Ϸվ

Ի徱ċ
Preċedenti
Li jmiss
Test sħiħ
Proċedura :
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A9-0248/2020

Testi mressqa :

A9-0248/2020

Dibattiti :

PV18/01/2021-17
CRE18/01/2021-17

Votazzjonijiet :

PV20/01/2021-17

Testi adottati :

P9_TA(2021)0006

Testi adottati
PDF210kWORD67k
L-Erbgħa, 20 ta' Jannar 2021-Brussell
Il-Mandat ta' Arrest Ewropew u tal-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membr
P9_TA(2021)0006A9-0248/2020

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Jannar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u tal-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri ()

Il-Parlament Ewropew,

–wara li kkunsidra l-Artikoli2, 3, 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu82 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), b'mod partikolari l-Artikoli4, 47, 48 u 52 tagħha,

–wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) li tirreferi għar-rikonoxximent reċiproku, id-drittijiet fundamentali u l-obbligi skont l-Artikolu2 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) fir-rigward tad-dritt għall-ħajja(1),

–wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill2002/584/JHA tat-13ta'Ġunju2002 fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri(2) (Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew),

–wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill2008/947/ĠAI tas-27ta'Novembru2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' sentenzi u deċiżjonijiet li jinvolvu probation bil-ħsieb ta' sorveljanza ta' miżuri ta' probation u ta' sanzjonijiet alternattivi(3),

–wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill2009/299/ĠAI tas-26ta'Frar2009 li temenda d-Deċiżjonijiet Kwadru2002/584/ĠAI, 2005/214/ĠAI, 2006/783/ĠAI, 2008/909/ĠAI u 2008/947/ĠAI, u b'hekk issaħħaħ id-drittijiet proċedurali ta' persuni, li trawwem l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku fir-rigward ta' deċiżjonijiet mogħtija fl-assenza tal-persuna konċernata fil-kawża(4),

–wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill2009/829/ĠAI tat-23ta'Ottubru2009 dwar l-applikazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku għal deċiżjonijiet dwar miżuri ta' superviżjoni bħala alternattiva għal detenzjoni proviżorja(5),

–wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri( u SEC(2005)0267, u SEC(2006)0079, u SEC(2007)0979 u u SEC(2011)0430),

–wara li kkunsidra l-verżjoni riveduta tal-manwal dwar il-ħruġ u l-eżekuzzjoni ta' Mandat ta' Arrest Ewropew,

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15ta'Diċembru2011 dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni fl-UE(6), tas-27ta'Frar2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar ir-rieżami tal-Mandat ta' Arrest Ewropew(7), u tal-5ta'Ottubru2017 dwar is-sistemi penitenzjarji u l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet(8),

–wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu adottata fl-ewwel qari fis-17ta'April2019 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm Ġustizzja(9),

–wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kunsill tal-2009 għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali ta' persuni suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali(10),

–wara li kkunsidra d-Direttiva2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20ta'Ottubru2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali(11),

–wara li kkunsidra d-Direttiva2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22ta'Mejju2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali(12),

–wara li kkunsidra d-Direttiva2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22ta'Ottubru2013 dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma' partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà(13),

–wara li kkunsidra d-Direttiva (UE)2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9ta'Marzu2016 dwar it-tisħiħ ta' ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali(14),

–wara li kkunsidra d-Direttiva (UE)2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11ta'Mejju2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali(15),

–wara li kkunsidra d-Direttiva (UE)2016/1919 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26ta'Ottubru2016 dwar għajnuna legali għal persuni ssuspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali u għal persuni rikjesti fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew(16),

–wara li kkunsidra d-Direttiva2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3ta'April2014 dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali(17),

–wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS), ta' Ġunju2020, dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew,

–wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-2ta'Lulju2020 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13ta'Ġunju2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri (),

–wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew li tlestiet f'Jannar2014, fuq talba tal-EPRS, dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew, u l-ispiża tal-EPRS ta' studju mhux dwar l-Ewropa dwar id-drittijiet proċedurali u l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni ta' Diċembru2017,

–wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kunsill tas-27ta'Mejju2009 dwar ir-raba' ċiklu ta' evalwazzjonijiet reċiproċi – l-applikazzjoni prattika tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja korrispondenti bejn l-Istati Membri,

–wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-26ta'Settembru2019 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22ta'Ottubru2013 dwar id-dritt ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta' mandat ta' arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma' partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (),

–wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13ta'Diċembru2018 fuq ir-rikonoxximent reċiproku f'materji kriminali – "Promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku bit-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka"(18),

–wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16ta'Diċembru2019 dwar miżuri alternattivi għad-detenzjoni: l-użu ta' sanzjonijiet u miżuri mingħajr detenzjoni fil-qasam tal-ġustizzja kriminali(19),

–wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025) (),

–wara li kkunsidra r-rapporti mill-NGOs nazzjonali, Ewropej u internazzjonali,

–wara li kkunsidra r-Regolament (UE)2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14ta'Novembru2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/JHA(20),

–wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30ta'Settembru2020 intitolata "Ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt: Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea (),

–wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7ta'Ottubru2020 dwar l-istabbiliment ta' Mekkaniżmu tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali(21),

–wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv tal-2002 għall-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra,

–wara li kkunsidra x-xogħol li għamlet l-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali, b'mod partikolari r-rapporti bit-titlu "Rights in practice: access to a lawyer and procedural rights in criminal and European arrest warrant proceedings" (Id-drittijiet fil-prattika: aċċess għal avukat u drittijiet proċedurali fi proċedimenti kriminali u ta' mandat ta' arrest Ewropew) tat-13ta'Settembru2019, "Criminal detention conditions in the European Union: rules and reality" (Kundizzjonijiet tad-detenzjoni kriminali fl-Unjoni Ewropea: regoli u realtà) tal-11ta'Diċembru2019 u "Criminal detention and alternatives: fundamental rights aspects in EU cross-border transfers" (Id-detenzjoni kriminali u alternattivi: aspetti tad-drittijiet fundamentali fit-trasferimenti transfruntiera tal-UE) tad-9ta'Novembru2016, u l-bażi tad-data dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni kriminali mnedija f'Diċembru2019,

–wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-kwistjonijiet penitenzjarji u dwar il-kooperazzjoni tal-liġi kriminali,

–wara li kkunsidra l-Artikolu54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu1(1)(e) u l-Anness3 tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12ta'Diċembru2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

–wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A9-0248/2020),

A.billi l-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-Unjoni hija fattur rilevanti għall-indirizzar b'suċċess tal-isfidi ambjentali, soċjali, ekonomiċi u diġitali eżistenti;

B.billi l-proċedura tal-Mandat ta' Arrest Ewropew (MAE) hija proċedura ta' konsenja ġudizzjarja transfruntiera simplifikata u rapida li ġiet adottata wara l-attakki terroristiċi tad-9/11 u li, sa mill-varar tagħha, saret l-istrument emblematiku u l-aktar waħda frekwentement użata għar-rikonoxximent reċiproku fi kwistjonijiet kriminali;

C.billi l-Mandat ta' Arrest Ewropew huwa ġeneralment suċċess u ssostitwixxa l-estradizzjonijiet b'konsenji; billi l-konsenji tnaqqsu għal medja ta' 40jum fl-2017 minn medja ta' 50jum fl-2016, fejn l-individwu ma jagħtix il-kunsens tiegħu, għalkemm f'xi Stati Membri hemm dewmien jew nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tar-rikonoxximent reċiproku; billi f'ċerti każijiet rari xi Stati Membri rrappurtaw proċeduri ta' konsenja li damu sa 90jum meta l-individwu ma jagħtix il-kunsens tiegħu;

D.billi bejn l-2005 u l-2016, mill-150000Mandat ta' Arrest Ewropew maħruġa ġew eżegwiti biss 43000; billi, kif spjegat il-Kummissjoni, tali numri meħuda weħedhom huma qarrieqa fir-rigward tal-metodoloġija użata u s-suċċess ġenerali;

