604 × 1507 × 5307 × GA21, li jikkonsistu minn tali qamħirrum jew li huma prodotti minnu u qamħirrum ġenetikament modifikat li jikkombina tnejn, tlieta, erbgħa jew ħamsa mill-eventi uniċi Bt11, MIR162, MIR604, 1507, 5307 u GA21 skont ir-Regolament (KE) Nru1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2019)0057).Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14ta'Mejju2020 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikat ġenetikament MON87708 × MON89788 × A5547-127, skont ir-Regolament (KE) Nru1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Testi adottati, P9_TA(2020)0069).
(5) Opinjoni tal-EFSA, p. 12.
(6) Opinjoni tal-EFSA, p. 12.
(7) Kummenti tal-Istati Membri: http://registerofquestions.efsa.europa.eu/roqFrontend/questionLoader?question=EFSA-Q-2016-00686
(8) Opinjoni tal-EFSA, p.4.
(9) Ara, pereżempju, Bonny, S., "Genetically Modified Herbicide-Tolerant Crops, Weeds, and Herbicides: Overview and Impact" (Uċuħ tar-Raba', Ħaxix Ħażin u Erbiċidi Tolleranti għall-Erbiċidi Modifikati Ġenetikament: Ħarsa Ġenerali u Impatt), Environmental Management, Jannar2016, 57(1), pp. 31-48, https://www.ncbi.nlm.nih.gov/pubmed/26296738 u Benbrook, C.M., "Impacts of genetically engineered crops on pesticide use in the U.S. - the first sixteen years" (Impatti ta' għelejjel modifikati bl-inġinerija ġenetika fuq l-użu tal-pestiċidi fl-Istati Uniti - l-ewwel sittax-ilsena), Environmental Sciences Europe 24, 24 (2012), https://enveurope.springeropen.com/articles/10.1186/2190-4715-24-24, u Schütte, G., Eckerstorfer, M., Rastelli, V. et al., "Herbicide resistance and biodiversity: agronomic and environmental aspects of genetically modified herbicide-resistant plants" (Reżistenza għall-erbiċidi u l-bijodiversità: aspetti agronomiċi u ambjentali ta' pjanti reżistenti għall-erbiċidi ġenetikament modifikati), Environmental Sciences Europe 29, 5 (2017), https://enveurope.springeropen.com/articles/10.1186/s12302-016-0100-y
(10) Opinjoni tal-EFSA, p.9.
(11) Il-qamħirrum ĠM bi trasformazzjoni multipla fih modifika tal-EPSPS.
(12) Rieżami tal-EFSA tal-livelli massimi ta' residwi eżistenti għall-glifosat skont l-Artikolu12 tar-Regolament (KE) Nru396/2005 – verżjoni riveduta li għandha tqis id-data nieqsa. Ġurnal tal-EFSA 2019;17(10):5862, p. 4, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/full/10.2903/j.efsa.2019.5862
(13) Konklużjoni tal-EFSA dwar ir-rieżami bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċidi tas-sustanza attiva glifosat, Ġurnal tal-EFSA2015; 13(11):4302, p. 3, https://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal/pub/4302
(14) Dan huwa fil-fatt il-każ għall-glifosat, kif iddikjarat fir-Rieżami tal-EFSA tal-livelli massimi ta' residwi eżistenti għall-glifosat skont l-Artikolu12 tar-Regolament (KE) Nru396/2005, Ġurnal tal-EFSA2018;16(5):5263, p.12, https://www.efsa.europa.eu/fr/efsajournal/pub/5263
(15) Għal rieżami, ara Rubio-Infante, N., & Moreno-Fierros, L., "An overview of the safety and biological effects of Bacillus thuringiensis Cry toxins in mammals" (Ħarsa ġenerali lejn is-sikurezza u l-effetti bijoloġiċi tat-tossini Cry ta' Bacillus thuringiensis fil-mammiferi), Journal of Applied Toxicology, Mejju2016, 36(5): pp. 630-648, http://onlinelibrary.wiley.com/doi/10.1002/jat.3252/full
(16) "Application EFSA-GMO-DE-2010-86 (Bt11 x MIR162 x 1507 x GA21 maize and three sub combinations independently of their origin)" (Applikazzjoni EFSA-GMO-DE-2010-86 (Qamħirrum Bt11 x MIR162 x 1507 x GA21 u tliet sottokombinazzjonijiet irrispettivament mill-oriġini tagħhom)) Opinjoni tal-Minoranza, Wal, J.M., Membru tal-Bord tal-EFSA dwar l-OĠM, Ġurnal tal-EFSA2018;16(7):5309, p. 34, https://efsa.onlinelibrary.wiley.com/doi/epdf/10.2903/j.efsa.2018.5309
(17) Douglas, M.R., Tooker, J.F., "Large-Scale Deployment of Seed Treatments Has Driven Rapid Increase in Use of Neonicotinoid Insecticides and Preemptive Pest Management in U.S. Field Crops" (L-Użu fuq Skala Kbira ta' Trattamenti taż-Żrieragħ Wassal għal Żieda Rapida fl-Użu ta' Insettiċidi Neonikotinojdi u Ġestjoni tal-Pesti Preventiva f'Uċuħ tar-Raba' fl-Istati Uniti), Environmental Science and Technology 2015, 49, 8, 5088-5097, https://pubs.acs.org/doi/10.1021/es506141g
(18) Neonicotinoids, https://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/approval_active_substances/approval_renewal/neonicotinoids_en
(19) http://apps.who.int/iris/bitstream/handle/10665/255027/9789241512220-eng.pdf;jsessionid=11933F77EEEE4D6E7BD574889996C4E6?sequence=1, p. 21.
(20) Id-Direttiva2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12ta'Marzu2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta' organiżmi ġenetikament modifikati u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill90/220/KEE (ĠU L106, 17.4.2001, p.1).
(21) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru503/2013 tat-3ta'April2013 dwar applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' ikel u għalf ġenetikament modifikat skont ir-Regolament (KE) Nru1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jemendaw ir-Regolamenti (KE) Nru641/2004 u (KE) Nru1981/2006 (ĠUL157, 8.6.2013, p.1).
(22) Rapport fil-qosor tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, Taqsima Ikel u Għalf Ġenetikament Modifikati, 15ta'Settembru2020, https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/plant/docs/sc_modif-genet_20200915_sum.pdf
(23) Il-Kummissjoni "tista'", u mhux "għandha", tmexxi bl-awtorizzazzjoni jekk ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta' Stati Membri favur fil-Kumitat tal-Appell skont l-Artikolu6(3) tar-Regolament (UE) Nru182/2011.
(24) Ir-Regolament (KE) Nru178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28ta'Jannar2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L31, 1.2.2002, p.1).
(25) https://tillymetz.lu/wp-content/uploads/2020/09/Co-signed-letter-MEP-Metz.pdf
(26) MON 87708 × MON 89788 × A5547-127, https://webgate.ec.europa.eu/dyna/gm_register/gm_register_auth.cfm?pr_id=100

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' Awwissu 2023Avviż legali-Politika tal-privatezza