Ϸվ

Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0275/2023Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0275/2023

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar ir-rikostruzzjoni sostenibbli u l-integrazzjoni tal-Ukrajna fil-komunità Ewro-Atlantika

12.6.2023-()

imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Michael Gahler, Andrius Kubilius, Rasa Juknevičienė, Željana Zovko, David McAllister, Vangelis Meimarakis, Siegfried Mureşan, Jerzy Buzek, Isabel Wiseler‑Lima, Traian Băsescu, Vladimír Bilčík, Gheorghe Falcă, Tomasz Frankowski, Sunčana Glavak, Andrzej Halicki, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, David Lega, Miriam Lexmann, Antonio López‑Istúriz White, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Aušra Maldeikienė, Lukas Mandl, Liudas Mažylis, Dace Melbārde, Gheorghe‑Vlad Nistor, Janina Ochojska, Radosław Sikorski, Michaela Šojdrová, Eugen Tomac, Inese Vaidere, Tom Vandenkendelaere, Tomáš Zdechovský, Milan Zver,
f’isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuniRC-B9-0270/2023

ʰċܰ:
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument:
B9-0275/2023
Testi mressqa :
B9-0275/2023
Dibattiti :
Testi adottati :

9‑0275/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rikostruzzjoni sostenibbli u l-integrazzjoni tal-Ukrajna fil-komunità Ewro-Atlantika

()

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna u dwar ir-Russja, b’mod partikolari mindu seħħet l-eskalazzjoni tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna fi Frar 2022,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO li sar f’Bucharest fit-3 ta’ April 2008,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra[1], iffirmat fl-2014, u ż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva li takkumpanjah bejn l-UE u l-Ukrajna,

wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-Ukrajna għas-sħubija fl-UE tat-28 ta’ Frar 2022, u l-għoti sussegwenti ta’ status ta’ kandidat mill-Kunsill Ewropew fit-23 ta’ Ġunju 2022, abbażi ta’ valutazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni u f’konformità mal-fehmiet espressi mill-Parlament,

wara li kkunsidra d-diskors tal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy waqt iż-żjara tiegħu fil-Parlament nhar id-9 ta’ Frar 2023,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.billi, fid-dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO ta’ Bucharest, l-alleati laqgħu l-aspirazzjonijiet Ewro-Atlantiċi tal-Ukrajna u qablu li din issir membru tan-NATO;

B.billi r-Russja ilha mill-24 ta’ Frar 2022 twettaq gwerra ta’ aggressjoni illegali, mhux ipprovokata u mhux iġġustifikata kontra l-Ukrajna; billi din il-gwerra ta’ aggressjoni tikkostitwixxi ksur sfaċċat u flagranti tal-Karta tan-NU u tal-prinċipji fundamentali tal-liġi internazzjonali; billi l-Ukrajna ġarrbet aggressjonijiet Russi minn mindu faqqgħu l-protesti f’Novembru 2013, kontra d-deċiżjoni tal-President tagħha ta’ dak iż-żmien li jissospendi l-iffirmar tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna; billi l-aġir tar-Russja fl-Ukrajna matul l-aħħar 16-il xahar għadu jhedded il-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa u madwar id-dinja;

C.billi l-Ukrajna issa hija kandidat rikonoxxut għal sħubija fl-UE u rċeviet appoġġ enormi fl-oqsma kollha mill-UE, inkluż appoġġ militari mingħajr preċedent; billi minn Frar 2022, l-assistenza ġenerali mwiegħda lill-Ukrajna mill-UE, l-Istati Membri tagħha u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej tammonta għal mill-inqas EUR70000000000, inkluża l-assistenza militari;

D.billi l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja hija l-akbar kunflitt militari fil-kontinent Ewropew minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija u tirrifletti l-kunflitt dejjem jikber bejn l-awtoritarjaniżmu u d-demokrazija;

