Ϸվ

Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0421/2020Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0421/2020

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà

11.12.2020-()

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Juan Fernando López Aguilar
f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern


ʰċܰ:
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument:
B9-0421/2020
Testi mressqa :
B9-0421/2020
Testi adottati :

9‑0421/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà

()

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli2 u 3 tiegħu, u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli4, 16, 67, 70-72, 75, 82-87 u 88 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, b'mod partikolari l-Artikoli6, 7, 8, 11, 14, 21 u 24 tagħha,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24ta'Lulju2020 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà (),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24ta'Lulju2020 dwar l-istrateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal (),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24ta'Lulju2020 dwar il-pjan ta' azzjoni 2020-2025 tal-UE dwar it-traffikar tal-armi tan-nar (),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24ta'Lulju2020 dwar l-Aġenda u l-Pjan tal-Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi 2021-2025 (),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19ta'Settembru2019 dwar l-istat ta' implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus[1],

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10ta'Lulju2020 dwar politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu – il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni u żviluppi reċenti oħra[2],

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-12ta'Diċembru2018 dwar il-konstatazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Speċjali dwar it-Terroriżmu[3],

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19ta'Settembru2019 dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa[4],

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19ta'Ġunju2020 dwar il-protesti kontra r-razziżmu wara l-mewt ta' George Floyd[5],

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26ta'Novembru2019 dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30anniversarju tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC)[6],

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) tas-6ta'Ottubru2020 fil-Kawżi Magħquda C-511/18 La Quadrature du Net u Oħrajn, C-512/18 French Data Network u Oħrajn u C-520/18 Ordre des barreaux francophones et germanophone u Oħrajn,

wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-QĠUE dwar is-sorveljanza tal-massa u ż-żamma ta' data,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12ta'Settembru2018 dwar Ewropa li tipproteġi: inizjattiva għall-estensjoni tal-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew għall-kriminalità terroristika transfruntiera (),

wara li kkunsidra r-rapporti reċenti tal-Europol[7],

wara li kkunsidra l-Artikolu132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

A.billi l-politika ta' sigurtà tal-Unjoni trid tibqa' bbażata fuq il-valuri li fuqhom twaqqfet l-UE u li huma minquxa fl-Artikolu2 tat-TUE, inklużi l-prinċipji tad-demokrazija, il-libertajiet individwali u l-istat tad-dritt, u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; billi d-dritt għas-sigurtà kif stabbilit fl-Artikolu6 tal-Karta jirreferi għas-sigurtà minn arresti mhux raġonevoli, tfittxijiet u interventi statali oħra; billi l-proġett Ewropew huwa bbażat fuq l-idea ta' soċjetà miftuħa; billi kwalunkwe limitazzjoni fuq l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet u l-libertajiet trid tkun prevista mil-liġi, u tkun tirrispetta l-essenza ta' dawk id-drittijiet u l-libertajiet; billi, soġġett għall-prinċipju ta' proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet biss jekk ikunu meħtieġa u ġenwinament jissodisfaw l-objettivi ta' interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn;

B.billi l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà għandha tipprovdi r-risponsi xierqa biex jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi eżistenti u emerġenti f'xenarju Ewropew ta' theddid għas-sigurtà li qed jinbidel malajr; billi l-Kummissjoni identifikat iċ-ċiberkriminalità, inkluż is-serq ta' identità, u ċ-ċibersigurtà, l-attakki ibridi, id-diżinformazzjoni, l-attakki terroristiċi u l-kriminalità organizzata li tvarja minn traffikar tal-bnedmin għal kummerċ fl-armi tan-nar għat-traffikar tad-droga u l-kriminalità finanzjarja, ekonomika u ambjentali bħala l-isfidi ewlenin;

C.billi kien hemm xejra 'l isfel f'termini tal-għadd ta' attakki terroristiċi fl-UE fl-2019, iżda reċentement l-UE rat attakki terroristiċi ġodda; billi diversi attakki li twettqu minn estremisti tal-lemin ma ġewx uffiċjalment rikonoxxuti bħala attakki terroristiċi[8]; billi t-theddida tat-terroriżmu tal-Ġiħad għadha kbira u billi t-theddida tat-terroriżmu tal-lemin żdiedet f'dawn l-aħħar snin; billi t-theddida tat-terroriżmu tax-xellug għadha timmanifesta ruħha f'xi Stati Membri; billi t-terroriżmu jrid jiġi kkundannat u indirizzat fil-forom u l-manifestazzjonijiet kollha tiegħu; billi l-internet huwa wieħed mill-aktar għodod użati b'mod frekwenti mill-organizzazzjonijiet terroristiċi biex ixerrdu kontenut terroristiku[9], jirreklutaw membri ġodda u jinċitaw il-vjolenza;

Dbilli skont rapport tal-Kummissjoni ppubblikat fit-30ta'Settembru2020[10], ġew irrappurtati nuqqasijiet kbar fl-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE)2017/541[11] fil-maġġoranza tal-Istati Membri;

Ebilli qed ikomplu jfeġġu forom ġodda ta' attività kriminali organizzata fl-Ewropa, li jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet soċjetali li qed jinbidlu u l-biċċa l-kbira tal-gruppi tal-kriminalità organizzata huma involuti f'attivitajiet kriminali multipli; billi l-profitti tal-gruppi tal-kriminalità organizzata fl-UE huma stmati għal EUR110biljun fis-sena, iżda madwar 1% biss ta' dawn il-profitti huma kkonfiskati[12]; billi hemm rabta qawwija bejn il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni;

