Ϸվ

Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B10-0075/2025Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B10-0075/2025

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar id-diżinformazzjoni u l-falsifikazzjoni tal-istorja min-naħa tar-Russja biex tiġġustifika l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna

20.1.2025-()

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Rasa Juknevičienė, Michael Gahler, Andrzej Halicki, Sebastião Bugalho, David McAllister, Siegfried Mureşan, Željana Zovko, Isabel Wiseler‑Lima, Nicolás Pascual de la Parte, Mika Aaltola, Krzysztof Brejza, Daniel Caspary, Sandra Kalniete, Seán Kelly, Ondřej Kolář, Łukasz Kohut, Andrey Kovatchev, Miriam Lexmann, Antonio López‑Istúriz White, Danuše Nerudová, Mirosława Nykiel, AnaMiguel Pedro, Paulius Saudargas, Davor Ivo Stier, Michał Szczerba, Alice Teodorescu Måwe, Ingeborg TerLaak, Matej Tonin, Pekka Toveri, Inese Vaidere, Milan Zver
f’isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuniRC-B10-0074/2025

ʰċܰ:
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument:
B10-0075/2025
Testi mressqa :
B10-0075/2025
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

10‑0075/2025

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-diżinformazzjoni u l-falsifikazzjoni tal-istorja min-naħa tar-Russja biex tiġġustifika l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna

()

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u r-Russja,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tat-23ta’Settembru2008 dwar il-proklamazzjoni tat-23ta’Awwissu bħala l-Jum Ewropew ta’ Tifkira għall-Vittmi tal-Istaliniżmu u tan-Nażiżmu[1],

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-tifkira tal-istorja, inklużi r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-2 ta’ April 2009 dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu[2], tad-19 ta’ Settembru 2019 dwar l-importanza tat-tifkira tal-istorja Ewropea għall-ġejjieni tal-Ewropa[3] u tal-15 ta’ Diċembru 2022 dwar 90 sena wara l-Holodomor: ir-rikonoxximent tal-qtil tal-massa bil-ġuħ bħala ġenoċidju[4],

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni1481 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-26ta’Jannar2006 dwar il-ħtieġa ta’ kundanna internazzjonali tad-delitti tar-reġimi totalitarji Komunisti,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni Nru 3078-IX tal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna tat-2 ta’ Mejju 2023 dwar l-użu, min-naħa tar-reġim politiku tal-Federazzjoni Russa, tal-ideoloġija tar-russofaxxiżmu u l-kundanna tal-elementi bażiċi u l-prattiki ta’ din l-ideoloġija bħala totalitarji u misantropiċi,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni Konkorrenti 9 tal-Kungress tal-Istati Uniti tas-7 ta’ Frar 2023 bit-titolu “Denouncing the horrors of socialism” (Niddenunzjaw l-orruri tas-soċjaliżmu),

wara li kkunsidra l-Artikolu136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.billi din is-sena tfakkar is-86 anniversarju mill-Patt Molotov-Ribbentrop u l-protokolli sigrieti tiegħu, li bih Stalin u Hitler ikkonfoffaw biex jaqsmu l-Ewropa fi sferi ta’ influwenza bejn żewġ reġimi totalitarji, il-Ġermanja Nażista u l-Unjoni Sovjetika, u li witta t-triq għat-tifqigħa tat-Tieni Gwerra Dinjija bil-livelli bla preċedent tagħha ta’ tbatija umana u l-okkupazzjoni ta’ pajjiżi fl-Ewropa għal ħafna deċennji futuri;

