MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar it-tkomplija tal-appoġġ sod tal-UE għall-Ukrajna, wara tliet snin ta’ gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja
7.3.2025-()
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura
Villy Søvndal, Sergey Lagodinsky, Maria Ohisalo, Ville Niinistö, Virginijus Sinkevičius, Nicolae Ştefănuță, Mounir Satouri, Markéta Gregorová, Tilly Metz
f’isem il-Grupp Verts/ALE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuniRC-B10-0156/2025
10‑0159/2025
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tkomplija tal-appoġġ sod tal-UE għall-Ukrajna, wara tliet snin ta’ gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja
()
Il-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u r-Russja,
–wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Konvenzjonijiet ta’ The Hague, il-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra u l-protokolli addizzjonali tagħhom, u l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,
–wara li kkunsidra l-Memorandum dwar il-garanziji ta’ sigurtà b’rabta mal-adeżjoni tal-Ukrajna mat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari, iffirmat f’Budapest fil-5 ta’ Diċembru 1994,
–wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2024,
–wara li kkunsidra l-Ftehim tal-2006 bejn il-Qorti Kriminali Internazzjonali u l-Unjoni Ewropea dwar kooperazzjoni u assistenza[1],
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-2 ta’ Novembru 2022 bit-titolu “Report of the International Criminal Court” (Rapport tal-Qorti Kriminali Internazzjonali), tal-14 ta’ Novembru 2022 bit-titolu “Furtherance of remedy and reparation for aggression against Ukraine” (Progress fir-rigward tar-rimedju u r-riparazzjoni minħabba l-aggressjoni kontra l-Ukrajna), tat-23 ta’ Frar 2023 bit-titolu “Principles of the Charter of the United Nations underlying a comprehensive, just and lasting peace in Ukraine” (Il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti sottostanti għal paċi komprensiva, ġusta u dejjiema fl-Ukrajna), u tal-24 ta’ Frar 2025 bit-titolu “Advancing a comprehensive, fair and lasting peace in Ukraine” (Nimxu lejn paċi komprensiva, ġusta u dejjiema fl-Ukrajna);
–wara li kkunsidra r-rapport tal-25 ta’ Frar 2025 mill-Bank Dinji, mill-Gvern tal-Ukrajna, mill-Kummissjoni Ewropea u min-Nazzjonijiet Uniti bit-titolu “Ukraine - Fourth Rapid Damage and Needs Assessment (RDNA4) February 2022 – December 2024” (L-Ukrajna - Ir-Raba’ Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u l-Ħtiġijiet (RDNA4) Frar 2022 – Diċembru 2024),
–wara li kkunsidra l-Artikolu136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A.billi tliet snin ilu, fl-24 ta’ Frar 2022, il-Federazzjoni Russa bdiet gwerra ta’ aggressjoni mhux ipprovokata, inġustifikata u illegali kontra l-Ukrajna; billi l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna bdiet fl-2014 bl-okkupazzjoni ta’ partijiet mir-reġjun ta’ Donbas u bl-okkupazzjoni u l-annessjoni tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea tal-Ukrajna;
B.billi minn dak iż-żmien ’l hawn, il-forzi Russi komplew iwettqu u żiedu l-attakki indiskriminati kontra ż-żoni residenzjali u l-infrastruttura ċivili; billi matul l-2024 komplew għaddejjin il-bumbardamenti qawwija u intensi flimkien mal-ġlied fuq l-art; billi n-NU kkonfermaw li minn Frar 2022 ’l hawn sfaw maqtula aktar minn 12500persuna ċivili, inklużi mijiet ta’ tfal; billi n-numru reali ta’ mwiet ta’ persuni ċivili huwa stmat għal għexieren ta’ eluf; billi ħafna aktar persuni ċivili sfaw midruba, ġew ittorturati, “riedukati” bil-forza, iffastidjati, stuprati, maħtufa jew spostati b’mod furzat; billi din l-imġiba inumana mir-reġim tal-Kremlin u l-forzi Russi u mill-forzi bi prokura tagħhom tinjora għal kollox id-dritt umanitarju internazzjonali;