F.billi fl-2019, il-Kummissjoni fetħet proċeduri ta' ksur kontra 23Stat Membru għan-nuqqas ta' konformità mad-Direttiva2011/93/UE tat-13ta'Diċembru2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija[13]; billi l-Istati Membri għamlu progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva iżda għad hemm sfidi, b'mod partikolari fir-rigward tal-prevenzjoni, id-dritt kriminali, u l-protezzjoni, l-appoġġ u l-għajnuna għall-vittmi; billi l-isfurzar sesswali u l-estorsjoni online tat-tfal, kif ukoll l-isfruttament sesswali abbażi ta' materjal espliċitu prodott mit-tfal infushom, huma ffaċilitati mid-disponibbiltà mifruxa ta' tagħmir online; billi għadd dejjem akbar ta' tfal u adolexxenti qed jisfaw vittmi tal-grooming online;

G.billi l-isfruttament sesswali għadu l-aktar skop prevalenti wara t-traffikar tal-bnedmin fl-UE, filwaqt li ġiet irrappurtata żieda fit-traffikar għall-isfruttament ta' ħaddiema f'diversi Stati Membri[14]; billi l-għadd ta' kundanni u prosekuzzjonijiet għadu baxx fir-rigward tal-għadd irrappurtat ta' vittmi; billi t-teknoloġiji diġitali, il-midja soċjali u s-servizzi tal-internet huma għodod ewlenin li jintużaw għar-reklutaġġ tal-vittmi tat-traffikar;

H.billi skont rapporti miċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA) u l-Europol, is-suq illeċitu tad-droga fl-UE, li huwa dejjem aktar kumpless, adattiv u innovattiv, għandu valur stmat ta' bejgħ bl-imnut ta' madwar EUR30biljun fis-sena, u t-traffikar ta' droga illeċita jirrappreżenta sors ewlieni ta' introjtu għal gruppi ta' kriminalità organizzata, li jista' jkollu rabtiet ma' attivitajiet illegali oħrajn u t-terroriżmu; billi t-traffikar illeċitu tad-droga qed isir fattur ewlieni għaż-żieda fil-vjolenza u l-korruzzjoni u jista' jkollu firxa wiesgħa ta' impatti negattivi fuq is-soċjetà; billi l-imwiet relatati mad-droga fl-Ewropa jidhru li huma stabbli – b'aktar minn 9000fatalità kull sena[15] – u billi l-użu tad-droga għadu kwistjoni importanti tas-saħħa pubblika;

Ibilli fl-2019 il-Europol kompliet tipprovdi lill-Istati Membri analiżi operattiva u pproċessar tal-kontribuzzjonijiet, kif ukoll appoġġ proattiv għal investigazzjonijiet ta' profil għoli li jkopru t-tliet oqsma li jirrappreżentaw theddida kontinwa għas-sigurtà interna tal-Unjoni, b'mod partikolari ċ-ċiberkriminalità, il-kriminalità serja u organizzata, u t-terroriżmu;

J.billi fl-2019, in-Network Prüm kellu aktar minn 9.2miljun profil tad-DNA disponibbli għat-tqabbil fil-bażijiet tad-data kollha tal-Istati Membri, b'aktar minn 2.2miljun tfittxija tad-DNA magħmula dik is-sena; billi, barra minn hekk, kien hemm kważi 400000tfittxija tal-marki tas-swaba' li rriżultaw f'10000hit verifikata, u aktar minn 16-ilmiljun tfittxija ta' data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi[16];

K.billi l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali hija waħda mill-pedamenti fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja tal-Unjoni, u hija msejsa fuq il-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji; billi r-rikonoxximent reċiproku jeħtieġ li jkun ibbażat fuq fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri; billi l-investigazzjoni ta' ħafna reati tirrikjedi evidenza li tinħażen b'mod elettroniku ("evidenza elettronika"); billi l-awtoritajiet kompetenti ta' spiss jiffaċċjaw diffikultajiet prattiċi biex jiksbu d-data rilevanti minn fornituri tas-servizzi f'investigazzjonijiet transfruntiera minħabba n-nuqqas ta' effettività tal-istrumenti eżistenti, bħal ftehimiet ta' għajnuna legali reċiproka u l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea; billi l-proċeduri eżistenti jistgħu jieħdu fit-tul u d-data rilevanti ħafna drabi tkun tħassret sakemm it-talba tasal għand il-fornitur tas-servizz; billi l-koleġiżlaturi bħalissa qed jiddiskutu pakkett leġiżlattiv dwar l-evidenza elettronika;

L.billi l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Salvagwardji Proċedurali[17], li l-għan tagħha huwa li tiġi żgurata l-ġustizzja fil-proċedimenti kriminali, ma kinitx sodisfaċenti, għad-detriment tal-fiduċja reċiproka u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji;

M.billi l-QĠUE ddeċidiet bosta drabi li żamma ta' data u sorveljanza tal-massa ġenerali tal-komunikazzjoni elettronika jew tad-data dwar l-ivvjaġġar ma jikkonformawx mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; billi fid-deċiżjoni tagħha dwar il-kawżi magħqudaC-511/18, C-512/18 u C520/18, il-QĠUE kkonfermat il-ġurisprudenza minn Tele2, fejn ġie konkluż li hija permessa biss żamma mmirata tad-data limitata għal persuni speċifiċi jew żona ġeografika speċifika; billi l-Qorti speċifikat ukoll, madankollu, li l-indirizzi IP assenjati lis-sors ta' komunikazzjoni jistgħu jkunu soġġetti għal żamma ġeneralizzata u indiskriminata bil-għan li jiġu miġġielda l-kriminalità serja u t-theddid serju għas-sigurtà pubblika, soġġett għal salvagwardji stretti;

