MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar l-arrest ta' Aleksei Navalny
19.1.2021-()
skont l-Artikolu132(2) tar-Regoli ta' Proċedura
Urmas Paet, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Olivier Chastel, Katalin Cseh, Bernard Guetta, Karin Karlsbro, Klemen Grošelj, Moritz Körner, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Javier Nart, Frédérique Ries, Michal Šimečka, Dragoş Tudorache, Nicolae Ştefănuță, Ramona Strugariu
f'isem il-Grupp Renew
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuniRC-B9-0090/2021
9‑0094/2021
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-arrest ta' Aleksei Navalny
()
Il-Parlament Ewropew,
–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, b'mod partikolari dawk tal-15ta'Jannar2015 dwar ir-Russja, b'mod partikolari l-każ ta' Alexei Navalny[1], tat-12ta'Marzu2015 dwar l-omiċidju tal-kap tal-oppożizzjoni Russu Boris Nemtsov u l-istat tad-demokrazija fir-Russja[2], tas-6ta'April2017 dwar ir-Russja, l-arrest ta' Alexei Navalny u dimostranti oħra[3] u tas-17ta'Settembru2020 dwar is-sitwazzjoni fir-Russja: l-avvelenament ta' Alexei Navalny[4],
–wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),
–wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa, b'mod partikolari l-Kapitolu2 u speċifikament l-Artikolu29 tagħha dwar il-ħarsien tal-libertà tal-kelma, u l-obbligi internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li r-Russja ntrabtet li tosserva bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u tan-Nazzjonijiet Uniti,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Kunsill Ewropew u tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), tas-17ta'Jannar2021, b'segwitu għad-detenzjoni ta' Aleksei Navalny,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, tat-18ta'Jannar2021, b'segwitu għad-detenzjoni ta' Aleksei Navalny,
–wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-VP/RGħ, tal-24ta'Awwissu u tat-2ta'Settembru2020, dwar l-avvelenament ta' Aleksei Navalny u d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà f'isem l-UE, tat-3ta'Settembru2020, dwar l-avvelenament ta' Aleksei Navalny,
–wara li kkunsidra l-Artikolu132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A.billi fis-17ta'Jannar2021, Aleksei Navalny, esponent politiku prominenti tal-oppożizzjoni Russa, avukat, blogger u attivista fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, ġie arrestat fl-Ajruport Internazzjonali Sheremetyevo ta' Moska, mal-wasla tiegħu lura r-Russja mill-Ġermanja, fejn ingħatawlu kuri mediċi, u ma tħalliex jara l-avukati tiegħu;
B.billi fit-18ta'Jannar2021 Aleksei Navalny ġie kkundannat 30jum ħabs, fl-istennija ta' proċess, waqt seduta mingħajr preċedent u organizzata bil-għaġla li saret f'għassa tal-pulizija, fl-assenza tal-avukat ta' Navalny;
C.billi Aleksei Navalny ġie ttrasportat il-Ġermanja waqt li kien f'koma biex jieħu kuri mediċi wara li kien ġie avvelenat fl-20ta'Awwissu2020 minn membri tas-Servizz Federali ta' Sigurtà (FSB) tal-Federazzjoni Russa;
D.billi l-isptar universitarju Charité ta' Berlin ikkonkluda li Aleksei Navalny kien ġie avvelenat b'aġent nervin militari tal-grupp "Novichok", żviluppat mill-Unjoni Sovjetika u mill-Federazzjoni Russa u huwa disponibbli biss għall-istrutturi militari u għas-servizzi sigrieti fir-Russja; billi n-natura tal-avvelenament ġiet ikkonfermata minn aktar minn laboratorju wieħed;
E.billi, skont il-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi, l-avvelenament ta' individwu permezz tal-użu ta' aġent nervin jitqies użu ta' armi kimiċi u billi l-użu ta' armi kimiċi min-naħa ta' kwalunkwe persuna fi kwalunkwe ċirkostanza tikkostitwixxi ksur gravi tad-dritt internazzjonali u tal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;
F.billi s-Servizz Penitenzjarju Federali Russu ħabbar li Aleksei Navalny inżamm f'detenzjoni fl-istennija ta' seduta tal-qorti għal ksur tat-termini ta' sentenza sospiża preċedenti, dwar l-hekk imsejħa kawża Yves Rocher;
G.billi, f'sentenza tas-17ta'Ottubru2017, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) stabbiliet li Aleksei Navalny u ħuh Oleg kienu ġew ikkundannati inġustament għal reati finanzjarji fl-hekk imsejħa kawża Yves Rocher tal-2014 u li l-qrati Russi taw deċiżjonijiet "arbitrarji u manifestament irraġonevoli" fil-kawża, billi ordnaw lill-Federazzjoni Russa tħallas liż-żewġ aħwa aktar minn EUR80000 f'kumpens għad-danni u fi spejjeż;
H.billi fil-25ta'April2018, wara li rieżaminat il-kawża b'segwitu għal talba tal-QEDB, il-Qorti Suprema tal-Federazzjoni Russa kkonfermat is-sentenza fil-konfront ta' Aleksei Navalny u ħuh Oleg fl-hekk imsejħa kawża Yves Rocher;
I.billi fil-passat Aleksei Navalny kien safa attakkat, inżamm f'detenzjoni, ġie arrestat u kkundannat, bħala tentattiv biex jitwaqqfu l-attivitajiet politiċi u pubbliċi tiegħu;
