Ϸվ

Salima Ghezali – 1997, l-Alġerija

Kap editur tal-gazzetta kritika La Nation u president tal-Assoċjazzjoni għall-Emanċipazzjoni tan-Nisa, Salima Ghezali tiddefendi d-drittijiet tan-nisa, id-demokrazija u d-djalogu politiku fl-Alġerija.

Għalliema li saret ġurnalista, fl-1994 laħqet kap editur ta' La Nation, gazzetta bil-Franċiż li toħroġ kull ġimgħa u li għandha l-akbar għadd ta' qarrejja fl-Alġerija. Sa meta ngħalqet mill-awtoritajiet fl-1996, La Nation kienet l-unika gazzetta li kienet tikkritika kemm lill-gvern kif ukoll lill-gruppi Iżlamisti u titkellem favur id-djalogu politiku, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni għan-naħat kollha involuti fil-gwerra ċivili, li damet sejra 11-il sena. Il-gwerra, li matulha mietu għexieren ta' eluf ta' persuni, bdiet fl-1991 meta - minħabba biża' ta' rebħa għall-Iżlamisti - ġew ikkanċellati l-ewwel elezzjonijiet b'aktar minn partit wieħed minn wara l-indipendenza.

Ghezali, li attwalment hi l-president tal-Assoċjazzjoni għall-Emanċipazzjoni tan-Nisa, bdiet tinvolvi ruħha fil-moviment tan-nisa Alġerini fit-tmeninijiet bħala membru fundatriċi ta' Women of Europe and the Maghreb u kap editur ta' NYSSA, rivista femminili li waqqfet hi stess.

Ghezali kienet parti minn komunità ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem "apparentement żgħira u bla saħħa", meta, fl-1997, il-Parlament Ewropew ippremjaha għad-difiża kuraġġuża tal-libertà tal-kelma u l-ħidma tagħha għad-drittijiet tan-nisa. Ghezali xeħtet dawl fuq is-sitwazzjoni drammatika fl-Alġerija wara snin ta' gwerra: miljuni ta' rġiel, nisa u tfal kienu qed jgħixu fil-biża' ta' "terrur doppju" li kien "qed iċaħħadhom mil-libertà ewlenija, il-libertà li jgħixu".

Fl-2011, meta l-ġrajjiet tar-Rebbiegħa Għarbija kienu qed jheżżu l-pajjiżi ġirien, Ghezali reġgħet bdiet tippubblika l-gazzetta La Nation fuq l-internet u kitbet hekk: "Ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem id-dinamika taż-żgħażagħ fid-dinja Għarbija li qed jiġġieldu għad-dinjità u l-libertà. Ma nistgħux nibqgħu indifferenti quddiem dak li qed jiġri f'pajjiżna. Irridu li l-poplu Alġerin ikun kuntent, għax hekk jixraqlu. Irridu istituzzjonijiet b'saħħithom u riżorsi umani aħjar, f'demokrazija vera u fl-istat tad-dritt."

Ghezali ilha mis-sena 2000 impenjata politikament ukoll bħala membru tal-Front des Forces Socialistes (FFS) u konsulenta tal-mexxej storiku tal-FFS Hocine Aït Ahmed. Fl-2017 ġiet eletta fl-Assemblea Nazzjonali tal-Poplu, il-parlament Alġerin, bħala rappreżentanta tal-Alġier. F'Ottubru 2018, wara artiklu li ppubblikat fuq is-sit Tout Sur l'Algérie, u li fih ikkundannat l-indħil tal-militar fil-ħajja politika, tkeċċiet mill-partit. F'Settembru 2019 irriżenjat mill-kariga ta' membru tal-Assemblea.

Flimkien ma' Nurit Peled u Taslima Nasreen - żewġ rebbieħa oħra tal-Premju Sakharov - Ghezali ppubblikat opinjoni li fiha l-mexxejja u r-rappreżentanti tal-UE ntalbu "jinkoraġġixxu attivament u apertament lill-Awtorità Palestinjana tissieħeb fil-Qorti Kriminali Internazzjonali".