E.billi l-kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE dwar kwistjonijiet kriminali hija bbażata fuq ir-rikonoxximent reċiproku fformulat mill-Kunsill Ewropew ta' Tampere tal-1999; billi t-Trattat ta' Lisbona biddel b'mod sinifikanti l-isfond kostituzzjonali tal-UE u pprovda bażi ġuridika espliċita għar-regoli u l-proċeduri biex jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku ta' kull forma ta' sentenza u deċiżjoni ġudizzjarja fl-Artikolu82 TFUE;

F.billi r-rikonoxximent reċiproku mhuwiex kunċett ġdid żviluppat fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja (AFSJ), iżda kien ġie żviluppat inizjalment fis-suq intern (il-loġika tal-Kawża Cassis de Dijon); billi, madankollu, ir-rikonoxximent reċiproku fil-ġustizzja kriminali għandu loġika u bażi ġuridika differenti mir-rikonoxximent reċiproku ta' regoli dwar l-aċċess għas-suq; billi, f'dak ir-rigward, ir-rikonoxximent reċiproku fl-AFSJ għandu karatteristiċi speċifiċi, minħabba l-implikazzjonijiet għad-drittijiet fundamentali u s-sovranità nazzjonali u l-punt sa fejn jeħtieġ li jiġi ffaċilitat mill-armonizzazzjoni ta' liġi kriminali sostantiva u proċedurali, b'mod partikolari fir-rigward tas-salvagwardji proċedurali; billi kwalunkwe tbegħid mill-implimentazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku fil-qasam kriminali jista' jkollu konsegwenzi negattivi u jaffettwa l-implimentazzjoni tiegħu f'oqsma oħra, bħas-suq intern;

G.billi r-rikonoxximent reċiproku jfisser ir-rikonoxximent dirett ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji minn Stati Membri oħra b'nonrikonoxximent bħala eċċezzjoni, u jfisser li deċiżjoni ġudizzjarja m'għandhiex tiġi rifjutata biss fuq il-bażi li tinħareġ fi Stat Membru ieħor; billi l-applikazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet meħuda minn Stati Membri oħra mhijiex kompatibbli mar-reviżjoni ta' tali deċiżjonijiet sakemm ma ssirx għar-raġunijiet previsti fid-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew; billi l-kooperazzjoni u l-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti għandhom ikunu determinanti fl-implimentazzjoni ta' dan l-istrument; billi r-rikonoxximent reċiproku u d-drittijiet fundamentali jridu jimxu id f'id;

H.billi r-rikonoxximent reċiproku jeħtieġ livell għoli ta' fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u huwa r-riżultat ta' tali fiduċja fuq il-bażi ta' fehim komuni tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali; billi, sabiex tindirizza l-isfidi komuni b'suċċess, l-Unjoni Ewropea teħtieġ din il-fiduċja f'dan il-mument storiku u kruċjali; billi t-tisħiħ tal-fiduċja huwa essenzjali biex il-Mandat ta' Arrest Ewropew jopera mingħajr xkiel;

I.billi l-istabbiliment tal-mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali għandu jkun strumentali għall-fini tat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka peress li huwa maħsub biex jindika oqsma fejn huwa meħtieġ titjib fir-rigward tal-istat tad-dritt; billi l-implimentazzjoni inadegwata u inkonsistenti tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew minn ċerti Stati Membri mhux qed tgħin biex tissaħħaħ din il-fiduċja reċiproka; billi mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jista' jkun utli biex jipprovdi elementi li jiżguraw applikazzjoni konsistenti fejn l-eżekuzzjonijiet ikunu ġew irrifjutati abbażi ta' ksur tad-drittijiet fundamentali u għalhekk jissaħħaħ ir-rikonoxximent reċiproku bejn l-Istat Membru;

J.billi l-fiduċja reċiproka teħtieġ lill-Istati Membri jikkonformaw mad-dritt tal-UE u, b'mod partikolari, mad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-Karta u mal-istat tad-dritt, bħall-indipendenza ġudizzjarja;

K.billi l-Mandat ta' Arrest Ewropew għen biex jiġi żviluppat u kkonsolidat l-AFSJ; billi l-Artikolu6 tat-TUE dwar il-Karta u l-KEDB, l-Artikoli8, 15(3), 16 u 18 sa 25 TFUE, id-direttivi dwar id-drittijiet proċedurali u d-Direttiva2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-vittmi(22) huma kollha elementi kruċjali tal-qafas tal-AFSJ; billi l-applikazzjoni żbaljata tal-Mandat ta' Arrest Ewropew jista' jkollha effetti dannużi fuq il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja madwar l-Unjoni, fuq l-individwi u l-familji tagħhom, u fuq il-funzjonament taż-żona Schengen u d-drittijiet fundamentali;

L.billi s-sħubija mal-Unjoni Ewropea timplika r-rispett lejn serje ta' valuri bħad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, kif stabbilit kemm fl-Artikolu2 TUE kif ukoll fis-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri, f'konformità magħhom;

M.billi Unjoni tal-ugwaljanza, sabiex taqdi l-funzjoni protettiva tagħha, jeħtiġilha tiżgura l-protezzjoni għall-vittmi kollha ta' reati(23) filwaqt li fl-istess ħin tipproteġi d-drittijiet ta' persuni suspettati u akkużati; billi l-UE adottat strumenti li għandhom l-għan li jsaħħu d-drittijiet tal-vittmi billi adottat varjetà ta' strumenti apparti d-detenzjoni u l-konsenja ta' persuni suspettati u kkundannati;

N.billi l-biċċa l-kbira tal-kwistjonijiet imqajma mill-applikazzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew ġew indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE) f'ċerti domandi preliminari, bħal ne bis in idem(24), l-awtorità ġudizzjarja(25), is-supremazija u l-armonizzazzjoni tal-UE(26), l-indipendenza tal-ġudikatura(27), id-drittijiet fundamentali(28), l-inkriminazzjoni doppja(29), ir-raġunijiet għal rifjut u l-estradizzjoni taċ-ċittadini tal-UE lejn pajjiżi terzi(30); billi, fl-istess ħin, id-deċiżjonijiet ġudizzjarji ma jistgħux isiru sostitut għal leġiżlazzjoni mfassla sew fil-livell tal-Unjoni;

O.billi l-inkriminazzjoni doppja hija kunċett tal-estradizzjoni internazzjonali u, minkejja li bilkemm hija kompatibbli mar-rikonoxximent reċiproku, fil-prattika tista' tkun meħtieġa b'mod limitat ferm għall-persuni rikjesti bi qbil mal-ġurisprudenza tal-QĠUE; billi l-inkriminazzjoni doppja hija biss raġuni fakultattiva għal rifjut tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u hija rarament invokata mill-awtoritajiet ta' eżekuzzjoni; billi l-lista ta' reati mingħajr inkriminazzjoni doppja diġà tinkludi firxa wiesgħa ta' reati, li ħafna minnhom għadhom ma ġewx armonizzati tajjeb ħafna fl-Istati Membri, u billi tali lista għandha tiġi vvalutata mill-ġdid u possibbilment titwessa' skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu2(3) tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew;

P.billi l-kunċett tar-rikonoxximent reċiproku ma jkunx jirrikjedi l-armonizzazzjoni tad-dritt sostantiv u tal-proċeduri fil-qasam kriminali bħala tali, iżda billi l-prattika tal-kooperazzjoni ġudizzjarja wriet li hija meħtieġa l-armonizzazzjoni ta' ċerti standards u definizzjonijiet komuni limitati biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku, kif rikonoxxut mill-Artikolu82(2) TFUE; billi f'dawn l-aħħar snin sar ftit progress, b'mod partikolari l-adozzjoni ta' sitt direttivi dwar id-drittijiet proċedurali, id-Direttiva2012/29/UE, miżuri alternattivi għall-Mandat ta' Arrest Ewropew bħall-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea (OIE) u l-armonizzazzjoni ta' xi reati kriminali; billi, madankollu, is-sitt direttivi dwar is-salvagwardji proċedurali ma ġewx implimentati b'mod sħiħ u korrett, u dan ikompli joħloq tħassib;