E.billi kull ċiklu ta’ tkabbir tan-NATO segwa l-prinċipju li dan għandu jġib benefiċċji ta’ sigurtà lill-membri eżistenti; billi t-theddida Russa ta’ rispons militari preċedentement skoraġġat diskussjoni serja dwar is-sħubija tal-Ukrajna fin-NATO; billi l-Karta ta’ Pariġi, il-Memorandum ta’ Budapest, it-Trattat tal-1997 dwar il-Ħbiberija, il-Kooperazzjoni u s-Sħubija bejn l-Ukrajna u l-Federazzjoni Russa u n-nuqqas ta’ deċiżjoni dwar is-sħubija tal-Ukrajna fis-Summit tan-NATO ta’ Bucharest fl-2008 naqsu milli jipprevjenu l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna;

F.billi żona griża ta’ sigurtà kontinwa tad-daqs tal-Ukrajna bejn ir-Russja u l-Punent timponi tentazzjoni kostanti għal Russja mhux riformata u reviżjonista, b’mod simili għall-proposta għal Ġermanja magħquda, newtrali bejn il-membri tan-NATO u l-blokk tal-Lvant li tressqet minn Stalin fl-1952;

G.billi s-Summit li jmiss tan-NATO f’Vilnius f’Lulju se jkollu jindirizza l-kwistjoni ta’ kif għandu jsir segwitu dwar id-dikjarazzjoni ta’ appoġġ għas-sħubija tal-Ukrajna maħruġa f’Bucharest fl-2008, filwaqt li titqies l-aggressjoni Russa li għaddejja bħalissa u kif l-aħjar tiġi pprevenuta ripetizzjoni ta’ tali aggressjoni wara t-tmiem tal-gwerra;

H.billi l-Pjattaforma għall-Koordinazzjoni tad-Donaturi għall-Ukrajna tnediet fis-26 ta’ Jannar 2023, li tlaqqa’ flimkien uffiċjali ta’ livell għoli mill-Ukrajna, mill-UE, mill-pajjiżi tal-G7 u minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji; billi l-pjattaforma għandha l-għan li sservi bħala katalizzatur, billi timmobilizza l-impenji internazzjonali meħtieġa biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-Ukrajna u trawwem koordinazzjoni aktar mill-qrib biex tgħin jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet fil-prattika;

I.billi, skont il-Valutazzjoni Rapida tad-Danni u tal-Ħtiġijiet[2], fl-ewwel anniversarju mill-bidu tal-invażjoni fuq skala sħiħa, l-ispiża tad-dannu dirett għall-bini u l-infrastruttura fl-Ukrajna kienet laħqet aktar minn USD135000000000, filwaqt li d-djar, it-trasport, l-enerġija, u l-kummerċ u l-industrija huma l-aktar oqsma affettwati; billi din il-ħsara hija kkonċentrata fuq l-oblasts ta’ quddiem nett; billi l-ispiża tar-rikostruzzjoni u l-irkupru hija stmata għal USD411000000000;

J.billi fl-2022 saru diversi Konferenzi ta’ Rkupru tal-Ukrajna f’Lugano, f’Berlin u f’Pariġi, u se ssir oħra f’Londra f’Lulju 2023, li jgħaqqdu flimkien lill-awtoritajiet tal-Ukrajna, id-donaturi prospettivi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-pajjiżi li jappoġġjaw lill-Ukrajna biex ifasslu d-dettalji tal-assistenza li għandha tiġi pprovduta għall-irkupru tagħha; billi l-Gvern tal-Ukrajna ppreżenta programm nazzjonali ta’ rkupru biex iservi bħala pjan ta’ azzjoni għall-isforzi futuri ta’ rikostruzzjoni; billi l-Patt Kummerċjali tal-Ukrajna għall-2023 se jiġi ppreżentat fil-Konferenza ta’ Rkupru li jmiss f’Londra u se jagħti lin-negozji internazzjonali ewlenin pjattaforma biex juru l-appoġġ tagħhom għall-irkupru tal-Ukrajna u l-isforz tagħha biex timmodernizza, tibni ekonomija reżiljenti u aġli u toħroġ mill-gwerra bħala stat aktar b’saħħtu u aktar prosperuż;