N.billi l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi[18] ma kinitx sodisfaċenti, b'mod partikolari minħabba traspożizzjoni inkompleta u/jew inkorretta[19];

O.billi l-kriżi tal-COVID-19 aggravat b'mod sinifikanti ċerti reati, bħall-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal online, b'rapporti jistmaw li dan il-materjal żdied b'25% f'xi Stati Membri; billi bejn 70% u 85% tat-tfal li soffrew abbuż jafu lill-persuna li abbużathom, u l-maġġoranza l-kbira huma vittmi ta' persuni li jafdaw; billi rapporti ta' vjolenza domestika, speċjalment kontra n-nisa u t-tfal, żdiedu b'mod sinifikanti matul dan il-perjodu; billi l-pandemija wriet li għandha impatt konsiderevoli fuq ix-xenarju tal-kriminalità serja u organizzata madwar l-Ewropa kollha, f'oqsma bħaċ-ċiberkriminalità, il-falsifikazzjoni ta' merkanzija, frodi u l-kriminalità organizzata kontra l-proprjetà[20]; billi l-kriżi tikkawża dewmien u tfixkel l-aċċess għall-ġustizzja, l-għajnuna u l-appoġġ, kif ukoll taggrava l-kundizzjonijiet tal-ħabs; billi l-kriżi aggravat is-sitwazzjoni tal-migranti, u b'hekk dawn saru aktar vulnerabbli għall-abbuż minn kriminali, u kkawżat iċ-ċaqliq ta' rotot ta' kuntrabandu;

1.Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà u jenfasizza l-ħtieġa tal-implimentazzjoni effettiva u l-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE f'dan il-qasam; jaqbel mal-Kummissjoni li fejn ġew identifikati nuqqasijiet fil-qafas regolatorju u ta' infurzar, jeħtieġ li jkun hemm segwitu fil-forma ta' inizjattivi leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi; jisħaq, barra minn hekk, li l-miżuri fil-qafas tal-Istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà jridu jkunu flessibbli biżżejjed biex iwieġbu għaċ-ċirkostanzi li l-ħin kollu jinbidlu u għal tibdil fil-modus operandi tal-organizzazzjonijiet kriminali;

2.Jisħaq li kwalunkwe proposta leġiżlattiva ġdida trid tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa u komprensiva, inkluż dwar l-impatt fuq id-drittijiet fundamentali u r-riskji ta' diskriminazzjoni; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) fl-evalwazzjoni tar-rispett għad-drittijiet fundamentali;

3.Jenfasizza li t-terroriżmu, irrispettivament min-natura tiegħu, għandu l-għan li jhedded lis-soċjetajiet demokratiċi fl-Ewropa u għandu fil-mira l-valuri Ewropej; jiddeplora l-ħafna vittmi, b'mod partikolari dawk ta' attakki tal-Ġiħad u tal-estremiżmu tal-lemin, matul dawn l-aħħar snin; jenfasizza l-ħidma importanti tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, li għenet biex tipprevjeni ħafna attakki; jinnota, madankollu, li t-theddida terroristika fl-UE għadha għolja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura implimentazzjoni sħiħa u rapida tad-Direttiva (UE)2017/541 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Kummissjoni tressaq aġenda ġdida tal-UE kontra t-terroriżmu, li tindirizza t-theddid terroristiku, li huwa bbażat fuq diversi fatturi ewlenin bħal dawk imsemmija fir-rapport tal-2020 TE-SAT tal-Europol; jitlob li din l-aġenda tinkludi miżuri u azzjoni dwar il-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni intensifikata fil-livell nazzjonali, reġjonali u internazzjonali u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, dwar il-finanzjament tat-terroriżmu, dwar il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni offline u online, dwar il-prevenzjoni u l-edukazzjoni, dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda, ir-razziżmu u l-intolleranza, u dwar il-protezzjoni, l-għajnuna u l-appoġġ għall-vittmi tat-terroriżmu;

4.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw approċċ olistiku għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, li għandu jikkombina l-politiki dwar is-sigurtà, l-edukazzjoni, soċjali, kulturali u kontra d-diskriminazzjoni, u jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inkluż in-Network ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN), inizjattivi tal-komunità fil-livell taċ-ċittadini u xogħol tal-komunità fil-livell taċ-ċittadini, tfassil ta' politika orjentata lejn il-komunità, integrazzjoni tal-lingwa u l-valuri, u edukazzjoni tul il-ħajja; itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tagħmel użu aktar effettiv mill-fondi tal-UE għal dan l-għan, u tiżviluppa metodoloġiji biex tivvaluta l-effettività tal-programmi rilevanti;

5.Jisħaq li l-edukazzjoni, inkluż l-iżvilupp ta' ħiliet ta' ħsieb kritiku, diġitali u dwar is-sikurezza online, hija kritika għall-prevenzjoni fuq perjodu ta' żmien medju u fit-tul u kruċjali biex jitnaqqsu r-radikalizzazzjoni u d-diżillużjoni, li jwasslu għal attività kriminali;