Q.billi l-Kummissjoni saħqet fuq il-fatt li hemm diffikultajiet fl-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva2013/48/UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-possibbiltà li jkun hemm aċċess għal avukat kemm fl-Istat Membru ta' eżekuzzjoni kif ukoll f'dak emittenti; billi t-traspożizzjoni tad-direttivi l-oħra dwar is-salvagwardji proċedurali li fihom dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew (2010/64/UE, 2012/13/EU, (UE) 2016/800 u (UE) 2016/1919) kienet s'issa inadegwata, anki fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali għall-partijiet;

R.billi strumenti oħra għenu fl-indirizzar ta' ċerti kwistjonijiet marbuta mal-Mandat ta' Arrest Ewropew, bħad-Direttiva2014/41/UE dwar l-OIE u r-Regolament (UE)2018/1805 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' ordnijiet ta' ffriżar u ordnijiet ta' konfiska(31), u applikaw il-prinċipji tar-rikonoxximent reċiproku għal tipi oħra ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji;

S.billi l-pjan direzzjonali tal-UE tal-2009 għat-tisħiħ tad-drittijiet proċedurali fil-qasam kriminali jirrikonoxxi l-kwistjoni ta' perjodi ta' arrest preventiv; billi l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet huma problema f'ħafna Stati Membri u dawn iridu jkunu konformi mal-valuri minquxa fl-Artikolu2 TUE; billi hemm kwistjonijiet tal-istat tad-dritt f'xi Stati Membri, kif rifless fis-sentenzi tal-QEDB;

T.billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27ta'Frar2014 dwar ir-rieżami tal-Mandat ta' Arrest Ewropew, il-Parlament Ewropew talab, fost oħrajn, l-introduzzjoni ta' raġuni ta' rifjut mandatorju fejn ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex jiġi kkonstatat li l-eżekuzzjoni tal-miżura hija inkompatibbli mal-obbligu tal-Istat Membru ta' eżekuzzjoni f'konformità mal-Artikolu6 TUE u mal-Karta; billi fl-2017, kwistjonijiet marbuta mad-drittijiet fundamentali wasslu għal rifjut ta' konsenja f'109każijiet;

U.billi r-rikonoxximent reċiproku jirrikjedi li l-prattikanti, inklużi l-avukati tad-dritt kriminali, jitħarrġu fid-dritt tal-UE;

V.billi l-Eurojust għandha rwol essenzjali fil-faċilitazzjoni u l-koordinazzjoni tal-eżekuzzjoni ta' Mandati ta' Arrest Ewropej; billi l-assistenza tal-Eurojust qiegħda tintalab dejjem aktar fl-eżekuzzjoni tal-Mandati ta' Arrest Ewropej, u dan żid l-ammont ta' xogħol tagħha b'mod sinifikanti; billi fl-2019 biss l-Eurojust iffaċilitat l-eżekuzzjoni ta' Mandati ta' Arrest Ewropej relatati ma' 703każijiet ġodda u 574każ pendenti; billi l-Eurojust hija aġenzija indipendenti u awtonoma qrib l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew;

W.billi t-tqabbil tad-data juri xejra ta' żieda fl-għadd ta' Mandati ta' Arrest Ewropej, u l-għadd ta' Mandati ta' Arrest Ewropej maħruġa qed jiżdied sena wara sena;

X.billi implimentazzjoni armonizzata tal-Mandat ta' Arrest Ewropew, flimkien mal-implimentazzjoni sħiħa u korretta tad-direttivi dwar id-drittijiet proċedurali, użu msaħħaħ ta' miżuri alternattivi għall-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-istabbiliment ta' standards minimi tal-UE bħal pereżempju dawk dwar il-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet u tad-detenzjoni, se jipprevjenu l-għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni; billi implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-Mandat ta' Arrest Ewropew fl-Istati Membri kollha hija meħtieġa sabiex jiġi vvalutat kif xieraq il-funzjonament tal-istrumenti leġiżlattivi rilevanti u l-ħtieġa ta' emendi possibbli;

Valutazzjoni ġenerali tal-implimentazzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew

1.Jirrimarka li l-Mandat ta' Arrest Ewropew jirrappreżenta suċċess kbir u jikkostitwixxi strument effettiv, utli u indispensabbli sabiex jiġu miġġielda r-reati transfruntiera serji u sabiex dawk li jwettqu reati serji jitressqu quddiem il-ġustizzja fl-Istat Membru fejn ikunu saru jew ikunu qed isiru l-proċedimenti kriminali, u għandu effetti pożittivi fuq iż-żamma tal-AFSJ; jirrikonoxxi li l-Mandat ta' Arrest Ewropew iffaċilita u tejjeb b'mod sostanzjali l-kooperazzjoni fuq il-konsenji; jindika, madankollu, li f'dawn l-aħħar għoxrin sena d-dinja għaddiet minn trasformazzjoni diġitali li biddlet l-ekosistema tar-reati;

2.Jieħu nota tal-eżistenza ta' problemi partikolari; iqis li dawn il-problemi ma jixħtux dubju fuq is-sistema jew iqegħduha f'riskju, iżda juru li din għandha tittejjeb u tiġi aġġornata u li tali kwistjonijiet jeħtieġ li jiġu indirizzati sabiex jiġu eliminati ċerti punti mhux viżibbli u b'hekk tissaħħaħ is-sistema ġenerali u tiġi ssalvagwardjata l-konformità mal-istat tad-dritt u mad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri kollha; jiddikjara li ż-żona Schengen u t-trasformazzjoni diġitali ħolqu bosta opportunitajiet għaċ-ċittadini tal-UE; jinnota, madankollu, li l-fruntieri miftuħa u t-teknoloġiji l-ġodda jeħtieġu wkoll għodod effettivi li jippermettu l-awtoritajiet inkarigati mill-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura biex jipproċedu fir-rigward ta' reati transnazzjonali serji;

3.Jinnota li tali problemi jirrigwardaw prinċipalment il-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet u d-detenzjoni, il-proporzjonalità, l-implimentazzjoni fi proċedimenti tal-Mandat ta' Arrest Ewropew tas-salvagwardji proċedurali stabbiliti fil-liġi tal-UE, b'mod partikolari r-rappreżentazzjoni ġurdika doppja kemm fl-Istat ta' eżekuzzjoni kif ukoll f'dak emittenti, u taħriġ, kwistjonijiet speċifiċi dwar l-istat tad-dritt, l-eżekuzzjoni ta' sentenzi ta' kustodja(32), il-limiti ta' żmien(33) u d-deċiżjonijiet mogħtija in kontumaċja; jirrikonoxxi li ċerti każijiet qajmu l-kwistjoni ta' inkriminazzjoni doppja(34); josserva li f'każijiet oħrajn hemm inkonsistenza fl-applikazzjoni tar-raġunijiet għaċ-ċaħda tal-eżekuzzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew; jenfasizza barra minn hekk in-nuqqas ta' sistema kompluta ta' data li tippermetti l-kumpilazzjoni ta' statistika affidabbli kemm kwalitattiva kif ukoll kwantitattiva dwar il-ħruġ, l-eżekuzzjoni jew iċ-ċaħda ta' Mandati ta' Arrest Ewropej; jirrimarka li tali problemi mhux biss ifixklu l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri iżda huma għandhom piż soċjali u ekonomiku għall-individwi kkonċernati, il-familji tagħhom u s-soċjetajiet inġenerali;