K.billi d-diga f’Nova Kakhovka, li tinsab fuq ix-xmara Dnipro, f’żona okkupata u kkontrollata mir-Russja tal-oblast ta’ Kherson fin-Nofsinhar tal-Ukrajna, ġiet sploduta apposta f’att ta’ terroriżmu fis-6 ta’ Ġunju 2023; billi kien magħruf li d-diga kienet tiġi estratta; billi l-isplużjoni rriżultat fi tkissir kbir fid-diga, filwaqt li l-ilma beda tiela’ minnha u wassal għal għargħar ’l isfel fid-direzzjoni ta’ Kherson; billi t-tkissir fid-diga ġiegħel l-evakwazzjoni ta’ eluf ta’ ċivili lokali, qered infrastruttura, djar u organiżmi selvaġġi, u wassal biex il-provvisti tal-ilma jiġu kkontaminati b’sustanzi kimiċi industrijali u biex ħareġ iż-żejt mill-impjant tal-enerġija idroelettrika, kif ukoll biex inqerdu l-mini li jheddu l-ħajja tal-ħaddiema tas-salvataġġ u tal-persuni evakwati; billi l-iskular tar-riżerva tad-diga se jħalli 584000ettaru ta’ art mhux irrigata, żona produttiva li kienet trendi madwar 4000000tunnellata ta’ għelejjel tal-qamħ u taż-żejt qabel il-gwerra; billi din ir-riżerva kbira tipprovdi l-ilma lill-komunitajiet upstream u pprovdiet ukoll ilma għat-tkessiħ għall-impjant tal-enerġija nukleari f’Zaporizhzhia;

1.Itenni s-solidarjetà soda tiegħu mal-poplu u l-mexxejja tal-Ukrajna u l-appoġġ tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fil-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment;

2.Itenni l-kundanna tiegħu, bl-aktar mod qawwi possibbli, tal-gwerra ta’ aggressjoni illegali, mhux ipprovokata u mhux iġġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll tal-involviment tar-reġim fil-Belarussja; jitlob li r-Russja u l-forzi proxy tagħha jwaqqfu l-azzjonijiet militari kollha, b’mod partikolari l-attakki tagħhom kontra ż-żoni residenzjali u l-infrastruttura ċivili, u jitlob li r-Russja tirtira l-forzi militari, l-proxies u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu tal-Ukrajna rikonoxxut fuq livell internazzjonali, li ttemm id-deportazzjonijiet furzati taċ-ċivili Ukreni u teħles lill-Ukreni detenuti;

3.Jissottolinja li l-objettiv ewlieni għall-Ukrajna huwa li tirbaħ il-gwerra kontra r-Russja, u dan jinvolvi li tkeċċi lill-forzi kollha Russi, lill-proxies u lill-alleati tagħha barra mit-territorju rikonoxxut internazzjonalment tal-Ukrajna; iqis li dan l-objettiv jista’ jintlaħaq biss permezz tal-provvista kontinwa, sostnuta u li qed tiżdied b’mod kostanti tat-tipi kollha ta’ armi lill-Ukrajna, mingħajr eċċezzjoni;

4.Jikkundanna l-Federazzjoni Russa għall-qerda intenzjonata tad-diga f’Nova Kakhovka, li ħolqot katastrofi ambjentali u diżastru umanitarju, u li tikkostitwixxi wkoll ksur tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt umanitarju internazzjonali; ifakkar li l-attakki fuq infrastruttura ċivili kritika jistgħu jikkostitwixxu reati tal-gwerra; itenni li dawk kollha responsabbli għal tali delitti tal-gwerra, inkluża l-qerda tad-diga, se jinżammu responsabbli f’konformità mad-dritt internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lis-sħab internazzjonali tal-Ukrajna jipprovdu l-assistenza essenzjali kollha li għaliha hemm ħtieġa immedjata fiż-żona mgħarrqa, b’mod partikolari t-tagħmir u l-makkinarju għall-isforzi ta’ sokkors, l-ilma tax-xorb u l-ikel; jilqa’ l-attivazzjoni rapida tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili; huwa allarmat dwar il-fatt li l-qerda tad-diga f’Nova Kakhovka tista’ tipperikola wkoll is-sikurezza tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Zaporizhzhia, u dan joħloq theddida serja ta’ aċċident tar-radjazzjoni fl-Ewropa;

5.Jappoġġja l-istabbiliment ta’ missjoni internazzjonali speċjali ta’ monitoraġġ biex tirreġistra l-konsegwenzi ambjentali tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna bil-ħsieb li tiġi stabbilita bażi biex jinkiseb kumpens speċifiku mir-Russja;