6.Itenni li, filwaqt li mhuwiex l-uniku fattur, il-preżenza ta' kontenut terroristiku online tat prova tal-fatt li hija katalizzatur għar-radikalizzazzjoni ta' individwi u żgħażagħ b'mod partikolari, li wħud minnhom wettqu reati terroristiċi kif definiti fid-Direttiva (UE)2017/541; jikkunsidra li l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi soċjali hija kruċjali biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tar-radikalizzazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-kontenut terroristiku online jiġi identifikat b'mod rapidu u jitneħħa kompletament abbażi ta' dispożizzjonijiet legali ċari, inklużi r-rieżami tal-bniedem u salvagwardji xierqa u robusti biex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u l-istandards kostituzzjonali; jissottolinja li, għalkemm sar xi progress f'dan ir-rigward, il-kumpaniji jeħtieġ li jkunu involuti ħafna aktar f'dan il-proċess; jitlob li jiġu stabbiliti mekkaniżmi trasparenti sabiex il-kontenut terroristiku online jkun jista' jiġi identifikat u rrappurtat b'mod rapidu, u biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jindikaw tali kontenut; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Unità tal-UE ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet tal-Europol (EU IRU);

7.Ifakkar li l-libertà tar-reliġjon u l-libertà ta' espressjoni huma drittijiet fundamentali minquxa fl-Artikoli10 u 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiddefendu dawn id-drittijiet fundamentali fid-dawl tal-attakki terroristiċi reċenti b'motivazzjonijiet reliġjużi;

8.Jilqa' l-aġenda biex tiġi indirizzata l-kriminalità organizzata mħabbra mill-Kummissjoni; itenni t-talbiet preċedenti tiegħu għar-reviżjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill2008/841/ĠAI tal-24ta'Ottubru2008 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata[21], u l-ħtieġa li tiġi stabbilita definizzjoni komuni tal-kriminalità organizzata; jikkunsidra li din id-definizzjoni komuni għandha tqis ukoll l-użu tal-vjolenza, il-korruzzjoni jew l-intimidazzjoni minn gruppi kriminali biex jinkiseb kontroll tal-attivitajiet ekonomiċi jew tal-akkwist pubbliku, jew biex jiġu influwenzati l-proċessi demokratiċi; jemmen li l-gruppi tal-kriminalità organizzata jistgħu jiżżarmaw b'mod aktar effiċjenti billi jiġu deprivati mill-profitti mill-kriminalità; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa ta' aktar miżuri dwar l-iffriżar u l-konfiska tal-assi, inkluż dwar assi mhux ibbażati fuq kundanna, u jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni f'dan ir-rigward; jinnota li l-attivitajiet kriminali emerġenti bħall-kriminalità ambjentali, il-kriminalità organizzata kontra l-proprjetà jew it-traffikar ta' oġġetti kulturali ma għandhomx jiġu injorati, billi dawn spiss jipprovdu finanzjament għal attivitajiet kriminali oħrajn;

9.Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7ta'Mejju2020 dwar Pjan ta' Azzjoni għal politika komprensiva tal-Unjoni dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, li tistabbilixxi aktar titjib fir-rispons tal-UE għal dawn ir-reati, b'mod partikolari fl-infurzar u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti; itenni l-ħtieġa ta' kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet amministrattivi, ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi fl-UE, u b'mod partikolari l-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (FIUs) tal-Istati Membri, inkluż permezz tal-FIU.net; jemmen li l-viżibbiltà ta' mudelli ta' kooperazzjoni eżistenti fil-qasam tas-sigurtà bħall-Pjattaforma Multidixxiplinari Ewropea Kontra t-Theddid Kriminali (EMPACT) għandha tiżdied; jemmen li l-UE għandha twitti t-triq għar-riformi tant meħtieġa tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF); jemmen li d-Direttiva dwar il-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus trid tiġi evalwata bir-reqqa u, jekk neċessarju, rieżaminata;

10.Itenni t-talba tiegħu li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jiġġieldu l-korruzzjoni sistemika b'mod determinat u joħolqu strumenti effettiv biex jipprevjenu, jikkumbattu u jissanzjonaw il-korruzzjoni u jiġġieldu kontra l-frodi, kif ukoll biex jissorveljaw b'mod regolari l-użu tal-fondi pubbliċi; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni terġa' tibda minnufih il-monitoraġġ u r-rappurtar annwali tagħha kontra l-korruzzjoni, li għandhom ikopru lill-Istati Membri kollha u l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE; jisħaq, għalhekk, li jrid jiġi evitat b'mod effettiv li l-finanzjament tal-UE fl-ambitu tal-QFP il-ġdid u l-Pjan ta' Rkupru jintuża għal korruzzjoni u frodi minn gruppi ta' kriminalità organizzata;

11.Ifakkar li l-Istati Membri li għandhom skemi ta' residenza u ċittadinanza b'investiment spiss jiffaċilitaw il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, u b'hekk jimportaw riskji għas-sigurtà fl-Unjoni; jilqa' l-proċeduri ta' ksur imnedija mill-Kummissjoni[22] f'dan ir-rigward; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tagħmel użu sħiħ mid-dritt tagħha ta' inizjattiva leġiżlattiva biex tressaq proposta leġiżlattiva biex tipprojbixxi jew tirregola dawn l-iskemi;

12.Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdiedu l-isforzi fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali sabiex jiġi indirizzat il-fenomenu li qed jevolvi tal-abbuż sesswali tat-tfal online u offline, inkluż biex jiġi prevenut, identifikat u rrappurtat abbuż sesswali tat-tfal, jitneħħa materjal ta' abbuż sesswali tat-tfal online, u jittejbu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati relatati; jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24ta'Lulju2020 dwar l-istrateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal; jieħu nota, barra minn hekk, tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta leġiżlattiva komprensiva ġdida li tirrikjedi lill-fornituri tas-servizzi jidentifikaw u jirrappurtaw l-abbuż sesswali tat-tfal online qabel Ġunju2021; jistenna li din il-proposta tkun konformi bis-sħiħ mad-drittijiet fundamentali u akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa;