B.billi, skont id-dritt internazzjonali, il-protokolli sigrieti tal-Patt Molotov-Ribbentrop kienu nulli ab initio, peress li kienu jiksru serjament il-projbizzjoni ta’ aggressjoni li kienet ġiet stabbilita bit-Trattat Ġenerali għar-Rinunzja tal-Gwerra bħala Strument tal-Politika Nazzjonali tas-27 ta’ Awwissu 1928; billi l-invalidità tagħhom ġiet iddikjarata mill-firmatarji taż-żewġ stati fl-1989, b’mod partikolari mill-Kungress tad-Deputati tal-Poplu tal-USSR fl-24 ta’ Diċembru 1989, u billi dan huwa aċċettat bħala fatt legali u storiku stabbilit sew mill-komunità internazzjonali b’mod ġenerali, inkluż fil-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

C.billi l-konklużjoni tal-protokolli sigrieti tal-Patt Molotov-Ribbentrop kienet tammonta għal delitt internazzjonali kontra l-paċi, bħall-ippjanar u l-bidu ta’ gwerra ta’ aggressjoni, li fir-rigward ma tista’ tinstab l-ebda ġustifikazzjoni fid-dritt internazzjonali;

D.billi mill-2009, it-23 ta’ Awwissu ġie mfakkar bħala l-Jum Ewropew ta’ Tifkira għall-vittmi tar-reġimi totalitarji u awtoritarji kollha fil-livell tal-UE;

E.billi wara t-Tieni Gwerra Dinjija, nofs l-Ewropa saret ħielsa u demokratika, filwaqt li n-nofs l-ieħor tagħha baqa’ wara l-Purtiera tal-Ħadid u kkontrollat mill-Unjoni Sovjetika totalitarja u r-reġimi komunisti satellitari tagħha, u dan qasam il-kontinent għal nofs seklu, sal-kollass tal-Unjoni Sovjetika; billi l-konsegwenzi ta’ din il-qasma għadhom jinħassu sal-lum;

F.billi għexieren ta’ miljuni ta’ persuni ġew iġġustizzjati u ppersegwitati politikament u sofrew atroċitajiet Sovjetiċi matul u wara t-Tieni Gwerra Dinjija, inklużi bejn 18-il miljun u 20 miljun priġunier fis-sistema ta’ kampijiet tax-xogħol furzat magħrufa bħala Gulag, li minnhom bejn miljun u nofs u żewġ miljuni ma baqgħux ħajjin[5], sitt miljuni ġew deportati bil-forza u kważi ħames miljuni ġew imrażżna politikament permezz ta’ strutturi tas-sigurtà, li minnhom mill-inqas miljun ġew iġġustizzjati[6]; billi fl-1932 u fl-1933, fit-territorju tar-Repubblika Soċjalista Sovjetika tal-Ukrajna, it-tmexxija tar-reġim totalitarju Bolxeviku wettqet ġenoċidju, magħruf bħala l-Holodomor, kontra parti mill-grupp nazzjonali Ukren, li rriżulta fil-mewt ta’ mill-inqas 4.5 miljun persuna[7];

G.billi r-Russja naqset milli tirrikonoxxi r-rwol tagħha fit-tfaqqigħ tat-Tieni Gwerra Dinjija u milli tassumi r-responsabbiltà tagħha għall-atroċitajiet imwettqa f’territorji okkupati mill-Unjoni Sovjetika; billi, għall-kuntrarju tad-delitti mwettqa mir-reġim Nażista, id-delitti mwettqa mid-dittatorjati komunisti fl-Ewropa fis-seklu 20 ma ġewx evalwati u kkundannati b’mod legali u politiku fil-livell internazzjonali u dan ikkontribwixxa għall-istrumentalizzazzjoni tal-istorja taħt il-ħakma ta’ Vladimir Putin fir-Russja;

H.billi l-2025 hija t-80 anniversarju mit-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija; billi l-Federazzjoni Russa, bħala l-istat suċċessur tal-USSR, qed tipprova timmonopolizza r-rebħa fuq in-Nażiżmu u ħolqot kult ta’ “rebħa” sabiex ideoloġikament timmobilizza lir-Russi biex ikomplu l-gwerra ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna; billi l-Jum tar-Rebħa, id-9 ta’ Mejju, inbidel f’għodda ta’ propaganda tal-gwerra fir-Russja;

