Ϸվ

Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0278/2023Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0278/2023

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar ir-rikostruzzjoni sostenibbli u l-integrazzjoni tal-Ukrajna fil-komunità Ewro-Atlantika

12.6.2023-()

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Nicola Beer, José Ramón Bauzá Díaz, Dita Charanzová, Olivier Chastel, Katalin Cseh, Klemen Grošelj, Karin Karlsbro, Ilhan Kyuchyuk, Nathalie Loiseau, Karen Melchior, Javier Nart, Urmas Paet, Frédérique Ries, Michal Šimečka, Ramona Strugariu, Dragoş Tudorache, Hilde Vautmans
f’isem il-Grupp Renew

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuniRC-B9-0270/2023

ʰċܰ:
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument:
B9-0278/2023
Testi mressqa :
B9-0278/2023
Dibattiti :
Testi adottati :

9‑0278/2023

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rikostruzzjoni sostenibbli u l-integrazzjoni tal-Ukrajna fil-komunità Ewro-Atlantika

()

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Ukrajna, b’mod partikolari mindu eskalat il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fi Frar 2022,

wara li kkunsidra l-kundanna internazzjonali mifruxa tal-gwerra ta’ aggressjoni illegali tar-Russja kontra l-Ukrajna, u t-telf ta’ ħajjiet u l-qerda li ħolqot fl-Ukrajna,

wara li kkunsidra l-appoġġ u l-assistenza bla preċedent ipprovduti mill-UE u mill-Istati Membri lill-Ukrajna,

wara li kkunsidra l-għaqda u l-politiki tal-UE b’reazzjoni għall-kriżi fl-Ukrajna,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra[1] u ż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna, iffirmat fl-2014,

wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-Ukrajna tat-28 ta’ Frar 2022 għas-sħubija fl-UE, u l-għoti konsegwenti ta’ status ta’ kandidat mill-Kunsill Ewropew fit-23 ta’ Ġunju 2022,

wara li kkunsidra l-aspirazzjonijiet tal-Ukrajna li tapprofondixxi l-integrazzjoni tagħha fl-UE u fin-NATO,

wara li kkunsidra d-dokument ta’ eżitu tal-Konferenza dwar l-Irkupru tal-Ukrajna (URC2022) li saret f’Lugano fl-4 u l-5 ta’ Lulju 2022 u l-URC2023 li se ssir f’Londra fil-21 u t-22 ta’ Ġunju 2023,

wara li kkunsidra l-eżitu tal-Konferenza Internazzjonali ta’ Esperti dwar l-Irkupru, ir-Rikostruzzjoni u l-Modernizzazzjoni tal-Ukrajna, li saret f’Berlin fil-25 ta’ Ottubru 2022,

wara li kkunsidra l-Artikolu132(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.billi mill-24ta’ Frar 2022, meta r-Russja varat mill-ġdid il-gwerra ta’ aggressjoni mhux provokata, mhux ġustifikata u illegali tagħha kontra l-Ukrajna, is-sitwazzjoni ġeopolitika fl-Ewropa nbidlet fundamentalment;

B.billi l-Ukrajna u ċ-ċittadini tagħha kienu u għadhom determinati fir-reżistenza tagħhom kontra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja; billi huma ddefendew b’suċċess lil pajjiżhom, għad li ħallsu prezz qares inkwantu mwiet u ferimenti ċivili u militari, infrastruttura ċivili u pubblika meqruda, u ambjent naturali u siti ta’ wirt kulturali meqruda;

C.billi matul dan iż-żmien, il-forzi tar-Russja wettqu attakki indiskriminati kontra żoni residenzjali u infrastruttura ċivili, filwaqt li qatlu eluf ta’ ċivili Ukreni, u ddeportaw bil-forza u tefgħu il-ħabs b’mod illegali lil ċittadini Ukreni fir-Russja u fit-territorji tal-Ukrajna okkupati mir-Russja u wettqu atti ta’ terroriżmu fil-pajjiż kollu;

D.billi l-Ukrajna, bħala pajjiż indipendenti u sovran, għandha d-dritt fundamentali li tiddetermina l-futur tagħha; billi dan jinkludi l-libertà li tagħżel l-alleanzi tagħha, li tistabbilixxi l-politiki tagħha stess u li ssegwi l-interessi nazzjonali tagħha f’konformità mar-rieda tal-poplu tagħha;