6.Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għas-sħubija tal-Ukrajna fl-UE; itenni l-appell tiegħu għal interazzjoni innovattiva, komplementari u flessibbli bejn il-ħidma li għaddejja bħalissa fuq l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-seħħ u l-proċess ta’ negozjati tal-adeżjoni, u b’hekk l-Ukrajna tkun tista’ tiġi integrata b’mod gradwali fis-suq uniku tal-UE u fil-programmi settorjali, inkluż l-aċċess għall-fondi tal-UE fl-oqsma rispettivi, ħalli ċ-ċittadini Ukreni jkunu jistgħu jgawdu l-benefiċċji tal-adeżjoni tul il-proċess kollu u mhux biss mat-tlestija tiegħu;

7.Itenni, f’dan il-kuntest, l-appoġġ tiegħu għad-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jagħti status ta’ kandidat tal-UE lill-Ukrajna; jantiċipa rakkomandazzjoni pożittiva mill-Kummissjoni wara li ġew issodisfati s-seba’ passi stabbiliti fl-opinjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni għas-sħubija tal-Ukrajna fl-UE[3], li tista’ twassal biex jibdew in-negozjati ta’ adeżjoni din is-sena u tiġi organizzata konferenza intergovernattiva fl-istess perjodu ta’ żmien; jafferma mill-ġdid l-importanza li jinfetħu n-negozjati ta’ adeżjoni bħala gwida għall-Ukrajna, bħala garanzija li l-integrazzjoni tagħha mal-UE tibqa’ fit-triq it-tajba b’mod stabbli u bħala mod kif jiġi sostnut il-momentum ta’ dan il-proċess; jemmen li s-sħubija tal-Ukrajna fl-UE tirrappreżenta investiment ġeostrateġiku f’Ewropa magħquda u b’saħħitha u li dan ifisser li turi tmexxija, determinazzjoni u viżjoni; ifakkar li l-integrazzjoni b’suċċess tal-Ukrajna fl-UE jista’ jkollha wkoll effett konsegwenzjali sinifikanti fir-Russja, li potenzjalment iwitti t-triq għal triq demokratika ta’ riforma;

8.Jissottolinja li l-adeżjoni mal-UE trid isseħħ f’konformità mal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, abbażi tar-rispett għall-proċeduri rilevanti u bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kriterji stabbiliti, b’mod partikolari l-hekk imsejħa kriterji ta’ Copenhagen għas-sħubija fl-UE, u tibqa’ proċess ibbażat fuq il-mertu li jirrikjedi l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-riformi rilevanti, b’mod partikolari fl-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, ekonomija tas-suq u l-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE;

9.Jenfasizza li t-tneħħija tal-mini u t-tneħħija ta’ munizzjon mhux splodut (UXO) huma prerekwiżiti għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, inkluż it-tiġdid tal-produzzjoni agrikola tagħha, li hija vitali għall-ekonomija tal-pajjiż u għas-sigurtà alimentari reġjonali u globali; jisħaq li dan jirrikjedi l-identifikazzjoni ta’ art ikkontaminata permezz ta’ stħarriġiet effettivi; ifakkar li terz tat-territorju tal-Ukrajna bħalissa huwa kkontaminat mill-mini u mill-UXO; jenfasizza li, bħala riżultat tal-kunflitt li għaddej bħalissa, l-isforzi attwali tat-tneħħija tal-mini u t-tneħħija tal-munizzjon ma jkoprux id-domanda għal dawn l-attivitajiet; jisħaq li t-tneħħija tal-mini u t-tneħħija tal-UXO jeħtieġ li jiġu aċċellerati sabiex ikunu jistgħu jipprovdu assistenza tad-daqs meħtieġ għall-partijiet tal-pajjiż li kienu l-aktar affettwati mill-aggressjoni Russa; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi indirizzat n-nuqqas ta’ persunal billi jsir investiment fir-reklutaġġ u t-taħriġ tal-persunal b’rabta mat-tneħħija tal-mini; jenfasizza li dawn l-isforzi se jirrikjedu finanzjament komprensiv u fit-tul li jkopri wkoll il-ħtiġijiet immedjati kemm għall-kumbattiment kif ukoll għat-tneħħija tal-mini għal skopijiet umanitarji;