C.billi miljuni ta’ Ukreni qed ikomplu jiġu spostati ġewwa u barra mill-Ukrajna, wara li ħarbu mill-aggressjoni tar-Russja; billi d-djar, l-iskejjel u l-isptarijiet, speċjalment qrib il-frontlines, għadhom qed jiġu bbumbardjati kuljum; billi minn Frar 2022 ’l hawn madwar 1.6miljun individwu, ħafna minnhom anzjani, irritornaw fiż-żoni mal-frontlines; billi, sa mill-2025, 70% mill-unitajiet domestiċi li jinsabu mal-frontlines jeħtieġu assistenza fir-rigward ta’ ikel u ilma u 69% minnhom jeħtieġu mediċina;
D.billi l-awtoritajiet Ukreni jistmaw li, minn meta bdiet l-invażjoni fuq skala sħiħa fi Frar 2022, mill-inqas 19546 tifel u tifla Ukreni ġew deportati u spostati bil-forza minn djarhom lejn ir-Russja u t-territorji okkupati mir-Russja; billi ħafna mit-tfal maħtufa rrapportaw li ġarrbu abbuż fiżiku u mentali biex titneħħilhom l-identità Ukrena tagħhom;
E.billi mill-bidu tal-invażjoni fuq skala sħiħa, l-armata Russa wettqet aktar minn 6500 reat kontra l-ambjent fl-Ukrajna, bi spiża stmata ta’ USD71biljun; billi l-ekoċidju huwa tattika li teqred l-art u l-abitabbiltà tal-pajjiż u l-kapaċità tal-ġenerazzjonijiet futuri li jirnexxu u jkollhom suċċess;
F.billi l-aħħar rapport ta’ Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u l-Ħtiġijiet jistma li, sa minn Diċembru 2024, il-kost totali tar-rikostruzzjoni u l-irkupru fl-Ukrajna se jkun mill-inqas EUR506biljun matul id-deċennju li ġej, li huwa 2,8darbiet il-prodott domestiku gross nominali stmat tal-Ukrajna għall-2024; billi għad hemm diskrepanza fil-finanzjament totali ta’ EUR9,62biljun għall-ħtiġijiet ta’ rkupru u rikostruzzjoni għall-2025;
G.billi s-16-il pakkett ta’ sanzjonijiet tal-UE ġie adottat fl-24 ta’ Frar 2025; billi n-nuqqas ta’ infurzar tas-sanzjonijiet tal-UE qed ikompli jdgħajjifhom; billi rapporti reċenti jindikaw li, fuq terminu qasir, l-Istati Uniti jistgħu jeżentaw lir-Russja mis-sanzjonijiet;
H.billi l-bidla tal-amministrazzjoni ta’ Trump fil-politika barranija ġiet ikkonfermata fil-Konferenza ta’ Munich dwar is-Sigurtà fi Frar 2025, li tagħmilha ċara li l-Ewropa ma tistax tibqa’ tiddependi fuq l-Istati Uniti biex tiddefendi l-interessi u l-valuri kondiviżi tagħna, inkluż l-appoġġ għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna; billi l-amministrazzjoni ta’ Trump temmet kważi tliet snin ta’ iżolament Russu meta l-President Trump ċempel lill-President Putin fit-12 ta’ Frar 2025 u beda negozjati mar-Russja fl-Arabja Sawdija fit-18 ta’ Frar 2025; billi l-President Trump diġà aċċetta b’mod miftuħ it-talbiet ta’ Putin billi eskluda l-idea li l-Ukrajna tissieħeb man-NATO u ddikjara li t-territorju Ukren okkupat mir-Russja jaf ma jiġix irritornat fi ftehim ta’ paċi; billi l-President Trump ta struzzjonijiet lill-amministrazzjoni tiegħu biex “twaqqaf b’mod temporanju” l-għajnuna militari kollha lill-Ukrajna;
