Klassifikazzjoni komuni tal-unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS)
L-Unjoni Ewropea stabbiliet klassifikazzjoni komuni tal-unitajiet territorjali għall-istatistika, magħrufa bħala “NUTS”, sabiex tiffaċilita l-ġbir, l-iżvilupp u l-pubblikazzjoni ta’ statistika reġjonali armonizzata fl-UE. Din is-sistema ġerarkika tintuża wkoll għall-analiżijiet soċjoekonomiċi tar-reġjuni u t-tiswir ta’ interventi fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE.
Il-bażi legali
Ir-Regolament (KE) Nru1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26ta’Mejju2003, li ġie emendat diversi drabi (fl-2005, fl-2008, fl-2013 u fl-2017), prinċipalment mad-dħul ta’ Stati Membri ġodda fl-UE. L-aktar emenda reċenti, fl-2017, ġabet magħha bidliet aktar profondi billi: (1) stabbiliet ir-rikonoxximent legali tat-tipoloġiji territorjali għall-finijiet tal-istatistika Ewropea; (2) stipulat definizzjonijiet u kriterji ċentrali tal-istatistika għat-tipoloġiji territorjali differenti; (3) żgurat l-applikazzjoni u l-użu armonjużi u trasparenti tat-tipoloġiji territorjali fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri; u (4) iċċarat id-delega ta’ setgħat lill-Kummissjoni.
L-annessi ġew ukoll adattati diversi drabi permezz ta’ Regolamenti tal-Kummissjoni; l-aktar aġġornament reċenti ġie adottat f’Diċembru 2022, u bħal ma jiġri is-soltu, jindirizza bidliet fid-diviżjoni territorjali amministrattiva ta' diversi Stati Membri. Huwa applikabbli fir-rigward tat-trażmissjoni tad-data lill-Kummissjoni (Eurostat) mill-1 ta’ Jannar 2024.
L-objettivi
L-istatistika reġjonali tikkostitwixxi pilastru tas-sistema tal-istatistika tal-UE, u tifforma l-bażi għad-definizzjoni ta’ indikaturi reġjonali. In-natura tagħha ġiet stabbilita fil-bidu tas-sninsebgħin fuq il-bażi ta’ negozjati bejn il-korpi nazzjonali tal-istatistika tal-Istati Membri u l-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea.
L-utenti tal-istatistika esprimew il-ħtieġa li dejjem qed tikber għal armonizzazzjoni mal-Unjoni kollha biex ikunu pprovduti b’data komparabbli għall-UE kollha kemm hi. Biex tippermetti l-ġbir, it-trażmissjoni u l-pubblikazzjoni tal-istatistika reġjonali armonizzata, l-UE stabbiliet is-sistema ta’ klassifikazzjoni NUTS.
Il-qafas legali uniku li b’hekk inħoloq bir-Regolament (KE) Nru1059/2003 jiżgura l-istabilità tal-istatistika reġjonali tul iż-żmien.
L-istruttura
Il-klassifikazzjoni NUTS tissuddividi t-territorju ekonomiku tal-Istati Membri, u dan jinkludi wkoll it-territorju extrareġjonali tagħhom. Dan huwa magħmul mill-partijiet tat-territorju ekonomiku li ma jistgħux jiġu kkunsidrati parti minn reġjun partikolari: l-ispazju tal-ajru, l-ibħra territorjali u l-blata kontinentali, iż-żoni territorjali maqtugħin mill-bqija tat-territorju (ambaxxati, konsulati u bażijiet militari), u d-depożiti ta’ riżorsi li jinsabu fl-ibħra internazzjonali u li huma sfruttati minn unitajiet fi ħdan it-territorju.
Sabiex l-istatistika reġjonali tkun komparabbli, iż-żoni ġeografiċi għandhom ikunu wkoll ta’ daqs komparabbli f’termini ta’ popolazzjoni. Jeħtieġ ukoll li tiġi speċifikata s-sitwazzjoni politika, amministrattiva u istituzzjonali. Jekk ikun meħtieġ, l-unitajiet mhux amministrattivi jeħtiġilhom jirriflettu ċ-ċirkostanzi ekonomiċi, soċjali, storiċi, kulturali, ġeografiċi jew ambjentali.
Il-klassifikazzjoni NUTS hija bbażata fuq ġerarkija billi tissuddividi lil kull Stat Membru fi tlietlivelli: NUTS1, NUTS2 u NUTS3. It-tieni u t-tielet livell huma suddiviżjonijiet tal-ewwel u t-tieni livell. Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jżid aktar livelli fil-ġerarkija billi jissuddividi l-livellNUTS3.
Il-klassifikazzjoni NUTS 2021 attwali hija valida mill-1 ta’ Jannar 2021 u telenka 92 reġjun fil-livell NUTS1, 242 reġjun fil-livell NUTS2 u 1166 reġjun fil-livell NUTS3.
L-operat
A. Definizzjoni
Id-definizzjoni ta’ unitajiet territorjali hija bbażata fuq l-unitajiet amministrattivi eżistenti fl-Istati Membri. Unità amministrattiva tfisser żona ġeografika b’awtorità amministrattiva li jkollha s-setgħa li tieħu deċiżjonijiet amministrattivi jew strateġiċi, f’konformità mal-qafas ġudizzjarju u istituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat.