13.Jisħaq li dawn il-miżuri jeħtieġ li jiġu kkomplementati minn kampanja ta' sensibilizzazzjoni pubblika f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tat-tfal, li teduka lit-tfal, lill-ġenituri tagħhom, u lill-għalliema dwar il-perikli online; jitlob protezzjoni aħjar tat-tfal, inkluż tad-data personali u tal-privatezza tagħhom, fuq l-internet, u jitlob lill-Istati Membri jappoġġjaw in-networks u l-kampanji attwali attivi f'dan il-qasam;

14.Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva2011/93/UE, u jipprovdu riżorsi umani u finanzjarji xierqa biex japplikawha bis-sħiħ b'urġenza; jiddeplora l-fatt li l-kodiċi kriminali f'diversi Stati Membri jipprevedi pieni insuffiċjenti ħafna għall-involviment f'attivitajiet sesswali ma' minorenni, li ma jikkostitwixxux deterrent effettiv[23]; jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw mill-ġdid dawn il-pieni, u jagħmlu t-tibdil leġiżlattiv neċessarju biex b'mod rapidu jġibu l-kodiċijiet legali tagħhom f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva2011/93/UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta jekk din id-direttiva teħtieġx li tiġi msaħħa billi jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-vittmi, l-appoġġ għalihom u l-prevenzjoni ta' dawn ir-reati;

15.Ifakkar lill-Kummissjoni fit-talba tagħha li jinħatar rappreżentant tal-UE għad-drittijiet tat-tfal, li għandu jservi bħala punt ta' referenza għall-kwistjonijiet u l-politiki kollha tal-UE relatati mat-tfal; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinkludi fl-istrateġija tal-UE tal-24ta'Lulju2020 għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal il-ħolqien ta' ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-26ta'Novembru2019 dwar id-drittijiet tat-tfal, bħala l-punt fokali għal approċċ Ewropew ikkoordinat u b'diversi partijiet ikkonċernati, inklużi l-infurzar tal-liġi, il-prevenzjoni u l-għajnuna għall-vittmi ta' abbuż sesswali tat-tfal;

16.Jisħaq li l-kriptaġġ minn tarf sa tarf jikkontribwixxi għall-privatezza taċ-ċittadini, inkluża l-protezzjoni tat-tfal fuq l-internet, jikkontribwixxi għas-sigurtà tas-sistemi tal-IT, u huwa indispensabbli għal ġurnalisti investigattivi u informaturi, fost l-oħrajn, li jixtiequ jirrappurtaw għemil ħażin; jinnota li l-backdoors jistgħu jikkompromettu b'mod sever is-saħħa u l-effiċjenza tal-kriptaġġ, u dan jista' jiġi abbużat minn kriminali u atturi statali esterni li mhumiex fl-UE li jfittxu li jiddestabbilizzaw is-soċjetà tagħna; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kriminali jadattaw b'mod rapidu għall-iżviluppi ġodda u jisfruttaw it-teknoloġiji emerġenti għal skopijiet illeċiti; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Aġenzija tal-UE għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) jipprovdu taħriġ ta' kwalità għolja f'oqsma rilevanti lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk tistax tinstab soluzzjoni regolatorja biex ikun possibbli l-aċċess legali u mmirat tal-infurzar tal-liġi għal data meħtieġa filwaqt li jiġu mħarsa d-drittijiet fundamentali;

17.Jenfasizza li d-diżinformazzjoni, b'mod speċjali meta tkun amplifikata minn teknoloġiji ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali u d-deepfakes, sew jekk jintużaw minn attur statali kif ukoll minn atturi mhux statali, tista' tirrappreżenta theddida għad-demokrazija u s-sigurtà; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni parti integrali tal-Istrateġija tagħna dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, inkluż billi talloka finanzjament adegwat; jieħu nota tal-Pjan ta' Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea, li jindirizza l-isfida tad-diżinformazzjoni bħala theddida potenzjali għas-sigurtà interna; ifakkar fl-importanza ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni biex iċ-ċittadini jiġu infurmati dwar il-fatt li jintużaw tali tekniki ta' diżinformazzjoni;

18.Jirrikonoxxi li l-ġlieda kontra theddid ibridu li għandu l-għan li jdgħajjef il-koeżjoni soċjali u jimmina l-fiduċja fl-istituzzjonijiet, kif ukoll isaħħaħ ir-reżiljenza tal-UE, hija element importanti tal-Istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa ta' kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-Istati Membri u ta' koordinazzjoni aħjar fil-livell tal-EU, bejn l-atturi kollha, sabiex jiġi miġġieled dan it-theddid; jilqa' l-miżuri ewlenin għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu stabbiliti mill-Kummissjoni, u jisħaq fuq il-ħtieġa li l-kunsiderazzjonijiet ibridi jiġu integrati fit-tfassil ta' politika usa';

19.Jisħaq li t-teknoloġiji ġodda u li qed jevolvu jidħlu fl-aspetti kollha tas-sigurtà, u joħolqu sfidi u theddid ġodda għas-sigurtà; jenfasizza l-importanza ta' infrastruttura kritika sigura, inkluża l-infrastruttura diġitali u tal-komunikazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippjana b'mod proattiv għar-riċerka, l-iżvilupp, u l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji ġodda biex tiġi żgurata s-sigurtà interna tal-UE, b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u l-valuri Ewropej; jissottolinja li l-UE ma tridx tiffinanzja teknoloġiji li jiksru d-drittijiet fundamentali;