I.billi l-President Trump irrepeta l-gideb dwar il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, inkluż il-fatt li mminimizza l-ħtija tar-Russja talli bdiet il-gwerra u qajjem dubji dwar il-leġittimità demokratika u l-popolarità tal-President Zelenskyy; billi stħarriġ reċenti juri li l-President Zelenskyy igawdi minn klassifikazzjoni tal-approvazzjoni ta’ 57%; billi l-liġijiet marzjali tal-Ukrajna ġew abbozzati fl-2015, qabel il-presidenza ta’ Zelenskyy, b’reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja;
J.billi l-amministrazzjoni Trump iffriżat il-fondi barranin kollha, inkluż il-finanzjament għall-Ukrajna mill-Aġenzija tal-Istati Uniti għall-Iżvilupp Internazzjonali (USAID); billi dan il-finanzjament indirizza proporzjon sinifikanti tal-ħtiġijiet umanitarji tal-Ukrajna kif ukoll ħafna aspetti oħra ta’ appoġġ kritiku, bħat-tisħiħ tan-networks tat-telekomunikazzjoni tal-Ukrajna kontra l-attakki ċibernetiċi Russi; billi finanzjament ieħor tal-Istati Uniti, li issa ġie ffriżat, kien qed jipprovdi appoġġ kruċjali lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi Ukreni u kien qed jiffinanzja l-investigazzjonijiet fuq skala kbira dwar id-delitti tal-gwerra Russi;
K.billi l-Istati Uniti vvutaw kontra riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, abbozzata mill-Ukrajna u mill-UE, fl-okkażjoni tat-tielet anniversarju tal-invażjoni fuq skala sħiħa, u sussegwentement ippreżentaw b’suċċess riżoluzzjoni lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li ma rrikonoxxietx il-ħtija tar-Russja għall-kunflitt;
L.billi b’reazzjoni għall-bidla fid-direzzjoni tal-Istati Uniti lejn ir-Russja, il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) Kaja Kallas ipproponiet pjan biex l-Istati Membri jagħtu appoġġ militari addizzjonali lill-Ukrajna, filwaqt li l-President tal-Kummissjoni von der Leyen ippreżentat proposta bit-titolu “ReArm Europe” biex tippermetti lill-Istati Membri jaċċessaw il-finanzjament biex isaħħu l-kapaċitajiet ta’ difiża tagħhom u jżidu l-appoġġ għall-Ukrajna;
1.Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-gwerra ta’ aggressjoni kontinwa tar-Russja kontra l-Ukrajna, u jeżiġi li r-Russja ttemm minnufih kull attività militari fl-Ukrajna, tirtira mingħajr kundizzjonijiet il-forzi u t-tagħmir militari kollha mit-territorju sħiħ tal-Ukrajna, li huwa rikonoxxut internazzjonalment, u tikkumpensa lill-Ukrajna għall-ħsara li kkawżat lill-poplu, lill-art u lill-infrastruttura tagħha;
2.Jesprimi s-solidarjetà assoluta tiegħu mal-poplu tal-Ukrajna, jappoġġja bis-sħiħ l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, u jissottolinja li din il-gwerra tikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali;
3.Jisħaq fuq il-leġittimità tal-President Zelenskyy bħala l-mexxej elett demokratikament u l-President tal-Ukrajna matul il-perjodu ġustifikat tal-liġi marzjali; jesprimi l-fiduċja tiegħu li l-awtoritajiet Ukreni jorganizzaw elezzjonijiet ġodda meta s-sitwazzjoni tippermetti; jiddikjara bis-sħiħ li huwa minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja li għaddejja kontra l-Ukrajna li l-liġi marzjali għadha meħtieġa;
4.Jesprimi tħassib serju dwar id-deċiżjoni tal-Gvern tal-Istati Uniti li jwaqqaf l-appoġġ fit-tul tiegħu għall-Ukrajna, kemm bi kliemu kif ukoll b’għemilu; itenni l-appoġġ tiegħu għall-Formula ta’ Paċi u għall-Pjan tar-Rebħa tal-Ukrajna bħala l-aħjar bażi għal paċi ġusta, komprensiva u dejjiema għall-poplu tal-Ukrajna u għar-reġjun usa’ tagħna; jieħu nota tal-inizjattivi meħuda mill-Istati Uniti għan-negozjati, iżda jissottolinja li ma jista’ jkun hemm l-ebda negozjati dwar l-Ukrajna mingħajr l-Ukrajna, u li kwalunkwe negozjati jridu