J.billi l-prosekuturi Russi bdew proċedimenti kriminali ġodda fil-konfront ta' Aleksei Navalny u nqdew bil-kundanni politikament immotivati biex jimpeduh milli joħroġ għall-elezzjonijiet presidenzjali Russi fl-2018;
K.billi madwar 70ruħ inżammu f'detenzjoni waqt li kienu qegħdin jistennew il-wasla ta' Aleksei Navalny, skont ir-rapporti tal-OVD-Info, proġett medjatiku indipendenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-persekuzzjonijiet politiċi fir-Russja;
L.billi t-tentattiv ta' assassinju u l-arrest ta' Aleksei Navalny huma biss l-aħħar eżempji ta' rigress gravi tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tar-rispett tal-prinċipji demokratiċi u tal-istat tad-dritt fil-Federazzjoni Russa;
M.billi, skont is-soċjetà magħrufa għad-drittijiet tal-bniedem Russa Memorial, fil-Federazzjoni Russa hemm aktar minn 300priġunier politiku u reliġjuż;
N.billi d-drittijiet għal-libertà tal-ħsieb u tal-kelma, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika huma minquxa fil-kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa;
O.billi l-bosta tentattivi ta' assassinju b'avvelenament b'aġenti nervini militari u mezzi oħra, kif ukoll ir-rifjut ta' kooperazzjoni fil-proċediment ġudizzjarju rigward it-twaqqigħ tal-ajruplan tat-titjira MH17, wasslu f'minimu storiku r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Punent minn naħa u l-Federazzjoni Russa min-naħa l-oħra;
1.Jitlob il-ħelsien minnufih ta' Aleksei Navalny u tal-individwi kollha miżmuma f'detenzjoni fl-okkażjoni tal-wasla tiegħu lura r-Russja;
2.Jikkundanna l-arrest ta' Aleksei Navalny u r-repressjoni għal raġunijiet politiċi fil-konfront tiegħu min-naħa tal-awtoritajiet Russi, anki permezz tal-użu tas-sistema ġudizzjarja;
3.Jitlob lill-awtoritajiet Russi jtemmu l-vessazzjonijiet, l-intimidazzjonijiet, il-vjolenza u r-repressjoni fil-konfront tal-oppożituri politiċi;
4.Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-aġir tal-Federazzjoni Russa, li jqis inopportun għal membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-OSKE li ntrabat li josserva l-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt kif minquxa fil-KEDB u fil-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; jinkoraġġixxi lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-OSKE jadottaw miżuri adegwati biex jevalwaw il-ksur tal-impenji li ħadet il-Federazzjoni Russa;
5.Jissottolinja li l-arrest ta' Aleksei Navalny u t-tentattiv ta' assassinju fil-konfront tiegħu huma parti minn sforz sistematiku biex isikktu lilu u lid-dissidenti l-oħra li jsemmgħu leħinhom, kif ukoll biex jiddisswadu l-oppożizzjoni politika fil-pajjiż; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-forzi demokratiċi fir-Russja, li huma impenjati favur soċjetà miftuħa u ħielsa;
6.Jikkundanna r-rikors ripetut min-naħa tal-Federazzjoni Russa għal aġenti nervini kimiċi kontra ċ-ċittadini tagħha stess u jfakkar li l-użu ta' armi kimiċi fi kwalunkwe ċirkostanza jikkostitwixxi reat deplorevoli fl-ambitu tad-dritt internazzjonali;
7.Itenni l-appell tiegħu lill-Federazzjoni Russa biex tibgħat lill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi informazzjoni eżawrjenti u kompluta dwar il-programm Novichok tagħha, tiżgura li dawk responsabbli mir-reat li tiegħu kien vittma Aleksei Navalny jagħtu kont ta' għemilhom u tawtorizza investigazzjoni internazzjonali dwar il-ksur tal-impenji internazzjonali tar-Russja fis-settur tal-armi kimiċi;
8.Jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill Affarijiet Barranin jieħdu pożizzjoni attiva f'dan ir-rigward waqt il-laqgħat li jmiss tagħhom u jħarrxu konsiderevolment il-miżuri restrittivi tal-UE fil-konfront tar-Russja, anki billi jimponu sanzjonijiet fil-konfront tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi involuti fid-deċiżjoni dwar l-arrest u l-priġunerija ta' Aleksei Navalny;
9.Jistieden lill-Istati Membri jirrieżaminaw b'mod kritiku l-kooperazzjoni tal-UE mar-Russja permezz ta' diversi pjattaformi ta' politika estera u proġetti bħal Nord Stream2;
10.Jistieden lill-UE żżid is-sostenn lid-dissidenti, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Russi, kif ukoll lill-mezzi ta' komunikazzjoni u lill-ġurnalisti indipendenti tal-pajjiż;
11.Jiddispjaċih li Aleksei Navalny mhux se jkun awtorizzat jintervjeni quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE), kif previst għad-19ta'Jannar2021, filwaqt li d-delegazzjoni parlamentari Russa dan l-aħħar ġiet awtorizzata tirritorna fl-APKE;
12.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.
- [1] ĠU C300, 18.8.2016, p.2.
- [2] ĠU C316, 30.8.2016, p.126.
- [3] ĠU C298, 23.8.2018, p.56.
- [4] Testi adottati, P9_TA(2020)0232.