20.Jenfasizza li l-infrastruttura tal-5G hija komponent strateġiku tas-sigurtà Ewropea futura u komponent ewlieni tar-reżiljenza strateġika Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan għall-bini tal-5G Ewropew, inkluż finanzjament għall-iżvilupp tiegħu fl-Ewropa u pjan biex gradwalment titneħħa u tiġi sostitwita t-teknoloġija tal-5G minn pajjiżi terzi li ma jirrispettawx id-drittijiet fundamentali u l-valuri Ewropej;

21.Jinnota li l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin kriminali spiss tkun marbuta ma' forom oħra ta' kriminalità organizzata; jistenna li l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar tal-Migranti għall-2021-2025 jipproponi azzjonijiet biex tittejjeb il-kapaċità għall-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tan-networks ta' faċilitazzjoni ta' dħul klandestin kriminali; huwa tal-fehma li fost l-aspetti ewlenin tiegħu, il-Pjan ta' Azzjoni għandu jindirizza l-użu ta' pjattaformi tal-midja soċjali u pjattaformi ta' messaġġi online użati minn persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin ta' migranti biex jirreklamaw is-servizzi tagħhom u jirreklutaw il-klijenti; jemmen li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-minorenni mhux akkumpanjati, li jikkostitwixxu grupp vulnerabbli ħafna u li jiffaċċjaw diversi riskji, fosthom il-vjolenza, l-abbuż, u l-isfruttament, tul ir-rotot tal-migrazzjoni lejn u fi ħdan l-UE[24]; jieħu nota tar-rwol tal-aġenziji u l-entitajiet tal-UE, b'mod partikolari ċ-Ċentru tal-Europol kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti (EMSC); jistieden lill-Istati Membri jikkonformaw mad-dritt internazzjonali meta jittrattaw l-għajnuna umanitarja għal persuni li jsibu ruħhom f'diffikultà fuq il-baħar f'konformità mal-gwida tal-Kummissjoni tal-2020;

22.Jilqa' l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni 2020-2025 tal-UE dwar it-traffikar tal-armi tan-nar, li jinkludi indikaturi xierqa u dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtar u li jħaddan is-sħab tax-Xlokk tal-Ewropa (il-Balkani tal-Punent, il-Moldova u l-Ukrajna), filwaqt li jżid il-kooperazzjoni mal-pajjiżi fil-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tintroduċi ġbir sistematiku u armonizzat tad-data dwar il-qbid tal-armi tan-nar;

23.Jitlob implimentazzjoni rapida tal-azzjoni preparatorja proposta mill-Parlament Ewropew dwar il-monitoraġġ effiċjenti tad-darknet fil-livell tal-UE, u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jinvestigaw azzjonijiet oħra li jipprevjenu t-traffikar tal-armi tan-nar fid-darknet;

24.Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tikkonferma l-impenn tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà taċ-ċittadini minn theddid relatat mad-droga permezz tal-adozzjoni ta' Aġenda ġdida tal-UE dwar id-Droga għall-ħames snin li ġejjin; huwa tal-fehma li l-politika tal-Unjoni dwar id-droga għandha tkompli ssegwi approċċ integrat, ibbilanċjat, multidixxiplinari u bbażat fuq l-evidenza u d-drittijiet tal-bniedem, u tkun ikkoordinata mill-qrib mal-azzjoni esterna tal-Unjoni; jinsisti li l-azzjoni tal-Unjoni fir-rigward tad-droga illeċita għandha tiddedika attenzjoni u riżorsi komparabbli kemm għan-naħa tal-provvista kif ukoll għan-naħa tad-domanda tal-fenomenu, u jitlob li jkun hemm enfasi akbar fuq ir-riabilitazzjoni u l-prevenzjoni fil-pjan ta' azzjoni tal-UE, inkluż permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni ddedikati b'mod speċjali għat-tfal u ż-żgħażagħ;

25.Jappoġġja l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili u ta' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fid-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Aġenda u l-Pjan tal-Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi 2021-2025; huwa tal-fehma li r-risponsi tal-Unjoni u dawk nazzjonali għal sfidi relatati mad-droga għandhom jitfasslu bl-aktar involviment wiesa' possibbli ta' dawk ikkonċernati, inklużi dawk li jieħdu d-droga; jitlob l-estensjoni tal-mandat tal-EMCDDA biex ikopri dipendenzi multipli;

26.Jieħu nota tal-pjan tal-Kummissjoni li tirrevedi l-mandat tal-Europol biex tkun tista' ssir hub għall-iskambju ta' informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi u għall-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja u organizzata fl-UE; jisħaq li dan il-mandat aġġornat il-ġdid għandu jipprovdi lill-Europol bl-għodod rilevanti għall-kooperazzjoni b'mod aktar effettiv mas-sħab rilevanti kollha; jisħaq li tibdil bħal dan għandu jiġi akkumpanjat minn obbligu ta' rendikont politiku msaħħaħ, kif ukoll kontroll ġudizzjarju u skrutinju parlamentari msaħħa, b'enfasi kbira fuq l-obbligu ta' rendikont, it-trasparenza u r-rispett għad-drittijiet fundamentali; jisħaq li r-reviżjoni tal-mandat tal-Europol għandha tallinja bis-sħiħ ir-reġim tal-protezzjoni tad-data tal-aġenzija mar-Regolament(UE) 2018/1725[25]; jitlob li tiġi ppreżentata evalwazzjoni tal-qafas legali attwali għall-mandat tal-Europol kif previst fl-Artikolu68 tar-Regolament attwali tal-Europol;

