Ϸվ

Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B9-0093/2021Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B9-0093/2021

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar l-arrest ta' Aleksei Navalny f'Moska

19.1.2021-()

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu132(2) tar-Regoli ta' Proċedura

Sergey Lagodinsky, Bronis Ropė, Sven Giegold, Tilly Metz, Martin Häusling, Markéta Gregorová, Francisco Guerreiro, Rosa D’Amato, Claude Gruffat, Tineke Strik, Gwendoline Delbos‑Corfield, Jordi Solé, Heidi Hautala, Reinhard Bütikofer, Anna Cavazzini, Viola VonCramon‑Taubadel, Alice Kuhnke, Pär Holmgren, Jakop G. Dalunde, Michael Bloss, Hannah Neumann, Ignazio Corrao, Alviina Alametsä, Katrin Langensiepen, Ville Niinistö, Alexandra Geese, Eleonora Evi
f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuniRC-B9-0090/2021

ʰċܰ:
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument:
B9-0093/2021
Testi mressqa :
B9-0093/2021
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

9‑0093/2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-arrest ta' Aleksei Navalny f'Moska

()

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja u dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja, b'mod partikolari dik tas-17ta'Settembru2020 bit-titolu "Is-sitwazzjoni fir-Russja: l-avvelenament ta' Alexei Navalny"[1],

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18ta'Jannar2021 mill-President tal-Kummissjoni Ewropea wara d-detenzjoni ta' Aleksei Navalny il-ġurnata ta' qabel f'Moska,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18ta'Jannar2021 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-UE dwar l-arrest ta' Aleksei Navalny hekk kif irritorna fir-Russja,

wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fil-kawżi ta' Navalnyye vs Ir-Russja tas-17ta'Ottubru2017, Navalnyy vs Ir-Russja tal-15ta'Novembru2018, u Navalnyy vs Ir-Russja (Nru2) tad-9ta'April2019,

wara li kkunsidra l-Artikolu132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.billi Aleksei Navalny, bħala avukat, politiku u attivist kontra l-korruzzjoni, kixef għadd kbir ta' kwistjonijiet ta' korruzzjoni li jinvolvu intrapriżi kummerċjali u politiċi Russi, mexxa għadd ta' protesti pubbliċi madwar ir-Russja kollha u sar wieħed mill-ftit mexxejja effettivi tal-oppożizzjoni Russa;

B.billi Navalny kien ġie detenut, arrestat, u kkundannat preċedentement, f'tentattivi biex jitwaqqfu l-attivitajiet politiċi u pubbliċi tiegħu; billi l-QEDB iddikjarat li għadd minn dawk il-proċeduri huma abbużivi u jmorru kontra l-prinċipju tad-dritt għal proċess ġust u l-prinċipju ta' "ebda kastig mingħajr liġi" (l-Artikoli6 u 7 tal-KEDB), inkluża l-kundanna relatata mad-detenzjoni attwali tiegħu u li l-awtoritajiet Russi issa qed ifittxu li jaqilbu minn sentenza sospiża għal priġunerija; billi, fid-29ta'Diċembru2020, il-Kumitat Investigattiv Russu ressaq akkużi ġodda kontra Navalny, u akkużah li allegatament wettaq approprjazzjonijiet indebiti ta' RUB356 miljun f'donazzjonijiet lill-Fondazzjoni Kontra l-Korruzzjoni tiegħu u lil organizzazzjonijiet affiljati mingħajr skop ta' qligħ;

C.billi kien hemm diversi attentati fuq il-ħajja ta' Navalny, l-aktar reċenti fl-20ta'Awwissu2020 meta ġie avvelenat b'aġent nervin tal-klassi Novichok; billi fl-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ każijiet ma tressqu l-awturi ta' reat quddiem il-ġustizzja; billi proġett konġunt ta' network ta' ġurnalisti investigattivi li jinvolvi l-Iskwadra ta' Investigazzjoni Bellingcat irnexxielu jidentifika diversi awturi involuti fl-avvelenament, kollha kemm huma aġenti assoċjati mas-servizzi tas-sigurtà sigrieti;

D.billi Navalny wasal fir-Russja fis-17ta'Jannar2021 u ġie arrestat mill-awtoritajiet Russi qabel ma għadda mill-kontroll fil-fruntieri; billi t-titjira tiegħu ġiet ridirezzjonata lejn l-Ajruport Sheremetyevo ta' Moska mill-Ajruport Vnukovo ta' Moska, fejn mijiet ta' persuni kienu nġabru biex jappoġġjawh; billi l-pulizija arrestat għadd kbir ta' persuni li kienu qed jistennew li Navalny jasal fl-Ajruport ta' Vnukovo, inklużi ġurnalisti u persunal mill-Fondazzjoni Kontra l-Korruzzjoni ta' Navalny;

E.billi, skont is-Servizz Penitenzjarju Federali Russu, Navalny qed jinżamm minħabba "ksur multiplu" tal-kundizzjonijiet tas-sentenza sospiża tiegħu relatata ma' kundanna ta' frodi tal-2014 u minħabba li skansa mill-ispetturi kriminali, u se jinżamm sakemm ikun hemm sentenza tal-qorti dwar il-kwistjoni; billi l-allegat ksur ta' dawn il-kundizzjonijiet seħħ minħabba l-ħtieġa ta' Navalny li jibqa' fil-Ġermanja biex jirċievi kura medika fl-Isptar Charité f'Berlin u jirkupra mill-avvelenament tiegħu; billi m'hemm l-ebda raġuni għad-detenzjoni tiegħu ta' 30jum skont il-liġi Russa;