E.billi Ukrajna b’saħħitha, stabbli u indipendenti hija vitali għall-istabbiltà taż-żona Ewro-Atlantika u kruċjali għat-trawwim tal-paċi u l-istabbiltà globali, u għad-difiża tal-prinċipji tad-demokrazija u tal-legalità internazzjonali;

F.billi l-Ukrajna issa hija pajjiż kandidat għal sħubija fl-Unjoni Ewropea u rċeviet appoġġ enormi fl-oqsma kollha mill-UE, inkluż appoġġ militari mingħajr preċedent;

G.billi l-Ukrajna għamlet progress sinifikanti fl-avvanz ta’ riformi kruċjali u turi impenn ċar lejn l-integrazzjoni mal-UE u man-NATO;

H.billi studju tal-Bank Dinji ta’ Marzu 2023 jindika li r-rikostruzzjoni tal-Ukrajna wara l-gwerra tista’ tiswa aktar minn USD 411-il biljun; billi din iċ-ċifra aktarx li tkompli tiżdied hekk kif aktar infrastruttura qed issirilha ħsara jew tinqered, kif muri bħala eżempju mill-qerda reċenti tad-diga ta’ Kakhovka u l-għargħar estensiv sussegwenti fiż-żoni tax-xmajjar aktar ’l isfel minnha;

1.Itenni s-solidarjetà tiegħu mal-poplu kuraġġuż tal-Ukrajna u jagħtih ġieħ, għax qed jiddefendi bi qlubija s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali ta’ pajjiżu;

2.Itenni l-kundanna tiegħu bl-aktar mod qawwi possibbli għall-gwerra ta’ aggressjoni ta’ aggressjoni mhux provokata, illegali u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna; jistieden lir-Russja ttemm minnufih l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna u tirtira mingħajr ebda kundizzjoni l-forzi u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu rikonoxxut internazzjonalment tal-Ukrajna;

3.Jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jkompli jappoġġa lill-Ukrajna sar-restawr u l-kontroll sħaħ tal-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u matul il-proċess kollu tal-irkupru u r-rikostruzzjoni sostenibbli tal-Ukrajna;

4.Jirrikonoxxi r-reżiljenza u d-determinazzjoni murija mill-poplu Ukren fl-insegwiment tal-valuri demokratiċi, l-isforzi ta’ riforma u l-aspirazzjonijiet għal integrazzjoni fil-komunità Ewro-Atlantika ta’ nazzjonijiet;

5.Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu aktar appoġġ u assistenza lill-Ukrajna fi triqitha lejn l-adeżjoni, inkluż l-għarfien espert tekniku, il-bini tal-kapaċitajiet u r-riformi istituzzjonali meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-kriterji tas-sħubija;

6.Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-qerda tad-diga ta’ Kakhovka fis-6 ta’ Ġunju 2023, li kkawżat għargħar estensiv u diżastru ambjentali fl-Ukrajna u tikkostitwixxi delitt tal-gwerra;

7.Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u lill-Istati Membri biex jappoġġaw il-miżuri kollha, inkluż l-istabbiliment ta’ tribunal speċjali biex jiġi żgurat obbligu ta’ rendikont sħiħ għad-delitti mwettqa matul il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, b’mod speċjali d-delitt ta’ aggressjoni, id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità;

8.Itenni l-kundanna tiegħu għad-deportazzjoni bil-forza ta’ ċivili Ukreni, inklużi tfal, lejn ir-Russja u lejn it-territorji tal-Ukrajna okkupati temporanjament mir-Russja u mill-Belarussja; jistieden lill-istati u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha jagħmlu pressjoni fuq ir-Russja biex tirritorna ċ-ċivili Ukreni kollha li ġew deportati bil-forza u li jinsabu l-ħabs illegalment, b’mod speċjali t-tfal;