jwasslu għal paċi ġusta; itenni li l-għan aħħari jibqa’ li tinkiseb paċi ġusta u dejjiema fl-Ukrajna skont it-termini tal-Ukrajna, filwaqt li jiġu żgurati s-sikurezza u d-dinjità tal-poplu tagħha f’Ewropa paċifika u stabbli; itenni li waqfien mill-ġlied huwa effettiv biss jekk ikun parti minn ftehim ta’ paċi komprensiv, filwaqt li kwalunkwe ftehim ta’ paċi għandu jkun akkumpanjat minn garanziji ta’ sigurtà għall-Ukrajna; jistieden lil-leġiżlaturi tal-Istati Uniti li jappoġġjaw is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna biex jiġġieldu kontra t-tendenza attwali ta’ rikonċiljazzjoni Russa u biex jingħaqdu pubblikament mat-talbiet għall-parteċipazzjoni tal-Ukrajna fil-konverżazzjonijiet kollha dwar il-futur tagħha;
5.Jissottolinja li l-ekonomija tal-gwerra tar-Russja mhijiex sostenibbli u li l-akkoppjament tal-pressjoni ekonomika orkestrata ma’ appoġġ militari aċċellerat għall-Ukrajna jippermetti lill-forzi Ukreni jtejbu l-pożizzjonijiet tagħhom filwaqt li fl-istess ħin jagħmlu ħsara lill-ekonomija tar-Russja, sabiex jiġi żgurat li l-Ukrajna jkollha pożizzjoni ta’ negozjar aktar b’saħħitha meta taqbel li tinvolvi ruħha f’taħditiet ta’ paċi; jitlob li l-UE u s-sħab tal-istess fehma jżidu l-isforzi tagħhom biex ibiddlu t-trajettorja tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għal paċi ġusta, komprensiva u dejjiema; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Istati Membri u s-sħab tal-istess fehma biex jipprovdu aktar armi u munizzjon lill-Ukrajna, fi kwantitajiet kemm jista’ jkun kbar u malajr kemm jista’ jkun, biex l-Ukrajna tkun tista’ teħles it-territorju tagħha u tipprevjeni aktar attakki Russi; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-proposta reċenti tal-VP/RGħ Kallas biex l-Ukrajna tingħata sistemi ta’ difiża tal-ajru, missili, droni, munizzjon u taħriġ militari addizzjonali; jisħaq li din l-inizjattiva ilha mistennija u jqis li l-appoġġ ipprovdut mill-Istati Membri fil-kuntest ta’ din il-proposta għandu jkun flimkien mal-għajnuna militari mwiegħda qabel; jinnota, f’dan il-kuntest, li għadd ta’ Stati Membri huma militarment newtrali u jħeġġiġhom iżidu l-appoġġ mhux militari tagħhom għall-Ukrajna f’konformità mal-kostituzzjonijiet tagħhom;
6.Jisħaq li ma hemm l-ebda dikotomija bejn l-għoti ta’ appoġġ militari lill-Ukrajna u l-investiment fil-kapaċitajiet ta’ difiża tagħna stess fl-UE, iżda pjuttost li huma żewġ naħat tal-istess munita, li t-tnejn iservu biex jiddefendu s-sigurtà tal-kontinent tagħna; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-investimenti diretti fil-kapaċità tal-industrija tad-difiża Ukrena biex tipproduċi bil-massa prodotti essenzjali tad-difiża (skont il-mudell Daniż), b’mod speċifiku droni, sistemi tad-difiża tal-ajru, artillerija u kapaċitajiet ta’ attakki fuq medda twila; jipproponi l-allokazzjoni ta’ baġit speċifiku ta’ diversi biljuni ta’ euro lill-Istrument ta’ Appoġġ għall-Ukrajna tal-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea li jkun maħsub preċiżament għal dan l-iskop; jikkundanna l-veto impost mill-Gvern Ungeriż fuq il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF), u bih jimblokka aktar minn EUR6biljun u jġib l-EPF kważi inutli; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-ħtieġa urġenti li titqies ukoll l-opzjoni li jinħoloq arranġament ad hoc alternattiv għal dawk il-pajjiżi Ewropej li jixtiequ jappoġġjaw lill-Ukrajna militarment u jiffinanzjaw dik l-għajnuna b’mod konġunt; jilqa’ l-proposta reċenti tal-President tal-Kummissjoni von der Leyen biex tippermetti lill-Istati Membri jakkwistaw self barra mill-baġit attwali tal-UE biex itejbu l-kapaċità militari tagħhom u jżidu l-appoġġ għall-Ukrajna; ifakkar, f’dan il-kuntest, fl-effikaċja tal-mudell Daniż li jinvesti fil-kapaċitajiet ta’ difiża tal-Ukrajna;