4.Jinnota li ċerti kwistjonijiet diġà ġew parzjalment indirizzati u li qed isiru tentattivi biex dawn jiġu solvuti permezz ta' taħlita ta' miżuri mhux vinkolanti (manwal dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew), valutazzjonijiet reċiproċi, assistenza tal-Eurojust, finanzjament ta' programmi ta' taħriġ u settijiet ta' għodod għall-prattikanti fl-ambitu tal-Programm Ġustizzja tal-UE, il-ġurisprudenza tal-QĠUE u leġiżlazzjoni supplimentari (id-Deċiżjoni Qafas2009/299/ĠAI u l-adozzjoni tad-direttivi dwar id-drittijiet proċedurali għal persuni suspettati u akkużati kif stabbilit fil-pjan direzzjonali tal-2009, b'mod partikolari d-Direttiva2013/48/UE), għalkemm għad fadal kwistjonijiet oħra;

5.Jindika li l-Mandat ta' Arrest Ewropew għandu jissaħħaħ u jittejjeb biex isir aktar effettiv, immedjat u għandu josserva aktar id-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali, filwaqt li jirrispetta l-proporzjonalità, peress li wieħed mill-għanijiet ta' Unjoni aktar b'saħħitha jeħtieġ li l-Istati Membri jafdaw is-sistemi ġudizzjarji u penitenzjarji tal-Istati Membri l-oħra u dan il-mekkaniżmu huwa essenzjali għal dan l-għan; ifakkar li kwalunkwe dgħufija tar-rikonoxximent reċiproku fil-qasam kriminali tista' twassal biss għad-dgħufija tiegħu f'oqsma oħra, u dan ikun ta' detriment għall-indirizzar effettiv tal-politiki komuni, bħas-suq intern;

6.Jinnota li l-Protokolli21 u 22 għat-TUE jipprovdu status speċjali lil żewġ Stati Membri: l-Irlanda għandha għażla ta' inklużjoni fakultattiva u d-Danimarka ma tiħux sehem fid-dritt kriminali tal-UE, u dan ifisser li huma jagħmlu użu mis-sistema tal-Mandat ta' Arrest Ewropew iżda ma jipparteċipawx neċessarjament fi strumenti oħra, bħad-direttivi dwar is-salvagwardji proċedurali; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-konsistenza fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja;

7.Jenfasizza li l-Mandat ta' Arrest Ewropew ma għandux jintuża b'mod abbużiv għal reati minuri, fejn ma hemmx raġunijiet għal arrest preventiv; ifakkar li l-użu tal-Mandat ta' Arrest Ewropew għandu jkun limitat għal reati serji fejn ikun strettament neċessarju u proporzjonat; iħeġġeġ l-użu ta' strumenti ġuridiċi inqas intrużivi meta possibbli qabel ma jinħareġ Mandat ta' Arrest Ewropew, bħal pereżempju l-OIE; jindika li l-awtoritajiet emittenti għandhom iwettqu verifiki tal-proporzjonalità, hekk kif iqisu (i) is-serjetà tar-reat, (ii) il-piena li probabbilment tiġi imposta jekk il-persuna tinstab ħatja tal-allegat reat, (iii) il-probabbiltà tad-detenzjoni tal-persuna fl-Istat Membru emittenti wara l-konsenja, (iv) l-impatt fuq id-drittijiet tal-persuna rikjesta u l-familja tiegħu jew tagħha, u (v) l-interessi tal-vittmi tar-reat; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom jittrattaw, mingħajr dewmien żejjed, il-kawżi fuq il-Mandat ta' Arrest Ewropew ladarba jkun inħareġ Mandat ta' Arrest Ewropew biex l-arrest preventiv jinżamm kemm jista' jkun qasir;

8.Jenfasizza li skont il-QĠUE, ir-rifjut ta' eżekuzzjoni ta' Mandat ta' Arrest Ewropew huwa eċċezzjoni għar-rikonoxximent reċiproku li trid tiġi interpretata b'mod strett(35) meta waħda mir-raġunijiet għan-nonrikonoxximent (l-Artikoli3 u 4 tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew jew waħda mill-garanziji (l-Artikolu5 tal-istess) japplikaw jew ikunu f'konformità mal-ġurisprudenza tal-QĠUE;

9.Jitlob li r-rifjut jiġi awtorizzat meta jkun hemm raġunijiet sostanzjali biex jiġi kkonstatat li l-eżekuzzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew tkun inkompatibbli mal-obbligu tal-Istat Membru ta' eżekuzzjoni f'konformità mal-Artikolu6 TUE u l-Karta; jirrimarka li meta n-nuqqas ta' eżekuzzjoni jkun ġustifikat abbażi ta' ksur tad-drittijiet fundamentali, l-Istat Membru ta' eżekuzzjoni għandu jattribwixxi r-riskju serju ta' ksur tad-drittijiet fundamentali u jistabbilixxi r-raġunijiet għar-rifjut tal-eżekuzzjoni abbażi ta' elementi fattwali u oġġettivi, sabiex jiġu evitati l-inċertezza tad-dritt u impunità potenzjali; ifakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-QĠUE, il-Karta hija l-istandard komuni għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE(36);

Rakkomandazzjonijiet biex jittejjeb il-funzjonament tal-Mandat ta' Arrest Ewropew

10.Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi data ċara, li tista' tinftiehem, kompleta u komparabbli, għax id-data eżistenti toħloq konfużjoni u tista' tagħti impressjoni falza tal-effiċjenza (jew tan-nuqqas ta' effiċjenza) tal-Mandati ta' Arrest Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-metodu li bih l-Istati Membri għandhom jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jiġbru u jittrasferixxu sistematikament data affidabbli u aġġornata lill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-possibbiltà li tinħoloq bażi ta' data komuni li jkun fiha d-deċiżjonijiet ġudizzjarji dwar Mandati ta' Arrest Ewropej, billi tuża esklużivament data anonimizzata, li ssir strument intelliġenti u effiċjenti biex tiġi vvalutata l-kooperazzjoni ġudizzjarja, jiġu identifikati d-dgħufijiet u jkun hemm preparazzjoni aqwa għal kwalunkwe aġġustament; ifakkar li l-kooperazzjoni ġudizzjarja hija element ewlieni li jiggarantixxi l-istabbiltà fi kwistjonijiet soċjali, ekonomiċi, ambjentali u diġitali; itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni biex titlob mill-Istati Membri data kompleta relatata mal-operat tal-mekkaniżmu tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u biex tinkludi tali data fir-rapport ta' implimentazzjoni tagħha li jmiss;

11.Jemmen li jeħtieġ li jiġu adottati aktar miżuri orizzontali sabiex jissaħħaħ il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali kif stabbilit fl-Artikolu4(3) TUE u biex tiżdied il-fiduċja reċiproka fis-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja kriminali, u b'hekk ikun hemm kooperazzjoni ġudizzjarja aktar effiċjenti; jirrimarka li verifika tal-inkriminazzjoni doppja tillimita r-rikonoxximent reċiproku u, skont il-QĠUE, trid tiġi interpretata b'mod restrittiv; jenfasizza, madankollu, li hemm tħassib kontinwu dwar in-nuqqas ta' definizzjoni proprja ta' reati kriminali li għalihom ma għadhiex tapplika l-inkriminazzjoni doppja; jinnota li r-rikonoxximent reċiproku idealment għandu japplika awtomatikament(37) mingħajr il-valutazzjoni mill-ġdid tar-raġunijiet sostanzjali tal-akkuża u li d-deċiżjonijiet ma għandhomx jiġu rrifjutati, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet biex tiġi invokata waħda mir-raġunijiet għal rifjut elenkati f'lista eżawrjenti fid-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew jew sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi oħra, kif rikonoxxut mill-QĠUE, li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta' limiti fuq ir-rikonoxximent reċiproku u l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri;