Uħud mill-unitajiet amministrattivi eżistenti użati għar-rekwiżiti tal-klassifikazzjoni ġerarkika ta’ NUTS huma elenkati fl-AnnessII tar-Regolament (KE) Nru1059/2003; dawn huma eżempji tagħhom:
1. NUTS 1: il-“Gewesten/Régions” fil-Belġju; il-“Länder” fil-Ġermanja; “Continente”, “Região dos Açores” u “Regiao da Madeira” fil-Portugall;
2. NUTS 2: il-“Provincies/Provinces” fil-Belġju; il-“Comunididades y ciudades autónomas” fi Spanja; ir-“Régions” fi Franza; il-“Länder” fl-Awstrija.
3. NUTS 3: l-“Amtskommuner” fid-Danimarka; id-“Départements” fi Franza; il-“Län” fl-Iżvezja; il-“Megyék” fl-Ungerija; il-“Kraje” fiċ-Ċekja; l-“Oblasti” fil-Bulgarija.
Sistema ta’ unitajiet amministrattivi lokali (LAUs) tikkomplementa l-klassifikazzjoni NUTS. Il-LAUs huma l-elementi bażiċi li jikkostitwixxu NUTS, u jinkludu l-muniċipalitajiet u l-komuni tal-Unjoni Ewropea: f’kull Stat Membru, l-LAUs jissuddividu l-livell NUTS3 f’livell wieħed jew f’żewġ livelli oħra ta’ unità territorjali. Barra minn hekk, l-hekk imsejħa grilji tal-istatistika jikkomplementaw il-klassifikazzjoni NUTS u jintużaw biex jiġu kkalkulati tipoloġiji territorjali bbażati fuq il-popolazzjoni. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha żżomm u tippubblika fit-taqsima apposta tas-sit web tagħha tipoloġiji tal-Unjoni magħmula minn unitajiet territorjali fil-livelli NUTS, LAU u taċ-ċelluli ta’ grilja.
B. Il-livelli ta’ limitu
Il-livell NUTS għal unità amministrattiva huwa determinat abbażi ta’ livelli ta’ limitu demografiċi:
Livell | Minimu | Massimu |
---|---|---|
NUTS 1 | 3ܲԾ | 7ܲԾ |
NUTS 2 | 800000 | 3ܲԾ |
NUTS 3 | 150000 | 800000 |
Jekk ma tkunx teżisti unità amministrattiva ta’ daqs kbir biżżejjed fi Stat Membru, il-livell jiġi stabbilit billi jiġu aggregati numru suffiċjenti ta’ unitajiet amministrattivi ta’ daqs iżgħar li jkunu jmissu ma’ xulxin. Dawn l-unitajiet aggregati jissejħu “unitajiet mhux amministrattivi”.
C. L-emendi
L-emendi għall-klassifikazzjoni NUTS jistgħu jiġu adottati matul it-tieni nofs tas-sena kalendarja, u mhux aktar frekwenti minn darba kull tliet snin. Madankollu, jekk ikun hemm riorganizzazzjoni sostanzjali tal-istruttura amministrattiva rilevanti ta’ Stat Membru, jistgħu jiġu adottati emendi f’intervalli iqsar. L-Istati Membri jeħtiġilhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidla li ssir fl-unitajiet amministrattivi jew dwar emendi oħra li jistgħu jaffettwaw il-klassifikazzjoni NUTS (pereżempju f’każ ta’ bidliet fl-elementi kostitwenti li jista’ jkollhom impatt fuq il-limiti tal-livell NUTS3).
Il-bidliet magħmula fl-unitajiet amministrattivi ż-żgħar ibiddlu l-klassifikazzjoni NUTS meta dawn jinvolvu trasferiment ta’ popolazzjoni li jkun ogħla minn 1% tal-unitajiet territorjali ta’ NUTS3 inkwistjoni.
Għall-unitajiet mhux amministrattivi ta’ Stat Membru, il-klassifikazzjoni NUTS tista’ tiġi emendata meta din l-emenda tnaqqas id-devjazzjoni standard tad-daqs (f’termini ta’ popolazzjoni) tal-unitajiet territorjali kollha tal-UE.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Minbarra r-rwol tiegħu li jeżamina bir-reqqa l-emendi għall-klassifikazzjoni proposti mill-Kummissjoni, il-Parlament diversi drabi enfasizza l-fatt li ċerti aspetti, bħat-trattament tal-unitajiet amministrattivi ta’ daqs iżgħar, jeħtieġu attenzjoni partikolari. L-istabbiliment ta’ livell NUTS għall-unitajiet amministrattivi iżgħar se jagħmilha possibbli li s-sitwazzjoni reali titqies b’mod aktar komprensiv u li jiġu evitati d-disparitajiet, l-aktar minħabba l-fatt li entitajiet reġjonali differenti ħafna, f’dik li hi popolazzjoni, huma kklassifikati fl-istess livell NUTS.
Matul il-proċedura ta’ emendi l-aktar reċenti għar-regolament fl-2017, il-Parlament, fil-kapaċità tiegħu ta’ koleġiżlatur, appoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tadatta r-Regolament NUTS (f’termini tat-tipoloġiji territorjali inklużi fih) bil-għan li tiġi indirizzata l-ħtieġa dejjem tiżdied għal data fil-kuntest tal-koeżjoni u l-iżvilupp territorjali.
Frédéric Gouardères