Damas de Blanco – 2005, Kuba

Id-Damas ingħaqdu spontanjament f'Kuba fl-2003 b'reazzjoni għall-priġunerija ta' 75 persuna - żwieġhom jew qrabathom - waqt ir-Rebbiegħa s-Sewda ta' Kuba, żmien ta' trażżin qawwi tal-attivisti tad-demokrazija min-naħa tar-reġim Kuban. Huma mxew fit-toroq u kitbu ħafna ittri lill-awtoritajiet Kubani, fejn talbu li jiġu meħlusa l-priġunieri, iżda ma rċevew l-ebda tweġiba. Id-Damas ma qatgħux qalbhom, u l-protesti persistenti tagħhom taw il-frott, għax il-priġunieri kollha tar-Rebbiegħa s-Sewda nħelsu sal-2011.
Id-Damas qalbiena komplew bil-ġlieda tagħhom għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem f'Kuba, u huma l-uniku grupp fil-pajjiż li hu permess jagħmel mixjiet kull ġimgħa f'żona speċifika. In-nisa lebsin l-abjad, iġorru ritratti tal-maħbubin tagħhom li huma vittmi ta' ripressjoni f'Kuba, u l-gladjoli, li huma simbolu tal-paċi, jimxu tul il-Ħames Vjal ta' Miramar f'Ħavana kull nhar ta' Ħadd wara l-quddies fil-Knisja ta' Santa Rita, siekta u sodi fil-konfront tat-theddid, insulti, attakki u arresti frekwenti.
Fl-2013, id-Damas setgħu finalment jilqgħu personalment il-Premju Sakharov li ngħata lilhom fl-2005. Il-President Berta Soler, u r-rappreżentanti Belkis Cantillo Ramirez u Laura Maria Labrada Pollán, bint il-maħbuba kofundatriċi tad-Damas, Laura Pollán, li mietet fl-2011, tħallew joħorġu minn Kuba u jindirizzaw il-Parlament Ewropew, li rrikonoxxa l-qlubija tagħhom u l-impenn tagħhom favur il-kawża tad-drittijiet tal-bniedem. Berta Soler irreferiet għall-Premju Sakharov bħala "tarka" li kellha tipproteġi lid-Damas wara r-ritorn tagħhom f'Kuba.
Ftit wara ċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Sakharov, id-Damas u xi dissidenti oħrajn, inkluż ir-rebbieħ tal-2010 Guillermo Fariñas, ħolqu l-Pjattaforma Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem f'Kuba.
Berta Soler, li rrappreżentat lid-Damas fil-Parlament Ewropew u f'avvenimenti tan-Netwerk tal-Premju Sakharov, konsistentement talbet lill-UE biex tagħmel id-drittijiet tal-bniedem kundizzjoni ta' kwalunkwe ftehim ma' Kuba.
Id-Damas għadu ikunu soġġetti għal detenzjoni, xebgħat u tortura, u huma fost il-gruppi l-aktar fil-mira tar-ripressjoni min-naħa tal-awtoritajiet Kubani. Fl-isfond tal-bidla fit-tmexxija ta' Kuba f'April 2018, id-Damas kienu soġġetti għal mewġa ġdida ta' ripressjoni, li laħqet il-qofol tagħha f'għexieren ta' detenzjonijiet u saħansitra priġunerija fil-każ ta' mill-inqas tnejn mill-membri tal-organizzazzjoni. Fl-2018, Berta Soler inżammet milli tattendi diversi avvenimenti organizzati mill-Parlament Ewropew, fosthom il-konferenza tat-30 anniversarju tal-Premju Sakharov.