12.Jissottolinja li l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku jrid ikun ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka li tista' tinkiseb biss jekk ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u proċedurali tal-persuni suspettati u akkużati fi proċedimenti kriminali jiġi ggarantit fl-Unjoni kollha; ifakkar fl-importanza tal-implimentazzjoni tad-direttivi dwar id-drittijiet proċedurali bl-għan li jiġi ggarantit id-dritt għal proċess ġust; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u korretta ta' dawn id-direttivi u tqis li, fejn neċessarju, tibda l-proċedimenti tal-ksur;

13.Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza reati komuni fl-Istati Membri bl-għan li jiġi ddefinit aħjar meta għandu jintuża l-Mandat ta' Arrest Ewropew u tiffaċilita l-valutazzjonijiet tal-proporzjonalità; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni formali u sostanzjali tal-konsistenza tal-lista tat-32 kategorija li ma jeħtiġux verifika tal-inkriminazzjoni doppja, billi tinkorpora l-kriterji bħal pereżempju s-serjetà tar-reat, id-dimensjoni transnazzjonali tiegħu jew l-impatt negattiv tiegħu fuq il-valuri fundamentali tal-Unjoni; trid tingħata ċertezza tad-dritt akbar lill-atturi kollha involuti fl-implimentazzjoni u b'hekk jiġu evitati kunflitti mhux meħtieġa; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa bis-sħiħ il-kwistjonijiet marbuta mat-tfassil, fejn possibbli, ta' lista omoġenja ta' kategoriji ta' reati, ibbażati fuq reati speċifiċi u l-interessi protetti mil-liġi; jirrakkomanda, barra minn hekk, li tiġi evalwata l-inklużjoni ta' anness b'definizzjonijiet għal kull entrata fil-lista, biex tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni;

14.Jenfasizza l-importanza li tiġi vvalutata l-inklużjoni ta' reati jew kategoriji ta' reati addizzjonali, bħar-reati ambjentali (eż. reati ta' tniġġis ikkawżat minn vapuri), ċerti forom ta' evażjoni fiskali, reati ta' mibegħda, abbuż sesswali, vjolenza sessista, reati mwettqa permezz ta' mezzi diġitali bħas-serq tal-identità, reati li jinvolvu l-użu ta' vjolenza jew theddida serja kontra l-ordni pubbliku tal-Istati Membri u reati kontra l-integrità kostituzzjonali tal-Istati Membri mwettqa bl-użu ta' vjolenza, reati ta' ġenoċidju, reati kontra l-umanità u delitti tal-gwerra fil-qafas ta' impenn imsaħħaħ min-naħa tal-Istati Membri favur il-kooperazzjoni ġudizzjarja, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; jenfasizza li livell akbar ta' kooperazzjoni ġudizzjarja għal reati ta' dan it-tip se jgħin lill-Unjoni tikseb l-objettivi ta' prijorità tagħha filwaqt li fl-istess ħin isaħħaħ ukoll il-kunċett ta' rispett għad-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Unjoni;

15.Jilqa' l-grupp ta' koordinazzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew li twaqqaf dan l-aħħar mill-Kummissjoni; jemmen li dan il-grupp se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-iskambju rapidu ta' informazzjoni aġġornata u affidabbli, għal prattiki tajbin u għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni, u dan għandu jwassal għal applikazzjoni aktar uniformi tal-Mandat ta' Arrest Ewropew bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji kif ukoll għal skambju aqwa ta' informazzjoni bejn l-avukati li jirrappreżentaw lill-persuni taħt Mandat ta' Arrest Ewropew fl-Istati Membri ta' eżekuzzjoni u dak emittenti;

16.Ifakkar li fil-prinċipju, il-limitu tal-piena imniżżel fl-Artikolu2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew għandu l-għan li jiżgura l-proporzjonalità tal-Mandat ta' Arrest Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, tanalizza l-possibbiltà li tnaqqas il-limitu ta' tliet snin għal ċerti reati, bħal pereżempju t-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija;

17.Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-kwistjoni tar-reati aċċessorji mar-reati prinċipali jew dawk relatati mar-reati prinċipali li jissodisfaw il-limitu tal-Mandat ta' Arrest Ewropew, pereżempju billi tikkunsidra taġġorna l-manwal tal-Mandat ta' Arrest Ewropew jew possibbilment permezz ta' strumenti tal-UE fil-qasam tal-armonizzazzjoni tal-liġi kriminali, inkluża l-indikazzjoni, f'dak ir-rigward, tal-applikazzjoni ta' Mandati ta' Arrest Ewropej fl-Istati Membri; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-Mandat ta' Arrest Ewropew ma jirregolax il-konsenja għal reati aċċessorji jew relatati u li r-regola tal-ispeċjalità tista' tapplika u timpedixxi lill-Istat Membru emittenti milli jipproċedi fir-rigward ta' dawk ir-reati;

18.Jenfasizza l-importanza li jiġu definiti b'mod aktar preċiż id-dmirijiet u l-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-korpi tal-UE involuti fil-proċeduri tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u li jiġi żgurat li dawn ikunu speċjalizzati u jkollhom esperjenza prattika; jafferma li marġni wiesa' ta' diskrezzjoni għall-awtorità ta' eżekuzzjoni hija meqjusa ftit li xejn kompatibbli mal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku jew saħansitra tmur kontrih, lil hinn mir-raġunijiet tan-nonrikonoxximent stabbiliti fl-Artikoli3 u 4 tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew u kif spjegat mill-QĠUE; jemmen li kwalunkwe rieżami tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew irid jistabbilixxi proċedura li biha Mandat ta' Arrest Ewropew ikun jista', jekk meħtieġ, jiġi vvalidat minn imħallef, qorti, maġistrat inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat Membru emittenti, f'konformità mal-ġurisprudenza tal-QĠUE, sabiex jingħelbu l-interpretazzjonijiet differenti tat-terminu "awtorità ġudizzjarja"; iqis li, jekk tista' tiġi pprovduta ċertezza tad-dritt fir-rigward ta' reati li b'mod ċar jidħlu fl-ambitu tad-definizzjoni ta' inkriminazzjoni doppja, u dawk li ma jagħmlux dan, mela d-diskrezzjoni għandha tkun limitata f'każijiet ta' inkriminazzjoni doppja; jafferma li t-titjib tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet fundamentali, tal-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet u tal-għarfien tal-prattikanti ta' sistemi ġuridiċi oħra se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka u r-rikonoxximent reċiproku;

19.Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta t-traspożizzjoni tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u strumenti oħra ta' kooperazzjoni ġudizzjarja u tibda proċedimenti ta' ksur fejn meħtieġ;

20.Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw fil-ħin u b'mod xieraq il-Mandat ta' Arrest Ewropew, is-sentenzi rilevanti tal-QĠUE dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew kif ukoll strumenti ġuridiċi oħra fil-qasam kriminali; jisħaq li strumenti bħad-Deċiżjoni Kwadru 2008/909/ĠAI dwar it-trasferiment ta' priġunieri, id-Deċiżjoni Kwadru 2008/947/ĠAI dwar il-probation u sanzjonijiet alternattivi, l-OIE, l-Ordni ta' Superviżjoni Ewropea, il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-Trasferiment ta' Proċedimenti f'Materji Kriminali(38), jikkomplementaw il-Mandat ta' Arrest Ewropew kif ukoll jipprovdu alternattivi utli u inqas intrużivi għalih; jenfasizza li l-Mandat ta' Arrest Ewropew għandu jintuża biss jekk il-possibbiltajiet alternattivi l-oħra kollha jkunu ġew eżawriti u jissottolinja li l-Istati ma għandhomx jirrikorru għall-Mandat ta' Arrest Ewropew f'sitwazzjonijiet fejn miżura inqas intrużiva twassal għall-istess riżultati, pereżempju seduti ta' smigħ permezz ta' vidjokonferenza jew għodod relatati; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex, fejn possibbli, jużaw dawn l-istrumenti minflok joħorġu Mandat ta' Arrest Ewropew;

