Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Kofi Annan u l-persunal kollu tan-NU – 2003, il-kwartieri ġenerali fi New York, l-Istati Uniti

Il-Premju Sakharov onora b'mod partikolari lill-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, li jaħdmu bla heda għall-paċi fid-dinja, sikwit f'kundizzjonijiet diffiċli. Il-premju ngħata b'memorja speċjali ta' Sergio Vieira de Mello, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, li waqt li kien qed iservi bħala rappreżentant speċjali ta' Kofi Annan fl-Iraq, kien fost dawk li nqatlu f'attakk fuq il-kwartieri ġenerali tan-NU f'Bagdad fl-2003.
In-Nazzjonijiet Uniti, l-uniku korp dinji tat-tip tiegħu, mhux biss ikompli jistinka biex iżomm jew iġib lura l-paċi, jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u jistabbilixxi l-qafas għall-ġustizzja internazzjonali, iżda jindirizza wkoll sfidi internazzjonali ġodda bħall-aġenda għall-iżvilupp għal wara l-2015, il-kriżi tar-rifuġjati attwali, it-terroriżmu internazzjonali u t-tibdil fil-klima. L-impatt sever ta' dan tal-aħħar, iwissi Kofi Annan, jaf iwassal "lill-ħajjin biex jgħiru għall-mejtin".
Fl-2001, in-NU u Kofi Annan ingħataw b'mod konġunt il-Premju Nobel għall-Paċi. Kofi Annan kien is-seba' Segretarju Ġenerali tan-NU. Diplomatiku mill-Ghana, huwa serva mill-1997 sal-2006 bħala Segretarju Ġenerali tan-NU, u kien l-ewwel wieħed li beda l-karriera tiegħu bħala membru tal-persunal tan-NU. Annan kien promotur kostanti tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, l-Afrika u l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, u fittex li jressaq lin-NU aktar qrib il-pubbliku globali billi ħoloq rabtiet mas-soċjetà ċivili, is-settur privat u sħab oħrajn.
Fl-2005, Kofi Annan ressaq rapport intitolat In larger freedom quddiem l-Assemblea Ġenerali tan-NU. Fih iddeskriva l-viżjoni tiegħu ta' riforma komprensiva u estensiva tan-NU. Fost miżuri oħra, dan ir-rapport wassal għall-ħolqien, f'Marzu 2006, ta' Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem ġdid biex jissostitwixxi l-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem preċedenti. L-għan kien li jissaħħaħ il-makkinarju tan-NU għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u għall-indirizzar tal-awturi ewlenin ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem.
Fl-2007, wara żewġ mandati bħala Segretarju Ġenerali tan-NU, Annan kien involut f'bosta organizzazzjonijiet iffokati fuq kwistjonijiet globali u Afrikani, fosthom il-Fondazzjoni Kofi Annan. Mill-2013 sa l-2018 kien il-president ta' The Elders, grupp ta' mexxejja dinjija indipendenti imlaqqa' minn Nelson Mandela fl-2007 bl-għan li jaħdmu flimkien għall-paċi u d-drittijiet tal-bniedem. Fl-2012 inħatar Mibgħut Speċjali Konġunt tan-NU u l-Lega Għarbija għas-Sirja, kariga li rriżenja minnha minħabba l-frustrazzjoni tiegħu dwar in-nuqqas ta' qbil tal-komunità internazzjonali dwar pjan ta' paċi komprensiv għas-Sirja. Sussegwentement ippresieda l-Kummissjoni Konsultattiva tan-NU dwar l-Istat ta' Rakhine.
Kofi Annan miet f'Awwissu 2018, fl-età ta' 80 sena, wara marda qasira. Fi stqarrija wara mewtu, António Guterres, is-Segretarju Ġenerali attwali tan-NU, iddeskrivi lil Annan bħala "forza li tiggwida għall-ġid".