I.billi r-Russja, bħala l-Istat li jiddikjara li huwa kemm il-kontinwatur kif ukoll is-suċċessur tal-Unjoni Sovjetika u l-Imperu Russu, qed tkompli tiddikjara li għandha sfera esklużiva ta’ influwenza fir-rigward tal-istati ġirien tagħha u qed tiċħad b’mod attiv is-sovranità, l-identità nazzjonali u d-dritt ta’ eżistenza tagħhom, u b’hekk qed tipperpetwa l-legat tal-Patt Molotov-Ribbentrop u qed terġa’ tqajjem l-ambizzjoni tsarista tal-konkwista imperjali; billi l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022 kienet preċeduta mill-fatt li r-Russja ppreżentat it-talbiet tagħha lill-Istati Uniti u lill-pajjiżi tan-NATO biex jirrikonoxxu l-interessi esklużivi tagħha fl-Ukrajna u f’pajjiżi oħra li qabel kienu Sovjetiċi, okkupati mis-Sovjetiċi jew pajjiżi satellitari Sovjetiċi;

J.billi l-politika kolonjali imperjali kontinwa tar-Russja rriżultat f’aggressjoni militari kontra l-Georgia fl-2008, l-okkupazzjoni tal-Krimea u t-tifqigħa tal-gwerra f’Donbas fl-2014 u laħqet il-qofol tagħha bil-gwerra ta’ aggressjoni illegali, mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna li bdiet fl-24 ta’ Frar 2022, u t-terrorizzazzjoni sistematika tal-popolazzjoni ċivili tal-Ukrajna, il-qerda tal-infrastruttura strateġika tagħha u t-twettiq ta’ delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra b’dimostrazzjoni ċara tal-intenzjoni ġenoċidali fil-konfront tal-poplu Ukren[8];

K.billi r-Russja thedded b’mod konsistenti lill-pajjiżi tal-UE b’aggressjoni militari, inkluż theddid nukleari, b’mod partikolari kontra l-pajjiżi li qabel kienu okkupati jew ikkontrollati indirettament minn Moska, u wettqet attakki kontra individwi fit-territorju tal-UE; billi r-Russja ilha tniedi attakki ibridi kontra l-Istati Membri tal-UE u ġie ppruvat li ndaħlet fil-proċessi demokratiċi tal-UE; billi hemm evidenza ta’ ndħil u manipulazzjoni min-naħa tar-Russja f’ħafna demokraziji, kif ukoll tal-appoġġ prattiku tagħha għall-forzi estremisti u l-entitajiet b’mentalità radikali sabiex tippromwovi d-destabbilizzazzjoni tal-Unjoni;

L.billi r-Russja ilha tuża l-istorja ffalsifikata bħala casus belli, twettaq whitewashing sistematiku tad-delitti Sovjetiċi u xxerred diżinformazzjoni storika biex tiġġustifika l-aggressjoni tar-Russja kontra l-istati ġirien tagħha; billi r-reġim ta’ Putin strumentalizza l-istorja biex jipprova jiżgura l-lealtà tal-poplu Russu billi ħoloq nostalġija għall-allegata grandjożità tal-imperu Sovjetiku, iffalsifika l-istorja tar-Russja u tal-Ukrajna, irrifjuta l-politika ta’ Khrushchev li jiġu rikonoxxuti u kkundannati d-delitti Stalinisti, mar lura fuq ir-rikonoxximent u l-kundanna ta’ Gorbachev tal-Patt Molotov-Ribbentrop u ddikjara l-kollass tal-Unjoni Sovjetika bħala l-akbar traġedja tas-seklu preċedenti; billi r-Russja qed twaqqa’ l-monumenti tal-Holodomor u qed tibni mill-ġdid monumenti li kienu ġew dekomunizzati ta’ Lenin fit-territorji okkupati tal-Ukrajna[9];