9.Jikkundanna l-imġiba tal-istati, l-entitajiet u l-individwi li jgħinu lir-Russja tevita l-effetti tas-sanzjonijiet tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw mekkaniżmu għall-prevenzjoni taċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jespandu s-sanzjonijiet biex jinkludu projbizzjoni sħiħa fuq il-kummerċjalizzazzjoni u l-qtugħ ta’ djamanti ta’ oriġini Russa jew esportati mill-ġdid mir-Russja fl-Istati Membri kollha; itenni t-talba tiegħu lill-kumpaniji Ewropej biex jirtiraw l-operazzjonijiet tagħhom mir-Russja; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri partikolari biex jipprevjenu li prodotti ta’ teknoloġija avvanzata li qed jiġu esportati lejn pajjiżi mhux tal-UE jispiċċaw fir-Russja; jistieden lill-Istati Membri iressqu strettament għall-prosekuzzjoni lill-individwi jew l-entitajiet li jipparteċipaw fiċ-ċirkomvenzjoni tas-sanzjonijiet tal-UE;

10.Itenni l-pożizzjoni li l-Ukrajna hija l-Ewropa u li l-futur tal-Ukrajna jinsab fi ħdan l-UE, kif iddikjarat mill-President tal-Parlament Ewropew meta laqa’ lill-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy fid-9 ta’ Frar 2023; jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu favur is-sħubija tal-Ukrajna fl-UE, li tirrappreżenta ċaqliq ġeostrateġika u investiment f’Ewropa magħquda u b’saħħitha;

11.Itenni t-talba tiegħu għal interazzjoni innovattiva, komplementari u flessibbli bejn il-ħidma li għaddejja fuq l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-seħħ u l-proċess ta’ negozjati ta’ adeżjoni, u b’hekk jingħata lok għall-integrazzjoni gradwali tal-Ukrajna fis-suq uniku u fil-programmi settorjali tal-UE, inkluż l-aċċess għall-fondi tal-UE fil-oqsma rispettivi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jastjenu minn kwalunkwe azzjoni unilaterali li tillimita l-aċċess tal-Ukrajna għas-suq uniku tal-UE;

12.Jissottolinja li l-proċess ta’ adeżjoni se jkun ibbażat fuq il-mertu, u li l-metodoloġija mġedda tat-tkabbir tagħmel enfasi fuq l-oqsma kruċjali tar-rispett għall-istat tad-dritt, għall-valuri fundamentali, għad-drittijiet tal-bniedem, għad-demokrazija u għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni mill-bidu nett; jemmen għalkollox li prospett sod u bbażat fuq il-mertu ta’ sħubija fl-UE għall-Ukrajna huwa fl-interess politiku, ekonomiku u ta’ sigurtà tal-Unjoni;

13.Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jistabbilixxu perkors ċar għall-bidu tan-negozjati ta’ adeżjoni, abbażi ta’ approċċ pass pass, li jiffoka fuq l-għoti ta’ benefiċċji tanġibbli għas-soċjetà u ċ-ċittadini tal-Ukrajna mill-bidu tal-proċess; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan kuraġġuż u ambizzjuż għal dawn in-negozjati u għall-integrazzjoni rapida u gradwali tal-Ukrajna fil-politiki u fil-programmi tal-UE; jilqa’ l-progress tal-Ukrajna fl-implimentazzjoni ta’ seba’ rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni; jistenna bil-ħerqa u jenfasizza l-importanza tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni lejn il-bidu tan-negozjati ta’ adeżjoni mal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jappoġġaw lill-Ukrajna sabiex in-negozjati ta’ adeżjoni tagħha jkunu jistgħu jinfetħu din is-sena;

14.Jissottolinja li l-UE jeħtiġilha tkompli u żżid l-appoġġ finanzjarju, tekniku u politiku tagħha lill-Ukrajna sabiex tgħinha fl-integrazzjoni tagħha fl-UE u li l-Unjoni nnifisha jeħtiġilha twettaq ir-riformi meħtieġa fil-perspettiva ta’ tkabbir futur;

15.Jissottolinja li l-appoġġ tal-UE jmur ħafna lil hinn mis-settur ċivili u jinkludi wkoll appoġġ estensiv fil-qasam militari; jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lis-sħab tal-istess fehma jsaħħu l-kooperazzjoni militari mal-Ukrajna, inkluż permezz tal-għoti ta’ aktar kapaċitajiet, taħriġ u bini tal-kapaċitajiet, sabiex isaħħu l-kapaċitajiet ta’ difiża tal-Ukrajna u jiskoraġġixxu aktar aggressjoni; itenni l-appoġġ tiegħu għal dawn il-miżuri u għall-espansjoni sostanzjali tagħhom u li għandu jsir użu sħiħ mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi f’dan ir-rigward;