10.Jissottolinja l-ħtieġa li jingħata prijorità lil pakkett komprensiv ta’ rkupru tal-UE għall-Ukrajna li għandu jiffoka fuq l-assistenza, ir-rikostruzzjoni u l-irkupru immedjat tal-pajjiż, fit-terminu medju u fit-tul, u li jgħin aktar biex isaħħaħ it-tkabbir tal-ekonomija ladarba tintemm il-gwerra; jitlob li l-pakkett ta’ rkupru jiġi appoġġjat minn finanzjament kredibbli u adegwat tal-UE f’konformità mal-ħtiġijiet u jistenna bil-ħerqa l-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali u dwar il-finanzjament tal-isforzi ta’ rikostruzzjoni tal-Ukrajna fis-snin li ġejjin permezz tal-faċilità rebuild Ukraine, ladarba tkun ġiet stabbilita; ifakkar li waħda mill-ħtiġijiet immedjati hija r-rikostruzzjoni ta’ infrastruttura kritika bħan-networks tal-ilma u tal-elettriku, l-iskejjel u l-isptarijiet fir-reġjuni l-aktar affettwati;

11.Jenfasizza l-importanza li l-pakkett ta’ rkupru għall-Ukrajna jiġi marbut mat-tħejjijiet tal-pajjiż għall-adeżjoni mal-UE u mar-riformi domestiċi li għaddejjin bħalissa; itenni li l-infrastruttura danneġġata u l-kapaċità industrijali għandhom jinbnew mill-ġdid f’konformità mal-prinċipju ta’ “bini mill-ġdid aħjar”, bil-għan li tiġi promossa ekonomija mingħajr emissjonijiet tal-karbonju u diġitali;

12.Jiddikjara l-importanza ta’ implimentazzjoni xierqa stabbilita fil-prattika, bil-kapaċità li jiġu amministrati proġetti ta’ rikostruzzjoni fuq skala kbira u fit-tul; jenfasizza l-ħtieġa ta’ kapaċità amministrattiva suffiċjenti tal-Ukrajna u ta’ esperti internazzjonali, b’mod partikolari mill-UE, li jkunu preżenti fil-prattika biex jamministraw proġetti ta’ rikostruzzjoni;

13.Jenfasizza l-iskala bla preċedent tal-isforz futur ta’ rikostruzzjoni u l-ammont ta’ finanzjament li dan se jirrikjedi; ifakkar fil-ħtieġa ta’ kundizzjonalità stretta u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet ċari, proċeduri ta’ offerti u ta’ għoti ta’ kuntratti; jissottolinja l-importanza ta’ arkitettura ta’ governanza trasparenti, obbligu ta’ rendikont, ġestjoni finanzjarja tajba u mekkaniżmu ta’ monitoraġġ effettiv; jagħti parir li tittieħed ispirazzjoni mill-istejjer ta’ suċċess ta’ aġenziji ddedikati għar-rikostruzzjoni li ssimplifikaw u kkoordinaw l-isforzi ta’ rikostruzzjoni, bħal fil-każ tal-Aġenzija Ewropea għar-Rikostruzzjoni fil-Balkani tal-Punent;

14.Ifakkar li l-pakkett ta’ rkupru għandu jitmexxa b’mod konġunt mill-UE, mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u mis-sħab tal-istess fehma, bl-involviment sostanzjali tal-G7; jilqa’ l-istabbiliment tal-Pjattaforma għall-Koordinazzjoni tad-Donaturi bħala għodda għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni internazzjonali biex jiġu appoġġjati l-isforzi ta’ rikostruzzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li l-Parlament Ewropew ikun involut bħala osservatur; jenfasizza l-importanza ta’ koordinazzjoni tajba u ta’ diviżjoni tax-xogħol bejn id-donaturi u l-Ukrajna; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi żgurata sjieda sħiħa mill-Ukrajna tal-proċess ta’ rikostruzzjoni, bl-involviment mill-qrib tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-awtoritajiet lokali;