7.Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-Ewropa tkun involuta fi kwalunkwe negozjati ta’ paċi sabiex tiddefendi l-interessi tas-sigurtà interkonnessi tal-Ukrajna u tal-kontinent tagħna kollu kemm hu; jilqa’ l-isforzi tal-President ta’ Franza Macron u tal-Prim Ministru tar-Renju Unit Starmer biex jospitaw summits ta’ emerġenza Ewropej f’Pariġi u Londra; jilqa’ t-tnedija ta’ “koalizzjoni tal-voluntiera” li tippermetti infurzar immexxi mill-Ewropa ta’ ftehim ta’ paċi eventwali, iżda jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ wegħdiet aktar azzjonabbli u kkoordinati mill-Istati Membri u minn sħab tal-istess fehma biex isaħħu l-appoġġ militari u finanzjarju għall-Ukrajna wara l-bidla fid-direzzjoni tal-Istati Uniti lejn ir-Russja; jistieden li ssir koalizzjoni ta’ dawk li jridu, li tinkludi l-pajjiżi Ewropej u l-alleati tagħhom, biex tiddiskuti l-opzjonijiet biex jingħata appoġġ lill-Ukrajna u jintużaw il-kapaċitajiet;
8.Jisħaq li l-istorja turina l-inġenwità tar-rikonċiljazzjoni; jiddikjara li l-Ewropa ma tistax taffordja li l-arkitettura tas-sigurtà tagħha tiġi mfixkla jew kompromessa; iqis li, jekk l-UE ma tirrispondix malajr għall-irtirar tal-Istati Uniti mill-kalkoli tas-sigurtà u l-kapaċitajiet ta’ deterrenza tagħna, il-kontinent tagħna se jitħalla f’pożizzjoni serjament vulnerabbli għar-Russja; jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li ssir ħidma mill-qrib mar-Renju Unit, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Kanada;
9.Jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom jieħdu azzjoni immedjata, man-NATO u mas-sħab tal-istess fehma, biex jinvestu mingħajr dewmien fi strutturi ta’ sigurtà u ta’ difiża Ewropej aktar effiċjenti u integrati; iqis li l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża fil-livell tal-UE kemm tal-forzi armati nazzjonali kif ukoll tal-industrija tad-difiża għandha ssir ir-regola u ma tistax tibqa’ eċċezzjoni; jitlob li tiġi stabbilita faċilità tad-difiża tal-UE li tiġbor flimkien b’mod effiċjenti partijiet importanti mill-infiq nazzjonali li qed jiżdied u tiżgura investiment pubbliku akbar u aktar intelliġenti fis-sigurtà u d-difiża, kif ukoll is-sorveljanza tal-Parlament ta’ dan l-infiq, peress li l-ħela ta’ riżorsi u l-fiduċja traduta taċ-ċittadini minħabba nuqqas ta’ trasparenza ma jkunux aċċettabbli; jisħaq li l-Ewropa teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib mal-forzi armati tal-Ukrajna u l-bażi teknoloġika tad-difiża tagħha; jenfasizza li l-prinċipju tal-unanimità jostakola deċiżjonijiet kuraġġjużi u jappella għall-abolizzjoni tiegħu, ħlief f’deċiżjonijiet dwar interventi militari; jesprimi tħassib dwar iż-żieda fit-tensjonijiet fil-Baħar Baltiku u l-azzjonijiet tal-gwerra ibrida kontra l-infrastruttura kritika u jqis li kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istati Nordiċi, l-istati Baltiċi, il-Polonja u l-Ġermanja hija kruċjali;