21.Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji jiddisponu mill-possibbiltà li jordnaw alternattivi disponibbli oħra li mhumiex miżuri ta' detenzjoni u koerċittivi fil-kuntest ta' proċedimenti tal-Mandat ta' Arrest Ewropew, b'mod partikolari meta persuna tagħti l-kunsens tagħha għall-konsenja, sakemm rifjut ma jkunx strettament meħtieġ u ġġustifikat;

22.Jieħu nota tar-rapport inkwetanti tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva2013/48/UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta l-konformità tal-Istati Membri mad-Direttiva u tieħu miżuri xierqa, inklużi proċedimenti tal-ksur, biex tiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid l-isforzi biex tiżgura implimentazzjoni sħiħa tad-Direttivi kollha dwar is-salvagwardji proċedurali, sabiex tiżgura li l-persuni rikjesti jkunu jistgħu jirrikorru għal difiża effettiva fi proċedimenti transfruntiera; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tikkunsidra tieħu azzjoni fid-dawl tal-implimentazzjoni inadegwata tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-27ta'Novembru2013 dwar is-salvagwardji proċedurali għall-persuni vulnerabbli suspettati jew akkużati fi proċedimenti kriminali(39), b'mod partikolari fir-rigward ta' adulti vulnerabbli;

23.Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu flessibbiltà għar-reġimi lingwistiċi tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u jiżviluppaw u japplikaw prattiki komuni f'dak ir-rigward, filwaqt li jirrispettaw id-dritt għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni għal persuni fi proċedimenti kriminali f'konformità mad-Direttiva2010/64/UE; jistieden lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, jintroduċu l-mekkaniżmi meħtieġa biex jiġi evitat dewmien jew xkiel; jiddispjaċih dwar il-fatt li d-Deċiżjoni Kwadru tal-Mandat ta' Arrest Ewropew ma tistipulax skadenzi għat-trażmissjoni ta' Mandat ta' Arrest Ewropew tradotti;

24.Jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi applikazzjoni uniformi u monitoraġġ effettiv tal-limiti taż-żmien;

25.Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura finanzjament adegwat għall-Eurojust u n-Network Ġudizzjarju Ewropew (NĠE) sabiex ikunu jistgħu jiffaċilitaw u jikkoordinaw il-Mandat ta' Arrest Ewropew; jiddeplora l-fatt li l-approprjazzjonijiet baġitarji attwali tal-Kummissjoni għall-Eurojust mhumiex biżżejjed fid-dawl tal-isfidi li qed tiffaċċja l-aġenzija fir-rigward tal-ammont ta' xogħol li għandha li qiegħed kontinwament jiżdied, u li dawn wasslu għal staġnar fil-finanzjament minkejja ż-żieda fix-xogħol; jinnota li huwa essenzjali li l-baġit tal-Eurojust ikun jaqbel mal-kompiti u l-prijoritajiet tal-aġenzija sabiex tkun tista' tissodisfa l-mandat tagħha; itenni s-sejħa tiegħu għal network ġudizzjarju speċifiku tal-Mandat ta' Arrest Ewropew;

26.Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu finanzjament xieraq għall-għajnuna legali lill-persuni kkonċernati minn proċedimenti tal-Mandat ta' Arrest Ewropew, inkluż għal għajnuna legali kemm fl-Istat Membru emittenti kif ukoll f'dak ta' eżekuzzjoni qabel ma tiġi ordnata l-konsenja, finanzjament għal interpreti u tradutturi li għandhom il-kwalifiki xierqa, taħriġ speċifiku fil-qasam tal-Mandat ta' Arrest Ewropew għall-prattikanti, inklużi l-pulizija, il-prosekuturi, il-ġudikatura u l-avukati difensuri, b'mod partikolari f'oqsma bħall-aspetti tad-drittijiet fundamentali tal-Mandat ta' Arrest Ewropew, il-valutazzjoni tal-proporzjonalità u miżuri alternattivi għad-detenzjoni, ir-rappreżentazzjoni f'kawżi tal-Mandat ta' Arrest Ewropew, u għal dak li jirrigwarda l-proċedura għal deċiżjoni preliminari fil-QĠUE u l-ksib ta' garanziji mill-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra; jissottolinja l-valur tal-programmi tan-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN), bħas-simulazzjonijiet tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u t-taħriġ lingwistiku; jissottolinja l-fatt li biex jiġu żgurati opportunitajiet ugwali għall-partijiet, l-avukati għandu jkollhom aċċess għal taħriġ immirat, aċċessibbli u affordabbli; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u tiffaċilita l-provvista ta' tali taħriġ;

27.Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tappoġġa u eventwalment tiżviluppa aktar l-EJTN u l-pjattaformi nazzjonali ta' taħriġ eżistenti għall-ġudikatura u, jekk ikun meħtieġ, tniedi pjattaforma ta' taħriġ addizzjonali dwar strumenti ta' rikonoxximent reċiproku, inkluż il-Mandat ta' Arrest Ewropew, għall-esperti u l-prattikanti; jafferma li għandha tipprovdilhom għarfien dwar ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-istrumenti, inkluż spazju komuni għall-iskambju tal-esperjenzi;

28.Jinnota li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet, inkluża l-konformità fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, tista' tittejjeb bl-użu tat-teknoloġija u d-diġitalizzazzjoni siguri; jilqa' l-istabbiliment tal-Bażi tad-Data tad-Detenzjoni Kriminali tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA); jitlob li tiġi żviluppata bażi tad-data ċentralizzata li jkun fiha l-ġurisprudenza nazzjonali dwar l-applikazzjoni nazzjonali tal-Mandat ta' Arrest Ewropew (bħal f'oqsma oħra tad-dritt tal-UE)(40); iqis li bażi tad-data pubblika speċifika ta' avukati speċjalizzati fil-Mandati ta' Arrest Ewropej tista' twassal biex jiġi ggarantit id-dritt tal-aċċess għal avukat;

29.Jappella għal rieżami regolari ta' Mandati ta' Arrest Ewropej mhux eżegwiti u jitlob li jitqies jekk dawn, flimkien mall-allerti korrispondenti tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' SchengenII (SISII) u tal-Interpol, għandhomx jiġu rtirati; jitlob ukoll li l-Mandati ta' Arrest Ewropej u l-allerti korrispondenti tal-SISII u tal-Interpol jiġu rtirati fejn il-Mandat ta' Arrest Ewropew ikun ġie rrifjutat għal raġunijiet mandatorji bħal -pereżempju l-prinċipju ne bis in idem;

30.Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-opinjonijiet tal-parlamenti nazzjonali, f'konformità mal-Protokoll2 tat-TUE, jekk tiddeċiedi li tipproponi atti leġiżlattivi fil-qasam tal-liġi kriminali tal-UE, peress li l-parteċipazzjoni tagħhom tipprovdi skrutinju fuq l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità fil-liġi kriminali tal-UE;

Rakkomandazzjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali

31.Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu2 TUE dwar id-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi; jisħaq li l-Istati Membri jeħtiġilhom jiżguraw li kull persuna, inklużi l-vittmi ta' reat jew persuni rikjesti minn Mandat ta' Arrest Ewropew, li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha kif garantiti mil-liġi tal-Unjoni jiġu miksura, għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti f'konformità mal-Artikolu47 tal-Karta u l-ġurisprudenza stabbilita tal-QĠustizzjaUE; jenfasizza li r-rimedji fl-Istat ta' eżekuzzjoni, filwaqt li jridu jirrispettaw id-dritt għal rimedju effettiv, iridu jkunu konformi mal-limiti ta' żmien stabbiliti mill-istrument ta' rikonoxximent reċiproku applikabbli jew, fin-nuqqas ta' limiti ta' żmien espliċiti, iridu jseħħu b'rapidità suffiċjenti li tiżgura li l-għan tar-rikonoxximent reċiproku ma jiġix ipperikolat;

