Il-verżjoni li se tidħol fis-seħħ fis-16 ta' Lulju 2024
TITOLU I:MEMBRI, KORPI TAL-PARLAMENT U GRUPPI POLITIĊI
KAPITOLU 4:GRUPPI POLITIĊI
Artikolu 35a:
Gruppi mhux uffiċjali
1.Membri individwali jistgħu jiffurmaw gruppi mhux uffiċjali bl-iskop li jiġu organizzati skambji informali ta’ fehmiet dwar kwistjonijiet speċifiċi fost il-gruppi politiċi differenti, bil-parteċipazzjoni ta’ membri ta’ kumitati parlamentari differenti, u bl-iskop li jiġi promoss il-kuntatt bejn il-Membri u s-soċjetà ċivili.
2.Il-gruppi mhux uffiċjali għandhom ikunu kompletament trasparenti fl-azzjonijiet tagħhom. Huma ma għandhomx jinvolvu ruħhom f’attivitajiet li jistgħu jirriżultaw f’konfużjoni mal-attivitajiet uffiċjali tal-Parlament jew tal-korpi tiegħu. B’mod partikolari, ma għandhomx jużaw l-isem jew il-logo tal-Parlament. Huma ma jistgħux jorganizzaw avvenimenti f’pajjiżi terzi li jikkoinċidu ma’ missjoni ta’ korp uffiċjali tal-Parlament, inkluża delegazzjoni uffiċjali għall-osservazzjoni ta’ elezzjonijiet. Il-membri li jipparteċipaw fi gruppi mhux uffiċjali għandhom jiżvelaw b’mod proattiv lill-interlokuturi esterni li qed jaġixxu fil-kapaċità tagħhom bħala Membri individwali.
3.Grupp politiku jista’ jiffaċilita l-attivitajiet ta’ gruppi mhux uffiċjali billi jipprovdilhom appoġġ loġistiku, ħlief fil-każ ta’ gruppi mhux uffiċjali relatati ma’ pajjiżi terzi li għalihom teżisti delegazzjoni interparlamentari permanenti kif imsemmi fl-Artikolu 223.
Gruppi mhux uffiċjali relatati ma’ pajjiżi terzi li għalihom teżisti delegazzjoni interparlamentari permanenti kif imsemmi fl-Artikolu 223 ma għandhomx jibbenefikaw mill-ebda faċilità tal-Parlament għall-attivitajiet tagħhom.
Ir-relazzjoni mal-pajjiż terz tista’ tirriżulta mill-isem jew l-attivitajiet tal-grupp mhux uffiċjali.
4.Gruppi mhux uffiċjali għandhom jiġu rikjesti jiddikjaraw, sal-aħħar tax-xahar ta’ wara, kwalunkwe appoġġ, inkluż fi flus jew in natura. Fin-nuqqas ta’ tali dikjarazzjoni, il-President tal-grupp jew, jekk il-grupp ma jkollux President, kwalunkwe Membru li jipparteċipa fih għandu jiddikjara l-appoġġ fi żmien 10 ijiem tax-xogħol wara t-tmiem ta’ dik l-iskadenza.
5.Ir-rappreżentanti ta’ interess jistgħu jipparteċipaw biss f’attivitajiet tal-grupp mhux uffiċjali organizzati fil-bini tal-Parlament, pereżempju billi jattendu laqgħat jew avvenimenti tal-grupp mhux uffiċjali, billi joffru appoġġ għalih, jew billi jospitaw l-avvenimenti tiegħu b’mod konġunt, jekk ikunu mdaħħla fir-reġistru tat-trasparenza.
6.Il-Kwesturi għandhom iżommu reġistru pubbliku tad-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4 u tal-gruppi mhux uffiċjali li ppreżentawhom. Il-Bureau għandu jadotta regoli dettaljati dwar dak ir-reġistru u dwar dawk id-dikjarazzjonijiet u l-pubblikazzjoni tagħhom fuq is-sit web tal-Parlament.
7.Il-Kwesturi għandhom jiżguraw l-applikazzjoni effettiva ta’ dan l-Artikolu.
8.Fil-każ ta’ ksur ta’ din ir-Regola, il-Kwesturi jistgħu jimponu fuq l-grupp mhux uffiċjali projbizzjoni fuq l-użu tal-faċilitajiet tal-Parlament għal perjodu li ma jistax imur lil hinn mill-bqija tal-leġiżlatura.