10.Jiddeplora l-attakki li qed isiru bħalissa mir-Russja fuq l-Ukrajna, li qed jużaw bla heda bħala bersall iċ-ċivili u l-infrastrutturi ċivili; jikkundanna bil-qawwa l-ksur massiv u gravi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-delitti tal-gwerra mwettqa matul dawn l-aħħar tliet snin mill-forzi armati Russi u minn diversi awtoritajiet ta’ okkupazzjoni fl-Ukrajna, inklużi qtil sommarju, stupru u attakki sesswali, tortura, ħtif u l-qerda mmirata ta’ żoni residenzjali;
11.Jinsisti li l-uffiċjali tal-gvern u l-mexxejja militari responsabbli, kif ukoll awturi u faċilitaturi oħra tad-delitti tal-gwerra u tad-delitti kontra l-umanità, jinżammu responsabbli; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) biex tgħin ħalli tintemm l-impunità għall-awturi; jilqa’ r-ratifika min-naħa tal-Ukrajna tal-Istatut ta’ Ruma; jesprimi tħassib serju dwar is-sanzjonijiet tal-Istati Uniti fuq il-QKI u jitlob li jiġi attivat l-istatut ta’ mblukkar tal-UE biex jipproteġi l-QKI, inkluż li jiġu infurzati l-mandati ta’ arrest tal-QKI kontra Vladimir Putin u Maria Lvova-Belova; itenni t-talba tiegħu għall-istabbiliment ta’ tribunal ad hoc speċjali, komplementari għall-investigazzjoni attwali tal-QKI fl-Ukrajna, sabiex jiġi investigat u pproċessat id-delitt ta’ aggressjoni mwettaq mit-tmexxija politika u militari tar-Russja u tal-Belarussja kontra l-Ukrajna;
12.Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri jżidu b’mod mgħaġġel l-involviment tagħhom ma’ mexxejja dinjija minn reġjuni oħra fir-rigward tal-appoġġ għall-Ukrajna u jsaħħu l-pressjoni internazzjonali fuq ir-reġim Russu;
13.Jisħaq li aktar minn 12.7miljun persuna fl-Ukrajna se jeħtieġu assistenza umanitarja fl-2025, filwaqt li aktar minn 6.8miljun Ukren, l-aktar nisa u tfal, ġew spostati mill-Ukrajna; jiddispjaċih dwar l-iffriżar tal-finanzjament tal-USAID u ta’ ħafna atturi oħra tal-Istati Uniti li appoġġjaw lill-Ukrajna f’varjetà ta’ oqsma kruċjali; jinnota li dan iħalli diskrepanza kbira fil-finanzjament għall-għajnuna umanitarja immedjata kif ukoll għall-appoġġ għad-demokrazija u l-irkupru fit-tul; jinnota li l-ħtieġa ta’ appoġġ umanitarju x’aktarx se tkompli għal snin twal u jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tkun lesta tissodisfa dawn il-ħtiġijiet bi ppjanar fit-tul u b’fondi adegwati biex jieħdu post il-finanzjament irtirat tal-Istati Uniti;
14.Jiġbed l-attenzjoni għall-istima tal-aħħar Valutazzjoni Rapida tal-Ħsara u l-Ħtiġijiet li se jkunu meħtieġa mill-inqas EUR506biljun tul l-għaxar snin li ġejjin għall-irkupru u għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna; jisħaq li l-fondi tal-Faċilità għall-Ukrajna u fondi oħra tal-UE mhux se jkunu biżżejjed u jitlob lill-UE, lill-Istati Membri u lis-sħab tal-istess fehma jimpenjaw ruħhom għal finanzjament addizzjonali fit-tul għall-Ukrajna, kemm f’termini ta’ appoġġ baġitarju dirett kif ukoll tal-finanzjament tal-irkupru u r-rikostruzzjoni, speċjalment fid-dawl tal-iffriżar tal-finanzjament tal-Istati Uniti; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu esplorati mezzi legali biex jiġu kkonfiskati totalment l-assi ffriżati ta’ individwi Russi u tal-Bank Ċentrali Russu għall-użu bħala għotjiet għan-nefqa tal-Ukrajna fir-rigward tal-ħtiġijiet ta’ difiża u reżiljenza u tar-rikostruzzjoni tagħha, f’konformità mad-dritt internazzjonali;
15.Itenni l-kundanna tiegħu tal-atti kollha ta’ ekoċidju mwettqa mir-Russja fl-Ukrajna, inkluża l-qerda tad-diga ta’ Kakhovka fl-2023, li qed ikomplu jikkawżaw ħsara tal-massa u qerda tal-ekosistemi u tal-għajxien ta’ miljuni ta’ Ukreni; iħeġġeġ lill-Prosekutur tal-QKI jikkunsidra l-każ tal-kollass tad-diga Kakhovka biex jiġi pproċessat bħala delitt tal-gwerra fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Istatut ta’ Ruma;