32.Jinnota li għalkemm l-applikazzjoni tal-proċeduri prevista fl-Artikolu7(1) TUE għandha impatt fuq ir-rikonoxximent reċiproku, skont il-ġurisprudenza eżistenti tal-QĠUE, l-awtorità ta' eżekuzzjoni jeħtiġilha tivvaluta f'kull każ speċifiku jekk hemmx raġunijiet sostanzjali biex jiġi kkonstatat li, wara l-konsenja, hemm riskju li jinkisru d-drittijiet fundamentali tal-persuna; jissottolinja li l-attivazzjoni tal-Artikolu7(1) u (2) TUE ma tikkostitwixxix nonrikonoxximent awtomatiku fid-dawl tal-importanza tal-kooperazzjoni f'materji kriminali u l-funzjonament tat-totalità tas-sistema ta' kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE; jenfasizza r-rwol tal-Eurojust meta tassisti lill-Istati Membri biex joħorġu jew jeżegwixxu ordnijiet f'dan il-kuntest, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-fiduċja reċiproka; jirrakkomanda, għalhekk, l-introduzzjoni ta' sistema ta' miżuri prekawzjonarji, li tinkludi s-sospensjoni tal-istrument, biex jissaħħu l-garanziji provduti, filwaqt li jiżdiedu l-fiduċja u rikonoxximent reċiproċi bejn l-Istati Membri;

33.Jenfasizza r-rabta bejn il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni u l-miżuri tal-Mandat ta' Arrest Ewropew u jfakkar lill-Istati Membri li l-Artikolu3 tal-KEDB u l-ġurisprudenza rilevanti jimponu fuq l-Istati Membri mhux biss obbligi negattivi, iżda anki obbligi attivi, billi jobbligawhom li jiżguraw li l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni huma konsistenti mad-dinjità umana, u li jitwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa u effettivi jekk dawn id-drittijiet jiġu miksura; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-mezzi legali u finanzjarji disponibbli fil-livell tal-Unjoni biex ittejjeb l-istandards ta' detenzjoni;

34.Huwa mħasseb dwar il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni f'ċerti Stati Membri; jilqa', f'dan ir-rigward, il-Bażi tad-Data tad-Detenzjoni Kriminali(41) tal-FRA u jqis li hija l-ewwel pass pożittiv lejn valutazzjoni komuni aħjar tal-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet fl-UE;

35.Itenni t-talba(42) tiegħu lill-Istati Membri biex itejbu l-kundizzjonijiet ħżiena fil-ħabsijiet; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-possibbiltà ta' finanzjament tal-modernizzazzjoni tal-faċilitajiet ta' detenzjoni mill-Fondi Strutturali tal-UE; ifakkar f'dan ir-rigward li fil-konklużjonijiet tiegħu tal-2018 dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku bit-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka(43), il-Kunsill stieden ukoll lill-Kummissjoni tippromwovi l-użu tal-fondi tal-UE biex tappoġġja lill-Istati Membri fl-indirizzar tal-problema ta' kundizzjonijiet ħżiena ta' detenzjoni;

36.Itenni l-importanza ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, fil-forma ta' proposta leġiżlattiva possibbli u sosnut minn ftehim interistituzzjonali li jikkonsisti f'rieżami annwali indipendenti u bbażat fuq l-evidenza biex tiġi vvalutata l-konformità tal-Istati Membri kollha mal-Artikolu2 TUE, flimkien ma' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, biex tittejjeb il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri; jinnota li mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jkun għodda ewlenija li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew;

37.Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-fattibbiltà ta' strumenti supplimentari dwar id-drittijiet proċedurali, bħal pereżempju dawk dwar l-ammissibbiltà tal-evidenza u l-kundizzjonijiet fil-ħabs fl-arrest preventiv, b'mod partikolari fuq il-bażi tal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa jew ogħla minnhom, anki fir-rigward tal-limiti ta' żmien għall-arrest preventiv; jiddikjara li l-Kummissjoni għandha timmira għall-ogħla standards filwaqt li tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; jemmen li n-nuqqas ta' standards minimi dwar il-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet u waqt l-arrest preventiv fil-livell tal-UE, il-limitazzjoni tal-użu tal-arrest preventiv bħala miżura tal-aħħar għażla u l-kunsiderazzjoni ta' alternattivi, flimkien man-nuqqas ta' valutazzjoni xierqa ta' jekk il-kawżi jkunux lesti biex jitressqu għal smigħ ta' proċess, jistgħu jwasslu biex il-persuni suspettati u akkużati jqattgħu perjodi ta' żmien eċċessivi u mhux ġustifikati f'arrest preventiv; ifakkar li din is-sitwazzjoni kompliet tiġi aggravata mill-pandemija tal-COVID-19; jistieden lill-Kummissjoni tikseb standards minimi tal-UE, b'mod partikolari għas-salvagwardji proċedurali kriminali u għall-kundizzjonalitajiet tal-ħabsijiet u tad-detenzjoni, kif ukoll issaħħaħ l-għodod ta' informazzjoni maħsuba għall-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mill-infurzar dwar il-kundizzjonijiet tal-arrest preventiv u l-priġunerija f'kull Stat Membru;

38.Jissottolinja li m'hemm l-ebda mekkaniżmu stabbilit sabiex jiġi żgurat segwitu xieraq għall-assigurazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti wara l-konsenja; jitlob li l-Kummissjoni tesplora l-miżuri possibbli f'din id-direzzjoni;

39.Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi, inter alia, valutazzjoni tal-konformità mal-prinċipju ta' ne bis in idem, kontroll tal-proporzjonalità għall-ħruġ ta' Mandat ta' Arrest Ewropew, ibbażat fuq il-fatturi u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha bħas-serjetà tar-reat, jekk il-każ huwiex lest għal proċess, l-impatti fuq id-drittijiet tal-persuna rikjesta, l-implikazzjonijiet tal-ispejjeż u d-disponibbiltà ta' miżuri alternattivi xierqa u inqas intrużivi, proċedura ta' konsultazzjoni standardizzata li permezz tagħha l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru emittenti u ta' eżekuzzjoni jistgħu jiskambjaw informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni ta' Mandat ta' Arrest Ewropew, u b'mod partikolari dwar il-proporzjonalità, l-istat ta' tħejjija għas-smigħ ta' proċess u t-tilwim dwar il-ġurisdizzjoni, u studju dwar l-azzjonijiet leġiżlattivi possibbli fis-sens tal-Artikolu82(1) TFUE;

40.Jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw il-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura;

41.Jindika li n-nuqqasijiet fil-kooperazzjoni ġudizzjarja, inkluża dik fuq il-Mandat ta' Arrest Ewropew, jistgħu jippreġudikaw l-interessi tal-vittmi u jwasslu għal ċaħda ta' aċċess għall-ġustizzja u nuqqas ta' protezzjoni għall-vittmi; jenfasizza li l-impunità, bħala riżultat ta' nuqqasijiet fil-kooperazzjoni ġudizzjarja, jista' jkollha impatt detrimentali u negattiv ħafna fuq l-istat tad-dritt, is-sistemi ġudizzjarji, il-fiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet kif ukoll fuq il-vittmi nfushom u s-soċjetà inġenerali;

42.Jisħaq li skont l-FRA, l-informazzjoni mogħtija lill-akkużati dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom fi proċedimenti kriminali tvarja kemm fil-forma kif ukoll f'kif tingħata; jitlob lill-Istati Membri jistabbilixxu salvagwardji sabiex jiġi żgurat li l-individwi jiġu infurmati b'mod effettiv dwar id-drittijiet proċedurali tagħhom malli jkunu ssuspettati li wettqu reat;