16.Jirrikonoxxi u jfaħħar il-kontribut sinifikanti tal-Ukrajna għas-sigurtà taż-żona Ewro-Atlantika u d-difiża tal-valuri tagħha bir-reżistenza kontra l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja; jistieden lill-alleati tan-NATO jużaw is-summit tan-NATO li jmiss f’Vilnius biex iwettqu l-wegħda tagħhom rigward is-sħubija tal-Ukrajna fin-NATO u jmexxu ’l quddiem it-talba tal-Ukrajna biex tingħaqad mal-alleanza; itenni l-appell tiegħu lill-UE, lill-Istati Membri u lill-alleati biex jaħdmu mill-qrib mal-Ukrajna fl-iżvilupp ta’ qafas għall-garanziji tas-sigurtà abbażi tal-Patt ta’ Sigurtà ta’ Kiev; jenfasizza l-fatt li l-integrazzjoni tal-Ukrajna fin-NATO u fl-UE ssaħħaħ is-sigurtà reġjonali, tippromwovi l-istabilità u ssaħħaħ ir-rabtiet ta’ kooperazzjoni u valuri kondiviżi bejn l-Ukrajna u l-komunità Ewro-Atlantika;

17.Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lis-sħab tal-istess fehma jipprovdu assistenza politika, ekonomika, teknika u umanitarja komprensiva u kkoordinata biex jappoġġaw ir-rikostruzzjoni u l-irkupru sostenibbli u inklużivi tal-Ukrajna wara l-kunflitt, b’enfasi partikolari fuq ir-restawr tal-infrastruttura essenzjali, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u s-servizzi soċjali; jirrikonoxxi l-ħidma li saret mill-Ukrajna, l-UE, il-G7, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u sħab oħra tal-istess fehma biex jiġi żviluppat pjan ta’ rkupru u rikostruzzjoni għall-Ukrajna; jilqa’ u jappoġġa s-seba’ prinċipji gwida tad-Dikjarazzjoni ta’ Lugano b’mod partikolari;

18.Itenni l-pożizzjoni tiegħu li r-rappreżentanti tal-awtonomija lokali u tas-soċjetà ċivili fl-Ukrajna jridu jkunu involuti b’mod attiv fil-proċess ta’ rkupru u rikostruzzjoni u li dan il-proċess irid jissodisfa l-ogħla standards ta’ trasparenza u obbligu ta’ rendikont;

19.Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jżommu l-għaqda bejniethom u jagħmlu pressjoni akbar fuq ir-Russja u l-alleati tagħha, inkluż permezz ta’ aktar pakketti ta’ sanzjonijiet, immirati biex idgħajfu b’mod strateġiku l-kapaċità tal-gwerra tar-Russja;

20.Jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri jsaħħu l-komunikazzjoni strateġika u jipprovdu informazzjoni rilevanti dwar il-benefiċċji u l-opportunitajiet reċiproċi tat-tkabbir kemm fl-Ukrajna kif ukoll fl-Istati Membri sabiex ikomplu jżidu l-appoġġ u jtejbu l-komprensjoni tal-proċess ta’ adeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri jtejbu l-viżibbiltà tal-finanzjament tal-UE u r-riżultati tanġibbli tiegħu fl-Ukrajna; jinsisti li s-soċjetà ċivili tal-UE u tal-Ukrajna għandhom jaqdu rwol attiv fl-implimentazzjoni ta’ dawn l-objettivi;

21.Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jaħdmu b’mod strateġiku u proattiv biex jiġġieldu t-theddid ibridu u jipprevjenu l-indħil tar-Russja fil-proċessi politiċi u elettorali u fi proċessi demokratiċi oħra fl-Ukrajna u fl-UE, b’mod partikolari l-atti malizzjużi li jkollhom l-għan li jimmanipulaw l-opinjoni pubblika u jdgħajfu l-integrazzjoni Ewropea;

22.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Verkhovna Rada tal-Ukrajna, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nato u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tan-NATO.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Ġunju 2023
Avviż legali-Politika tal-privatezza