M.billi r-Russja ilha tostakola r-riċerka storika, tiċħad l-aċċess għall-arkivji Sovjetiċi u tippersegwita organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu biex jinvestigaw u jivvalutaw id-delitti Sovjetiċi, kif ukoll id-delitti mwettqa mir-reġim attwali; billi dawk li ppruvaw jgħidu l-verità dwar dawn id-delitti, inklużi l-Patt Molotov-Ribbentrop u l-gwerra ta’ aggressjoni li għaddejja kontra l-Ukrajna, qed jiġu ppersegwitati permezz tal-leġiżlazzjoni Russa;

N.billi l-whitewashing u l-glorifikazzjoni tad-delitti Sovjetiċi, inkluża l-ġustifikazzjoni sħiħa tal-Patt Molotov-Ribbentrop u l-atti ta’ aggressjoni sussegwenti, l-affermazzjonijiet ta’ żona ta’ interess esklużiv li tinkludi t-territorju kollu tal-eks Unjoni Sovjetika u tal-imperu tsarista Russu, flimkien mal-enfasi fuq is-superjorità u l-missjoni esklużiva tal-istat Russu u r-rifjut tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt bħala valuri tal-Punent allegatament aljeni, saru l-pilastri ewlenin tal-ideoloġija tar-russofaxxiżmu (“id-dinja Russa”), li hija l-bażi tal-gwerer ta’ aggressjoni u l-politiki aggressivi tar-Russja kif ukoll tal-kampanji tagħha ta’ diżinformazzjoni u tal-gwerer ibridi kontra l-UE u pajjiżi oħra tal-Punent;

O.billi f’xi Stati Membri, l-ideoloġiji u s-simboli komunisti u Nażisti, kif ukoll is-simboli tal-aggressjoni tar-Russja li għaddejja bħalissa, huma pprojbiti bil-liġi;

P.billi mill-2023, il-Parlament Ewropew organizza kommemorazzjoni annwali tal-vittmi tad-deportazzjonijiet tal-massa mis-Sovjetiċi, billi ta ġieħ u qara l-ismijiet ta’ dawk deportati minn artijiet okkupati mis-Sovjetiċi;

1.Jirrikonoxxi r-responsabbiltà kondiviża kemm tal-Ġermanja Nażista kif ukoll tal-Unjoni Sovjetika għat-tfaqqigħ tat-Tieni Gwerra Dinjija bl-għan li l-Ewropa tinqasam f’żewġ sferi ta’ influwenza esklużiva taż-żewġ reġimi totalitarji, abbażi tal-Patt Molotov-Ribbentrop u l-protokolli sigrieti tiegħu;

2.Jiddenunzja l-prattiki u l-pretensjonijiet rigward l-istabbiliment ta’ żoni ta’ interessi esklużivi għad-detriment tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-istati bħala inkompatibbli mad-dritt internazzjonali, li skontu kull stat għandu d-dritt sovran li jagħżel il-garanziji ta’ sigurtà tiegħu, inklużi l-alleanzi ta’ difiża, u l-mezzi biex jiżgura l-benesseri tal-poplu tiegħu; ifakkar li l-ebda kunsiderazzjoni – tkun xi tkun in-natura tagħha, kemm jekk politika, ekonomika, militari jew ta’ tip ieħor – ma tista’ sservi ta’ ġustifikazzjoni għall-aggressjoni;

3.Ifakkar li t-Tieni Gwerra Dinjija kienet l-aktar kunflitt fatali u brutali fl-istorja tal-bniedem; jinnota li din irriżulta f’okkupazzjoni Sovjetika u delitti tal-massa kontra n-nies u n-nazzjonijiet li waqgħu taħt il-kontroll tal-Imperu Sovjetiku; jenfasizza li n-nuqqas ta’ impunità huwa kundizzjoni ewlenija għall-prevenzjoni effettiva ta’ tali delitti u jinnota li l-impunità għal reati mhux evalwati tagħti lok biex dawn jiġu ripetuti;