27.Jieħu nota tal-modernizzazzjoni possibbli tal-qafas leġiżlattiv tad-deċiżjonijiet ta' Prüm; jirrikonoxxi n-nuqqasijiet u t-titjib potenzjali li ġew identifikati minn diversi esperti, u li kienu attribwiti, fost l-oħrajn, għal kwalità tad-data insuffiċjenti; ifakkar l-importanza ta' data disponibbli għall-pubbliku u preċiża rigward l-użu ta' Prüm, u jistieden lill-Kummissjoni tiġbor din id-data mill-Istati Membri parteċipanti kollha sabiex tevalwa kif xieraq il-qafas Prüm attwali u tippermetti li jsir skrutinju demokratika sinifikanti; jitlob li kwalunkwe proposta ġdida jkun fiha l-obbligu li l-Istati Membri jipprovdu din id-data lill-Kummissjoni, li trid tintuża għal rapporti ta' rieżami regolari u li jkunu disponibbli għall-pubbliku; jitlob, barra minn hekk, li l-proposta tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa, li tkopri l-implikazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali, li għandha turi jekk ikunx hemm valur miżjud fl-iskambju awtomatiku tad-data, kif ukoll jekk hemmx bżonn ta' kategoriji addizzjonali ta' data bijometrika; jisħaq li kwalunkwe soluzzjoni ġdida trid tirrispetta l-prinċipji tan-neċessità u l-proporzjonalità, kif ukoll l-acquis tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, u tipprevedi salvagwardji robusti biex jiġu mħarsa d-drittijiet fundamentali;

28.Jenfasizza li d-Direttiva dwar l-Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri (API)[26] ikkontribwiet għal kontrolli fuq il-fruntieri aktar effettivi u għall-identifikazzjoni ta' persuni li jippreżentaw theddida għas-sigurtà; jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi verżjoni ġdida tad-Direttiva API biex tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona u l-acquis dwar il-protezzjoni tad-data; jistenna li din ir-reviżjoni tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa, filwaqt li jitqiesu l-implikazzjonijiet tad-drittijiet fundamentali;

29.Ifakkar li fis-snin reċenti ġew finalizzati inizjattivi leġiżlattivi importanti tal-UE sabiex jinstabu kriminali fil-fruntieri esterni tagħha u sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-kooperazzjoni tal-pulizija bil-għan li jingħata kontribut għal livell għoli ta' sigurtà fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja tal-Unjoni; ifakkar, barra minn hekk, li dawn l-inizjattivi jinkludu arkitettura ġdida għas-sistemi ta' informazzjoni tal-UE u l-interoperabbiltà tagħhom, u li l-attenzjoni issa għandha tkun iffukata fuq l-implimentazzjoni f'waqtha tagħhom, b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali;

30.Jisħaq li kapaċità suffiċjenti għall-ipproċessar tal-informazzjoni mill-infurzar tal-liġi hija parti essenzjali mill-katina kollha tal-isforzi tas-sigurtà fl-Unjoni kollha kemm hi; jirrimarka li kapaċità insuffiċjenti fi Stat Membru wieħed jew aktar iddgħajjef b'mod serju l-effettività tal-politiki tas-sigurtà tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dak kollu li huwa fil-kompetenza tagħha biex tiżgura kapaċità adegwata għall-ipproċessar tal-informazzjoni fl-Istati Membri;

31.Jirrikonoxxi l-ħidma tal-Eurojust fl-appoġġ u l-koordinazzjoni tal-ħidma tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-kriminalità transnazzjonali; jitlob li jsiru aktar sforzi għall-promozzjoni tal-fiduċja reċiproka fost l-awtoritajiet ġudizzjarji, inkluż permezz tal-implimentazzjoni effettiva tad-Direttivi dwar il-Pjan Direzzjonali Proċedurali, u għall-faċilitazzjoni u l-aċċellerazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni u komunikazzjoni fis-settur ġudizzjarju fl-Unjoni Ewropea; jisħaq li l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali qed taqa' lura fid-diġitalizzazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu lill-awtoritajiet ġudizzjarji appoġġ finanzjarju biex jiżguraw standards analitiċi adegwati u għodod diġitali xierqa, biex jiffaċilitaw u jaċċelleraw il-kooperazzjoni tagħhom, u jippermettu l-iskambju sigur ta' informazzjoni; jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2ta'Diċembru2020 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-UE, u l-proposta għal regolament dwar sistema kompjuterizzata għall-komunikazzjoni fi proċedimenti ċivili u kriminali transfruntiera (sistema e-CODEX);

32.Jirrimarka li l-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri u r-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet u sentenzi ġudizzjarji għandhom jittejbu, inkluż permezz ta' implimentazzjoni f'waqtha u korretta ta' strumenti ta' kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali; jirrimarka li ċerti żviluppi fis-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt f'diversi Stati Membri kellhom impatt fuq dan l-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja b'mod ġenerali; jisħaq, f'dan ir-rigward, li l-fiduċja reċiproka tiddependi minn fehim komuni tal-valuri tal-UE minquxa fl-Artikolu2 tat-TUE, inkluż l-istat tad-dritt, li l-ġudikaturi indipendenti u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma komponenti essenzjali tiegħu;

33.Itenni t-talba tiegħu li tittieħed aktar azzjoni biex jittejjeb it-taħriġ tal-infurzar tal-liġi rigward strateġiji biex jiġu miġġielda r-razziżmu u d-diskriminazzjoni, u jiġu pprevenuti, identifikati u pprojbiti t-tfassil ta' profili razzjali u etniċi u l-vjolenza; jistieden lill-Istati Membri jinvestu f'dan il-qasam u jikkooperaw mas-CEPOL u man-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju; jissottolinja li hemm ħtieġa kontinwa ta' taħriġ dwar ix-xejriet tar-radikalizzazzjoni, it-terroriżmu u l-ħasil tal-flus;