43.Jieħu nota tal-istandards tal-QEDB kif ukoll ir-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva2013/48/UE u fid-Direttiva2010/64/UE; ifakkar li l-iżgurar li jkun hemm biżżejjed ħin biex tiġi ppreparata kawża u l-aċċess sħiħ u rapidu għall-materjali tal-kawża jtejbu l-kwalità tar-rappreżentanza; jenfasizza li minħabba n-natura transfruntiera tal-proċedimenti tal-Mandat ta' Arrest Ewropew, li sikwit jinvolvu konvenuti li ma jitkellmux bil-lingwa tal-Istat Membru ta' eżekuzzjoni, l-iżgurar tal-aċċess għal servizzi ta' interpretazzjoni fl-istadju inizjali tal-proċedimenti, u b'mod partikolari, l-iffaċilitar tal-komunikazzjoni mal-avukati, huwa salvagwardja essenzjali ta' proċess ġust u rekwiżit fl-ambitu tad-Direttiva 2010/64/UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li d-dritt ta' aċċess għal avukat u għall-għajnuna legali kemm fl-Istat Membru emittenti kif ukoll f'dak ta' eżekuzzjoni jiġi ggarantit kemm fil-liġi kif ukoll fil-prattika;

Għal qafas ġuridiku koerenti tal-Mandat ta' Arrest Ewropew

44.Jiddikjara li l-Mandat ta' Arrest Ewropew huwa effettiv; jemmen, madankollu, li l-kwistjonijiet ewlenin tal-Mandat ta' Arrest Ewropew huma relatati mal-koerenza u l-effiċjenza tiegħu, fejn hemm lok għal titjib, anke jekk tqajmu xi ftit mistoqsijiet dwar il-konformità mal-valuri u d-drittijiet fundamentali tal-UE;

45.Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi politika koerenti fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku, li tqis il-ġurisprudenza tal-QĠUE, il-livell attwali ta' armonizzazzjoni tal-proċeduri u tad-dritt kriminali, u d-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-Karta;

46.Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju trasversali ta' strumenti ta' rikonoxximent reċiproku sabiex jiġu evitati d-diverġenzi u jiġu żgurati l-koordinazzjoni u l-interazzjoni korretta bejniethom; iħeġġeġ, b'mod partikolari, l-osservanza tal-implimentazzjoni prattika tal-istrument fil-pajjiżi differenti, bil-għan li jiġu identifikati l-prattiki tajba li jwasslu għal mandati maħruġa minn ċerti pajjiżi bi grad għoli ta' konformità kif ukoll id-diffikultajiet speċifiċi osservati f'dawk il-pajjiżi li fihom il-livell tan-nuqqas ta' konformità mal-Mandati ta' Arrest Ewropej huwa partikolarment għoli;

47.Jiddikjara li l-kwistjonijiet ta' koerenza identifikati relatati mal-implimentazzjonii tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Mandat ta' Arrest Ewropew iridu jiġu indirizzati permezz ta' taħlita ta' miżuri prattiċi (taħriġ tal-prattikanti), miżuri mhux vinkolanti (manwali u rakkomandazzjonijiet), leġiżlazzjoni mmirata ħafna (id-definizzjoni ta' awtorità ġudizzjarja, ne bis in idem, drittijiet fundamentali, eċċ.) u bħala t-tieni pass, permezz ta' mezzi meqjusa neċessarji, b'kunsiderazzjoni tad-disa' ċiklu tal-evalwazzjoni reċiproka, permezz ta' leġiżlazzjoni supplimentari immirata (arrest preventiv); iqis li l-Kummissjoni għandha taħdem favur l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tal-Mandat ta' Arrest Ewropew fl-Istati Membri kollha, hekk kif tqis il-ġurisprudenza tal-QĠUE;

48.Jirrakkomanda, fuq perjodu ta' żmien medju, il-promozzjoni ta' kodiċi ta' kooperazzjoni ġudizzjarja tal-UE fi kwistjonijiet kriminali li jiġbor il-leġiżlazzjoni fis-seħħ biex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza tad-dritt u l-koerenza tad-diversi strumenti eżistenti tal-UE;

Brexit

49.Jistieden lill-Kummissjoni tkompli n-negozjati mar-Renju Unit intiżi biex iżommu l-istandards tal-UE fir-rigward tad-drittijiet proċedurali u fundamentali tal-persuni suspettati u akkużati; jesprimi t-tħassib tiegħu li r-riżultati miksuba fir-Renju Unit minn meta ġie introdott il-Mandat ta' Arrest Ewropew jistgħu jitreġġgħu lura b'mod drastiku;

o
oo

50.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Ara s-sentenza tal-QEDB tad-9ta'Lulju2019 f'Romeo Castaño vs dwar ksur ta' aspett proċedurali tal-Artikolu2 tal-KEDB (investigazzjoni effettiva).
(2) ĠUL190, 18.7.2002, p.1.
(3) ĠUL337, 16.12.2008, p.102.
(4) ĠUL81, 27.3.2009, p.24.
(5) ĠUL294, 11.11.2009, p.20.
(6) ĠUC168E, 14.6.2013, p.82.
(7) ĠUC285, 29.8.2017, p.135.
(8) ĠUC346, 27.9.2018, p.94.
(9) Testi adottati, P8_TA(2019)0406.
(10) ĠUC295, 4.12.2009, p.3.
(11) ĠUL280, 26.10.2010, p.1.
(12) ĠUL142, 1.6.2012, p.1.
(13) ĠUL294, 6.11.2013, p.1.
(14) ĠUL65, 11.3.2016, p.1.
(15) ĠUL132, 21.5.2016, p.1.
(16) ĠUL297, 4.11.2016, p.1.
(17) ĠUL130, 1.5.2014, p.1.
(18) ĠUC449, 13.12.2018, p.6.
(19) ĠUC422, 16.12.2019, p.9
(20) ĠUL295, 21.11.2018, p.138.
(21) Testi adottati, P9_TA(2020)0251.
(22) Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI (ĠUL315, 14.11.2012, p.57.)
(23) Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-25).
(24) QĠUE, C-261/09, Mantello.
(25) QĠUE, C-453/16 PPU, ̧̈; C-452/16 PPU, Poltorak; C-477/16 PPU, Kovalkovas; Kawżi Magħquda C- 508/18 u C-82/19 PPU, OG u PI.
(26) QĠUE, C-399/11, Melloni jew C-42/17, M.A.S. u M.B.
(27) QĠUE, C-216/18 PPU, Minister for Justice and Equality.
(28) QĠUE, Kawżi Magħquda C-404/15 u C-659/15 PPU, Aranyosi u Căldăraru; C-128/18, Dorobantu.
(29) QĠUE, C-289/15, Grundza.
(30) QĠUE, C-182/15, Petruhhin. C-191/16, Pisciotti; C-247/17 Raugevicius; C-897/19 PPU, I.N. vs Ruska Federacija; eċċ.
(31) ĠUL303, 28.11.2018, p.1.
(32) QĠUE, C-579/15, ʴDZłɲ쾱.
(33) QĠUE, C-168/13 PPU, Jeremy F.
(34) QĠUE, bi gwida minn C-289/15, Grundza, li tirreferi għad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill2008/909/ĠAI.
(35) Ara, pereżempju, QĠUE, KawżaC-216/18 PPU, Minister for Justice and Equality.
(36) Ara QĠUE, C-399/11, Melloni, punt63 u C-128/18, Dorobantu, punt79.
(37) Ara, pereżempju, il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-26ta' Lulju2000 dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku ta' Deċiżjonijiet Finali f'Materji Kriminali ().
(38) Trattat tal-Kunsill tal-Ewropa Nru073, 15ta'Mejju1972.
(39) ĠUC378, 24.12.2013, p.8.
(40) Ara l-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea tal-EPRS, ta' Ġunju2020, dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew.
(41) Bażi ta' Data ta' Detenzjoni Kriminali tal-FRA 2015-2019, https://fra.europa.eu/en/databases/criminal-detention/criminal-detention/home
(42) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5ta'Ottubru2017 dwar is-sistemi penitenzjarji u l-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet (ĠUC346, 27.9.2018, p. 94).
(43) ĠUC449, 13.12.2018, p.6.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' April 2021Avviż legali-Politika tal-privatezza