4.Jiddispjaċih li l-Federazzjoni Russa ma rrikonoxxietx id-delitti Sovjetiċi fil-livell tal-istat, irrinunzjat it-tentattivi preċedenti mill-mexxejja Sovjetiċi biex jirrikonoxxu u jikkundannaw id-delitti Stalinisti u ma rrinunzjatx il-passat imperjali tagħha jew l-approċċ kolonjali tagħha lejn l-istati u n-nazzjonijiet ġirien tagħha, u dan wassal għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u t-theddid ta’ gwerra kontra d-demokraziji tal-Punent;

5.Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, atti oħra ta’ aggressjoni bħall-okkupazzjoni u l-annessjoni tat-territorju tal-Ukrajna, id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità li r-Russja wettqet fl-Ukrajna, il-ħtif u d-deportazzjoni furzata ta’ tfal Ukreni lejn il-Federazzjoni Russa, il-politika ta’ diżumanizzazzjoni tal-Ukreni u ċ-ċaħda tal-identità nazzjonali tagħhom;

6.Jikkundanna l-falsifikazzjoni u d-distorsjoni sistematiċi tal-istorja mwettqa mill-Kremlin u l-proxies tiegħu, li jintużaw bħala arma fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna bl-għan li jiġu ġġustifikati d-delitti tagħha u tiġi promossa nostalġija imperjali fl-imħuħ tal-popolazzjoni Russa u s-sostenituri tagħha fuq livell internazzjonali; jikkundanna l-attakki tal-Kremlin fuq l-avvenimenti kommemorattivi, kulturali u edukattivi ddedikati għall-memorja tal-vittmi tad-delitti mwettqa mill-USSR[10];

7.Itenni r-rikonoxximent tiegħu tad-deportazzjonijiet tal-massa mis-Sovjetiċi u tas-sistema tal-ħabs Gulag bħala delitti kontra l-umanità, u r-rikonoxximent tiegħu tal-Holodomor bħala ġenoċidju kontra l-poplu Ukren; iqis id-deportazzjoni tat-Tatari kollha tal-Krimea fl-1944 bħala ġenoċidju; iqis bħala ġenoċidju, barra minn hekk, id-delitti mwettqa matul l-inkursjoni tal-Armata l-Ħamra fis-Silesia ta’ Fuq fl-1945, magħrufa bħala t-Traġedja tas-Silesia ta’ Fuq;

8.Ifaħħar l-inizjattivi leġiżlattivi, diplomatiċi, tas-soċjetà ċivili u inizjattivi oħra mmirati lejn ir-riċerka, l-evalwazzjoni u r-rikonoxximent tad-delitti tat-totalitarjaniżmu fl-Ewropa u s-sensibilizzazzjoni dwarhom, b’mod partikolari dawk imwettqa mir-reġimi Nażisti u Komunisti; iħeġġeġ ir-riċerka akkademika u l-edukazzjoni fl-istorja u l-kultura tal-Ewropa tal-Lvant u l-kolonjaliżmu Russu mis-seklu 18 sas-seklu 21;

9.Jitlob sensibilizzazzjoni dwar l-istorja tad-delitti totalitarji Nażisti u komunisti u l-integrazzjoni sistemika tagħha fil-kurrikuli tal-iskejjel fl-Istati Membri kollha tal-UE; jilqa’ l-Osservatorju tal-Kunsill tal-Ewropa dwar it-Tagħlim tal-Istorja fl-Ewropa u jħeġġu jirrifletti l-ħtieġa li jiżdied l-għarfien tad-delitti Sovjetiċi u komunisti madwar l-Ewropa, fid-dawl tad-diżinformazzjoni storika mxerrda mill-Federazzjoni Russa u l-proxies tagħha;