34.Jilqa' t-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE); jitlob li tiġi ppreservata l-indipendenza tiegħu, u li jiġi żgurat it-tħaddim effettiv tiegħu fil-proċeduri ġudizzjarji nazzjonali; huwa mħasseb li l-Kummissjoni wettqet ommissjoni sinifikanti billi ma qisitx ir-rwol tal-UPPE fit-tisħiħ tal-Unjoni tas-Sigurtà tagħna: jitlob li ssir valutazzjoni ta' estensjoni potenzjali tal-mandat tal-UPPE f'konformità mal-Artikolu83 tat-TFUE, ladarba l-UPPE jkun operattiv bis-sħiħ;

35.Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi u regoli oħra tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi; jilqa' l-adozzjoni tal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Vittmi u l-ħolqien tal-kariga ta' Koordinatur tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Vittmi; itenni t-talba tiegħu li tingħata attenzjoni speċjali lil vittmi vulnerabbli u għall-possibbiltà ta' kumpens li għandu jitħallas minn assi maqbuda u kkonfiskati u r-rikavat minn attività kriminali; itenni t-talba tiegħu li jiġi żgurat finanzjament sostenibbli għas-servizzi ta' appoġġ għall-vittmi;

36.Itenni l-ħtieġa ta' protezzjoni effettiva u għajnuna lil vittmi vulnerabbli tat-traffikar tal-bnedmin, inkluża r-riintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà, b'attenzjoni partikolari għal minorenni mhux akkumpanjati; jenfasizza l-ħtieġa li l-persunal tal-infurzar tal-liġi jiġi mħarreġ dwar l-aspetti psikoloġiċi tat-traffikar, u ta' approċċ favur it-tfal u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u li jimplimenta l-leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni;

37.Jisħaq li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri hija aspett kruċjali għall-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni, it-tnaqqis tal-vjolenza domestika, u għall-prevenzjoni tal-abbuż sesswali u l-abbuż tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi miżuri biex tappoġġja l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala komponent ta' prevenzjoni importanti tal-istrateġija dwar is-sigurtà tagħha, u jistieden lill-Kunsill jattiva l-klawsola "passerelle" billi jadotta deċiżjoni unanima li tidentifika l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet (u forom oħrajn ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru) bħala wieħed mill-oqsma ta' kriminalità definiti fl-Artikolu83(1) tat-TFUE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprijoritizzaw il-ġlieda konta l-vjolenza domestika billi jipprovdu servizzi ta' appoġġ, jistabbilixxu unitajiet ta' infurzar tal-liġi speċjalizzati u jieħdu passi kontra dawn ir-reati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu data aġġornata dwar dan; jitlob lil-UE u lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul;

38.Jesprimi dispjaċir għan-nuqqas sistematiku ta' implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tal-miżuri ta' sigurtà tal-UE mill-Istati Membri; iqis li l-miżuri ta' sigurtà mhux biss iridu jiġu implimentati skont x'tgħid il-liġi, iżda wkoll skont l-ispirtu tagħha; jinnota li jekk il-miżuri ta' sigurtà mhux qed jiġu implimentati b'mod sistematiku bis-sħiħ u fil-ħin, jirriskjaw li jispiċċaw bla effett, u jistgħu ma jirriżultawx f'aktar sigurtà, u għalhekk ma jibqgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti tan-neċessità u l-proporzjonalità; jistieden lill-Kummissjoni tibda proċeduri ta' ksur immedjatament wara d-data ta' skadenza tat-traspożizzjoni jew wara li jkun ġie identifikat ksur;

39.Jisħaq fuq l-importanza tal-evidenza tal-effettività tal-miżuri ta' sigurtà attwali tal-UE; jirrimarka li l-punt sa fejn ir-restrizzjoni tad-drittijiet fundamentali tista' titqies neċessarja u proporzjonata jiddependi mill-effettività ta' dawn il-politiki, ippruvata permezz ta' evidenza kwantitattiva u kwalitattiva li hija disponibbli għall-pubbliku; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni sa issa qiegħdet għad-dispożizzjoni biss evidenza aneddotali dwar miżuri ta' sigurtà, iżda l-ebda evidenza kwantitattiva;

40.Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa b'mod regolari l-politiki u l-ftehimiet dwar is-sigurtà attwali, u fejn neċessarju, iġġibhom f'konformità mal-ġurisprudenza tal-QĠUE; huwa tal-fehma li l-ftehimiet dwar ir-reġistru tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) mal-Istati Uniti tal-Amerka u l-Awstralja jridu jiġu emendati b'urġenza biex ikunu konformi mal-ġurisprudenza tal-QĠUE, u jqis ir-rifjut tal-Kummissjoni li taġixxi kif xieraq bħala ommissjoni gravi;

41.Huwa mħasseb dwar l-esternalizzazzjoni ta' xi attivitajiet mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi għas-settur privat, u jitlob sorveljanza aħjar ta' kwalunkwe kooperazzjoni privata-pubblika fil-qasam tas-sigurtà; jesprimi dispjaċir għan-nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tal-finanzjament tal-UE għal kumpaniji privati li jistabbilixxu sistemi tas-sigurtà jew partijiet tagħhom;

42.Huwa mħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta' riżorsi allokati lil xi aġenziji tal-UE li qed jaġixxu fil-qasam tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni (ĠAI) biex jikkonformaw bis-sħiħ mal-mandat tagħhom; jitlob finanzjament u persunal xierqa tal-aġenziji u l-korpi tal-UE fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni sabiex l-UE twettaq l-Istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà;

43.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Diċembru 2020
Avviż legali-Politika tal-privatezza