16.Jiddeplora t-tentattivi tal-Federazzjoni Russa li tiċħad lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha l-identità etnika, lingwistika u storika tagħhom billi tħassar sinjali ta’ identità Ukrena fit-territorji okkupati; itenni l-appell tiegħu lill-UE biex iżżid l-isforzi ħalli tindirizza s-sitwazzjoni mwiegħra ta’ dawk li ġew deportati bil-forza lejn ir-Russja u tat-tfal li ġew adottati bil-forza fir-Russja;
17.Jilqa’ s-16-il pakkett ta’ sanzjonijiet fuq ir-Russja; jisħaq li s-sanzjonijiet imposti s’issa kellhom impatt limitat u jesprimi tħassib dwar il-kapaċità tal-UE li żżomm il-pressjoni ekonomika fuq ir-Russja f’każ li l-Istati Uniti jreġġgħu lura s-sanzjonijiet tagħhom; itenni, għal dan l-għan, it-talbiet tiegħu għal sanzjonijiet aktar b’saħħithom, flimkien ma’ sforz aċċellerat biex jingħalqu l-lakuni u l-perkorsi kollha għall-evażjoni tas-sanzjonijiet; jappella għal reġim ġdid ta’ sanzjonijiet orizzontali biex jiġġieled din iċ-ċirkomvenzjoni, li se jirrikjedi strument aktar ġenerali u applikabbli b’mod olistiku biex tiġi mmirata ċ-ċirkomvenzjoni fir-reġimi kollha implimentati mill-UE; jisħaq barra minn hekk li, sakemm l-UE tibqa’ tippermetti l-importazzjoni ta’ fjuwils fossili Russi, l-impatt tas-sanzjonijiet attwali kif ukoll l-appoġġ finanzjarju u militari għall-Ukrajna se jkomplu jiġu mfixkla; jappella għal projbizzjoni fuq l-importazzjoni ta’ ċereali, potassa u fertilizzanti Russi, kif ukoll materja prima, inklużi l-prodotti tal-azzar, l-uranju, it-titanju, in-nikil, l-injam u l-prodotti tal-injam, u ż-żejt u l-gass; jappella għal sanzjonijiet fuq is-settur nukleari tar-Russja, inklużi sanzjonijiet individwali kontra t-tmexxija ta’ Rosatom;
18.Jitlob li l-pakkett ta’ sanzjonijiet tal-UE li jmiss jissanzjona t-tankers kollha magħrufa tal-flotta mistura u s-sidien tagħhom, filwaqt li jintroduċi wkoll sanzjonijiet fuq kwalunkwe tanker taż-żejt li jikser il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti, u jinforza l-implimentazzjoni stretta mill-Istati Membri kollha tal-miżuri li jipprojbixxu l-bastimenti, irrispettivament mill-bandiera, milli jbaħħru fl-ibħra Ewropej jew fi kwalunkwe port tal-Istati Membri tal-UE f’każ li ma jkunux segwew ir-regoli internazzjonali rigward it-trasferimenti minn vapur għal vapur fil-baħar jew li jkunu tfew illegalment is-sistema ta’ identifikazzjoni awtomatika tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprojbixxu t-trasferimenti minn vapur għal vapur taż-żejt Russu fl-ilmijiet tal-UE;
19.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw sanzjonijiet usa’ fuq l-injam Russu u Belarussu, inkluż b’mod speċifiku l-projbizzjoni tal-importazzjoni jew ix-xiri ta’ prodotti tal-injam ipproċessati f’pajjiżi mhux tal-UE li jinkorporaw l-injam, b’mod partikolari l-plywood tal-betula, li joriġina mir-Russja jew mill-Belarussja, biex jappoġġjaw l-infurzar tas-sanzjonijiet attwali;
20.Jikkundanna bil-qawwa lill-Gvern Ungeriż talli hedded li jimblokka t-tiġdid tal-qafas ta’ sanzjonijiet tal-UE kif ukoll talli llimita rispons xieraq tal-UE proporzjonat mal-gravità tas-sitwazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jużaw l-għodod disponibbli kollha biex jipprevjenu lill-Gvern Ungeriż milli jkompli bl-imblokkar tiegħu;