10.Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE biex jagħmlu ġudizzju ċar u bi prinċipju tad-delitti u l-atti ta’ aggressjoni mwettqa mir-reġimi totalitarji komunisti u r-reġim Nażista; jitlob il-kundanna tad-delitti komunisti Sovjetiċi fil-livell internazzjonali, bħal fi ħdan in-NU;

11.Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ effettiv għal proġetti ta’ memorja u tifkira tal-istorja fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE, issaħħaħ l-appoġġ għall-istituzzjonijiet tal-memorja u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, b’mod partikolari l-pjattaformi tranżnazzjonali Ewropej bħall-Pjattaforma tal-Memorja u l-Kuxjenza Ewropea u n-Network Ewropew ta’ Tifkira u Solidarjetà, u tistabbilixxi mibgħut speċjali għat-tifkira Ewropea u l-prevenzjoni tat-totalitarjaniżmu;

12.Jiddispjaċih dwar l-użu kontinwu ta’ simboli ta’ reġimi totalitarji fi spazji pubbliċi u jitlob projbizzjoni fl-UE kollha fuq l-użu tas-simboli komunisti Nażisti u Sovjetiċi, kif ukoll fuq is-simboli tal-aggressjoni tar-Russja li għaddejja bħalissa kontra l-Ukrajna; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-bini, fi Brussell, ta’ mafkar pan-Ewropew għall-vittmi tat-totalitarjaniżmu tas-seklu 20;

13.Iwieġeb għall-appell tal-Verkhovna Rada tal-Ukrajna billi jikkundanna, bl-aktar mod qawwi possibbli, l-ideoloġija, il-politika u l-prattiki imperjalisti nazzjonalisti tar-reġim Russu attwali (ir-russofaxxiżmu), li huma l-bażi tal-aggressjoni militari tar-Russja, l-isforzi tagħha biex tisfida s-sigurtà u l-ordni tal-Ewropa, u t-theddid tagħha ta’ aggressjoni ulterjuri kontra l-Ewropa u l-qerda tal-valuri Ewropej tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jenfasizza l-inkompatibbiltà ta’ tali ideoloġija, politika u prattiki mad-dritt internazzjonali;

14.Itenni t-talba tiegħu biex jiġi stabbilit tribunal internazzjonali speċjali għall-ikkastigar tad-delitt ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna, li jista’ jtemm l-impunità tal-aggressjonijiet u l-atroċitajiet imperjalisti Sovjetiċi u Russi ripetuti kontra l-ġirien tagħha, inkluża l-ideoloġija kollha wara dawk l-atti, u jindirizza n-nuqqas ta’ evalwazzjoni ċara tagħhom;

15.Jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) favur il-prosekuzzjoni ta’ delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u, possibbilment, ġenoċidju bħala parti mill-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; jikkundanna bil-qawwa l-każijiet ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-QKI fl-eżekuzzjoni tal-mandati ta’ arrest;

16.Jistieden lill-UE tintensifika r-riċerka dwar teknoloġiji ġodda ta’ influwenza ibrida użati mir-Russja bħala stat aggressur u tieħu azzjoni konkreta biex tiġġieled kontrihom; jitlob bil-qawwa li l-UE tlesti l-immappjar tal-attivitajiet attwali tagħha li jiġġieldu d-diżinformazzjoni, u komunikazzjoni strateġika sabiex jiġu żgurati l-użu effiċjenti tar-riżorsi u l-koordinazzjoni, u tidentifika punti mhux viżibbli potenzjali fl-approċċ tagħna għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni Russa;