15.Jirrakkomanda bil-qawwa li r-rappreżentanti lokali tal-awtogovernanza tal-Ukrajna jkollhom vuċi kbira fit-tfassil tal-miżuri ta’ rkupru; jirrakkomanda li jiġi stabbilit mekkaniżmu ċar u trasparenti għall-involviment tas-soċjetà ċivili tal-Ukraina fil-proċessi ewlenin tat-teħid tad-deċiżjonijiet, u jitlob appoġġ kontinwu għas-soċjetà ċivili;

16.Jistieden lill-Gvern tal-Ukrajna jkompli jsaħħaħ l-awtonomija lokali, riforma li ngħatat fama nazzjonali u internazzjonali sinifikanti, u jintegra s-suċċess tar-riforma ta’ deċentralizzazzjoni fl-arkitettura ġenerali tal-proċessi ta’ tiswija, irkupru u rikostruzzjoni tal-Ukrajna;

17.Jissottolinja l-importanza ta’ kundizzjonijiet ambjentali u ta’ trasparenza għall-isforz ta’ rikostruzzjoni; jinsisti fuq l-implimentazzjoni tar-riformi ambjentali l-aktar rilevanti, kif ukoll fuq l-istabbiliment ta’ salvagwardji effettivi għall-protezzjoni tal-ambjent matul ir-rikostruzzjoni tal-Ukrajna; jissottolinja l-ħtieġa li jintużaw valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali għal proġetti futuri ta’ rikostruzzjoni; ifakkar fil-proġett kontroversjali tar-resort tal-iskijjar Svydovets, li jeqred madwar 1500ettaru ta’ foresta antika fil-medda tal-muntanji Karpazji;

18.Iwissi kontra l-użu tal-isforz ta’ rikostruzzjoni li ġej biex tiġi emendata l-leġiżlazzjoni b’mod li jkun ta’ benefiċċju għal ċertu dritt akkwiżit għad-detriment ta’ kundizzjonijiet ekwi u ta’ trasparenza, bħal fil-każ tal-Abbozz tal-Liġi Nru 5655 dwar l-attività tal-iżvilupp urban;

19.Jitlob lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt dwar kemm is-sanzjonijiet xekklu b’mod effettiv l-isforz tal-gwerra mir-Russja u fuq iċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet; ifakkar li l-ksur ta’ miżuri restrittivi ġie miżjud mal-lista tal-UE ta’ reati kriminali;

20.Jitlob li l-UE, l-Istati Membri u l-alleati tagħhom isaħħu l-effikaċja tas-sanzjonijiet diġà imposti, jieħdu passi urġenti biex jimblukkaw kwalunkwe tentattiv ħalli jevitaw dawn is-sanzjonijiet u jaħdmu fuq mekkaniżmu ta’ sanzjonijiet sekondarji li jagħlaq kwalunkwe lakuna; jikkundanna lil dawk il-pajjiżi li qed jgħinu lir-Russja tevita l-effetti tas-sanzjonijiet imposti u jitlob lill-UE biex b’mod rigoruż tressaq quddiem il-ġustizzja kumpaniji, assoċjazzjonijiet u individwi li jipparteċipaw fl-evitar tas-sanzjonijiet;

21.Jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Kunsill u mal-Parlament, fil-kapaċità tagħhom bħala koleġiżlaturi, biex tlesti r-reġim legali li jippermetti l-konfiska tal-assi Russi ffriżati mill-UE, inklużi dawk tal-Bank Ċentrali Russu, u biex l-użu tagħhom jindirizza l-konsegwenzi varji tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, inklużi r-rikostruzzjoni tal-pajjiż u l-kumpens għall-vittmi; jissottolinja l-konvinzjoni tiegħu li ladarba tintemm il-gwerra, ir-Russja jeħtiġilha tkun obbligata tħallas ir-reparazzjonijiet imposti fuqha biex tiżgura li tagħti kontribut sostanzjali għar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna;