20.Jiddeplora n-nuqqas ta’ kultura ta’ konformità li għaddejja bħalissa fir-rigward tas-sanzjonijiet tal-UE fuq ir-Russja; jikkundanna l-kumpaniji, inklużi dawk fl-UE, li deliberatament jevadu s-sanzjonijiet, u b’hekk ifixklu l-isforzi tal-UE biex tappoġġja lill-Ukrajna filwaqt li jagħmlu profitti massivi; jinsisti li l-ċirkomvenzjoni ta’ miżura restrittiva tal-UE, inkluż billi jiġu trasferiti oġġetti lejn destinazzjoni fejn l-importazzjoni, l-esportazzjoni, il-bejgħ, ix-xiri, it-trasferiment, it-tranżitu jew it-trasport tagħhom huma ristretti, għandha tiġi kriminalizzata fil-livell tal-UE; jisħaq li huwa kruċjali għall-infurzar li l-UE tikkriminalizza minnufih il-ksur ta’ sanzjonijiet diretti, inkluż meta dan isir b’negliġenza serja;
21.Jesprimi tħassib serju dwar rapporti mill-Istati Uniti dwar pjanijiet biex jeħilsu lir-Russja mis-sanzjonijiet u jistieden lil-leġiżlaturi tal-Istati Uniti jżommu u jinfurzaw is-sanzjonijiet kontra r-Russja;
22.Jisħaq fuq ir-rwol malizzjuż dejjem jikber tad-diżinformazzjoni Russa li xxerred narrattivi foloz biex tfixkel l-appoġġ globali għall-Ukrajna u tagħmel ħsara lid-demokraziji tagħna; jiddeplora l-fatt li uffiċjali tal-Istati Uniti, inkluż Trump, irrepetew id-diżinformazzjoni Russa; jitlob bil-qawwa li l-UE u l-Istati Membri jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni Russa dwar il-gwerra, billi jsaħħu l-litteriżmu diġitali, jippromwovu narrattivi bbażati fuq il-fatti u jżommu lill-pjattaformi tal-media soċjali responsabbli għat-tixrid ta’ kontenut dannuż billi jinfurzaw b’mod strett l-Att dwar is-Servizzi Diġitali[2];
23.Jilqa’ l-bidu tan-negozjati ta’ adeżjoni bejn l-UE u l-Ukrajna f’Ġunju2024, f’konformità mal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu r-rieda politika biex jagħtu spinta ġdida lill-proċess ta’ tkabbir u jwettqu l-wegħdiet tagħhom b’passi pożittivi konkreti fil-proċessi ta’ adeżjoni ta’ dawk il-pajjiżi li jfittxu li jissieħbu fl-UE u li jistħoqqilhom li jkunu parti mill-familja Ewropea; jenfasizza l-importanza ta’ assistenza finanzjarja kontinwa tal-UE, marbuta ma’ kundizzjonijiet konkreti ta’ riforma, bħala strument ewlieni biex tiġi sostnuta u aċċellerata t-trasformazzjoni tal-Ukrajna f’konformità mal-istandards Ewropej; jissottolinja li l-kriterji ta’ Copenhagen u r-riformi meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward tal-istat tad-dritt, id-demokrazija, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem, huma fundamentali għall-proċess ta’ adeżjoni bbażat fuq il-mertu; itenni t-talba tiegħu li ssir bidla immedjata favur votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għall-passi intermedji fil-politika tat-tkabbir; jipproponi b’mod partikolari li, għal setturi promettenti bħall-enerġija u s-servizzi diġitali, l-Ukrajna diġà tiġi integrata fl-UE; itenni s-suġġeriment tiegħu li l-Ukrajna tingħata status ta’ osservatur f’korpi u istituzzjonijiet rilevanti, inkluż fil-Parlament, inizjalment abbażi ta’ arranġamenti temporanji, jekk in-negozjati, b’mod partikolari dwar il-punti fundamentali u r-raggruppamenti tar-relazzjonijiet esterni, ikunu avvanzaw biżżejjed, u jekk il-kundizzjonijiet kollha jiġu ssodisfati u miftiehma, sakemm jiġu ffirmati t-trattati ta’ adeżjoni;
24.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.
- [1] ĠU L 115, 28.4.2006, p. 50, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2006/313/oj.
- [2] Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/2065/oj.