17.Ifakkar li l-indħil barrani huwa theddida sistemika li trid tiġi miġġielda b’mod vigoruż; jenfasizza li l-gwerra ibrida u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin mhumiex biss kwistjonijiet ta’ politika barranija u ta’ sigurtà, iżda fil-fatt jheddu l-bażi nfisha tad-demokraziji tagħna; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jadottaw approċċ trażversali permanenti għall-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-indħil minn barranin b’mod aktar effettiv; jisħaq, f’dan il-kuntest, li l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni msaħħa mal-Istati Uniti u ma’ sħab oħra tal-istess fehma huma kruċjali fil-ġlieda kontra l-istrumentalizzazzjoni tal-istorja u t-tixrid tad-diżinformazzjoni;

18.Jissottolinja li aspetti mhux solvuti ta’ passat storiku bilaterali u reġjonali m’għandhomx jitħallew jiġu strumentalizzati mir-Russja u l-proxies tagħha biex jostakolaw ir-rieda għal rikonċiljazzjoni ġenwina; jilqa’ u jħeġġeġ kwalunkwe tentattiv mill-Ukrajna u mill-Istati Membri biex jindirizzaw kwistjonijiet pendenti bħal dawn, pereżempju l-massakru ta’ Volhynia, fl-ispirtu ta’ rikonċiljazzjoni vera u sinċiera, dinjità tal-bniedem, verità storika u relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat; jemmen li bir-rieda tajba taż-żewġ partijiet ikkonċernati, proċess ta’ rikonċiljazzjoni paċenzjuż ifejjaq il-ġrieħi tal-passat; jilqa’, fid-dawl tal-prinċipji msemmija hawn fuq, id-dikjarazzjonijiet reċenti tal-Gvern Pollakk u dak tal-Ukrajna relatati mal-kunsens tal-Ukrajna li tkompli bl-iskavar tal-oqbra Pollakki fit-territorju tal-Ukrajna u tipprovdi lill-vittmi dfin dinjituż; jesprimi t-tama li l-iskavi jistgħu jerġgħu jibdew kmieni mir-rebbiegħa tal-2025;

19.Jemmen li l-legat distruttiv tal-Patt Molotov-Ribbentrop jista’ jintemm biss meta n-nazzjonijiet sovrani fil-viċinat tar-Russja li għandhom aspirazzjonijiet Ewro-Atlantiċi, bħall-Ukrajna, il-Moldova u l-Georgia, ikunu jistgħu jimplimentaw liberament l-għażliet ta’ politika barranija tagħhom mingħajr indħil jew tfixkil;

20.Jemmen li l-integrazzjoni Ewro-Atlantika rapida tal-Ukrajna u ta’ pajjiżi oħra fir-reġjun ikollha effett pożittiv fuq it-trasformazzjoni tar-Russja billi turi lill-popolazzjoni Russa li dawk il-pajjiżi ma għadhomx jappartjenu għall-isfera ta’ influwenza tar-Russja u billi tipprovdi eżempju ta’ ispirazzjoni ta’ prosperità u żvilupp demokratiku abbażi tal-valuri Ewropej tad-drittijiet tal-bniedem u l-paċi, li jistgħu jissostitwixxu l-insegwiment ta’ glorja imperjali nostalġika bit-tfittxija tal-benesseri ekonomiku u soċjali;

21.Isostni li r-rebħa militari sħiħa tal-Ukrajna hija l-unika triq lejn il-paċi sostenibbli fl-Ewropa u lejn it-tmiem tar-ritaljazzjoni aggressiva tal-Federazzjoni Russa, peress li dan mhux biss ittemm it-tbatija tal-Ukrajna, iżda jgħin ukoll lir-Russja ċċedi l-mentalità u l-ideoloġija imperjalisti tagħha, u b’hekk jinfetħu l-possibbiltajiet ta’ bidla demokratika fir-Russja kif ukoll f’pajjiżi awtoritarji oħra bħall-Belarussja;

22.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-President, lill-Gvern u lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna, u lill-awtoritajiet Russi.

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Jannar 2025
Avviż legali-Politika tal-privatezza