22.Ifakkar fir-riskji involuti jekk l-Ukrajna titħalla f’żona griża tas-sigurtà li jistieden lir-Russja ssostni l-ostilitajiet fit-tul; jemmen bis-sħiħ li s-sħubija tal-Ukrajna fin-NATO mhux biss tevita vakwu ta’ sigurtà, iżda toffri wkoll diversi opportunitajiet, inkluż biex jissaħħu l-kapaċitajiet militari tan-NATO, filwaqt li forzi armati tal-Ukrajna b’esperjenza fil-battalja u mgħammra mill-Punent jipprovdu valur miżjud militari sinifikanti lin-NATO; jemmen ukoll li dan jgħaqqad il-Punent kollettiv madwar aġenda usa’ biex tiġi ggarantita l-paċi sostenibbli fil-kontinent Ewropew, peress li ż-żona ta’ demokraziji stabbli u mhux aggressivi tkompli tiġi estiża lejn il-Lvant; iqis li dan jista’ jservi biex jipprevjeni kwalunkwe att aggressiv possibbli ta’ vendetta mir-Russja fil-futur u biex iwaqqaf l-espansiżmu neoimperjali Russu, u b’hekk jiffaċilita d-diskussjoni dwar il-bidla fundamentali fil-politika fir-Russja;

23.Jemmen li stedina għall-Ukrajna biex issir membru tan-NATO tibgħat l-aktar sinjal b’saħħtu possibbli, u tisforza lil Putin u lill-aktar isqra imperjali iebsa fir-Russja biex finalment jirrealizzaw li l-Ukrajna ma għadhiex fil-mira tagħhom; jenfasizza li l-istabbiltà fit-tul hija kruċjali biex tinkiseb paċi sostenibbli u jiġu evitati gwerer futuri fl-Ewropa, u li dan jiddependi mill-ħolma imperjali ta’ Putin li jitlef fil-kamp tal-battalja u li dan jiġi pprevenut milli jerġa’ jitfaċċa fil-futur u mir-restawr tad-demokrazija f’Russja ta’ wara Putin; jissottolinja li s-sħubija futura tal-Ukrajna man-NATO ma tinvolvix biss iż-żieda u l-iżgurar tas-sigurtà tal-Ukrajna iżda wkoll l-għajnuna lir-Russi biex ma jerġgħux iċedu għan-nostalġija imperjali, u li, għal din ir-raġuni, l-oppożizzjoni Russa tappoġġja lill-Ukrajna biex tagħżel it-triq tagħha stess;

24.Jistenna li s-summits li ġejjin f’Vilnius u f’Washington se jwittu t-triq għall-estensjoni ta’ stedina lill-Ukrajna biex tissieħeb fin-NATO u li l-proċess ta’ adeżjoni se jibda wara li tintemm il-gwerra u jiġi ffinalizzat mill-aktar fis possibbli, li jsaħħaħ in-NATO u jkun pass ieħor lejn paċi sostenibbli fl-Ewropa;

25.Ifakkar fl-isfida imminenti li tiġi indirizzata t-tbatija tal-veterani tal-gwerra tal-Ukrajna u tal-vittmi l-oħra tal-invażjoni fuq skala sħiħa mir-Russja, li ħafna minnhom se jkollhom diffikultà biex jintegraw bis-sħiħ lura fil-ħajja soċjali wara li tintemm il-gwerra; itenni li ħafna minnhom se jirrikjedu assistenza ta’ riabilitazzjoni u riintegrazzjoni psikoloġika u medika fit-tul; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jibnu fuq is-solidarjetà murija miċ-ċittadini, mir-residenti u mill-Istati Membri tal-UE bl-istess mod meta jilqgħu lir-rifuġjati tal-Ukrajna u jesploraw modi kif jgħinu lill-Ukrajna tindirizza t-tbatija umana li sofrew il-veterani u vittmi oħra;

26.Jagħti pariri lill-Ukrajna kontra l-aċċellerazzjoni taċ-ċiklu elettorali, l-għaqda tal-elezzjonijiet jew l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe bidla mgħaġġla fil-leġiżlazzjoni elettorali tagħha; jemmen li, minħabba l-isfond tal-gwerra u t-tfixkil attwali fil-ħajja politika normali fl-Ukrajna, kwalunkwe deċiżjoni li tista’ titqies bħala li tiffavorixxi forza politika partikolari fil-pajjiż tkun kontroproduttiva;

27.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-President, lill-Gvern u lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Ġunju 2023
Avviż legali-Politika tal-privatezza