F.billi d-drittijiet għal-libertà tal-ħsieb u tal-kelma, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika huma minquxa fil-kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa; billi l-Federazzjoni Russa hija firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-KEDB, u hija membru tal-Kunsill tal-Ewropa, u għaldaqstant impenjat ruħha li tirrispetta l-istandards u l-prinċipji internazzjonali li jirregolaw l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; billi dawn il-prinċipji huma pilastri kruċjali ta' soċjetà reżiljenti u pluralista; billi l-ħidma ħielsa u indipendenti tal-oppożizzjoni, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-midja hija pedament ta' soċjetà demokratika bbażata fuq l-istat tad-dritt;

G.billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt qed tkompli tiddeterjora fir-Russja, bi sforzi sistematiċi mill-awtoritajiet biex isikktu l-libertà tal-kelma, jillimitaw il-libertà tal-għaqda, jostakolaw l-attivitajiet tal-oppożizzjoni, jirreaġixxu bir-repressjoni għal kwalunkwe attività mmirata biex tesponi l-korruzzjoni u joħonqu l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili Russa; billi din ir-ripressjoni kontinwa tad-dissidenza soċjali hija msaħħa mill-impunità tal-pulizija u tal-forzi tas-sigurtà kif ukoll min-nuqqas ta' rieda min-naħa tal-qrati li jħarrku lill-awturi reali ta' dawn ir-reati; billi r-rappreżentanti tal-oppożizzjoni huma sistematikament soġġetti għal attakki verbali, kampanji ad hominem u diżumanizzazzjoni mill-midja tal-gvern jew dik favur il-gvern;

H.billi, f'għadd kbir ta' okkażjonijiet, il-Parlament esprima t-tħassib tiegħu dwar l-istat tad-demokrazija fir-Russja, in-nuqqas sistematiku ta' osservanza tal-istat tad-dritt u tar-rispett għad-drittijiet u l-prinċipji fundamentali, u dwar l-ispazju dejjem jiċkien għall-atturi indipendenti u dissidenti fil-pajjiż; billi l-awtoritajiet Russi qed joħolqu atmosfera ta' biża' permezz tat-trażżin attwali tal-oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili u kwalunkwe vuċi kritika, bil-ħsieb li se jsiru l-elezzjonijiet tad-Duma f'Settembru2021;

I.billi l-konsum tal-gass Ewropew laħaq il-quċċata tiegħu u l-kapaċità sħiħa tal-pipeline Nord Stream attwali mhux qed tintuża bħalissa; billi d-deċiżjoni diviżiva ta' ċerti Stati Membri li jibnu Nord Stream2 hija inkompatibbli mal-valuri tas-solidarjetà u l-fiduċja tal-Unjoni tal-Enerġija; billi Nord Stream2 huwa inkompatibbli mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-UE b'mill-inqas 55% sal-2030 u li jiġu eliminati l-emissjonijiet netti ta' gassijiet serra sal-2050;

1.Jikkundanna bil-qawwa d-detenzjoni ta' Aleksei Navalny mill-awtoritajiet Russi hekk kif irritorna fir-Russja fis-17ta'Jannar2021;

2.Jitlob li l-awtoritajiet Russi jeħilsuh minnufih u jiżguraw is-sikurezza tiegħu, kif ukoll jeħilsu lil dawk arrestati fl-Ajruport ta' Vnukovo f'Moska fis-17ta'Jannar2021;

3.Ifakkar li d-detenzjoni ta' avversarji politiċi tmur kontra l-impenji internazzjonali tar-Russja, u jinsisti li l-ġudikatura tiġi depolitiċizzata u li d-drittijiet għal proċess ġust u aċċess għal parir legali jiġu rispettati; jistieden lill-Kumitat tal-Ministri u lill-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa biex jużaw is-setgħat minquxa fl-Artikolu46(4) tal-KEDB biex iressqu każ ta' ksur kontra l-Federazzjoni Russa quddiem il-QEDB;

4.Itenni l-appell tiegħu lill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Kunsill tal-Ewropa għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar l-avvelenament ta' Aleksei Navalny; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jikkooperaw bis-sħiħ mal-atturi internazzjonali b'mod trasparenti u imparzjali u jżommu responsabbli lill-awturi tar-reati;

5.Jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-forzi demokratiċi fir-Russja, li huma impenjati favur soċjetà miftuħa u ħielsa, kif ukoll jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-individwi u l-organizzazzjonijiet kollha li huma fil-mira ta' attakki u repressjoni;

6.Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jieqfu milli jiffastidjaw, jintimidaw u jattakkaw lill-oppożizzjoni, lis-soċjetà ċivili, lill-midja, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti oħra, u minflok jippermettu lill-poplu Russu jeżerċita l-libertajiet bażiċi tiegħu u jfittex li jwettaq attivitajiet politiċi u tas-soċjetà ċivili leġittimi; jikkundanna l-falliment tal-awtoritajiet Russi li jipproteġu dawn l-atturi kontra l-attakki, il-fastidju u l-intimidazzjoni u li jinvestigaw b'mod imparzjali attakki bħal dawn kontrihom;

7.Jistieden lill-Gvern Russu u lid-Duma tal-Istat jirrevedu l-qafas legali għall-elezzjonijiet u l-leġiżlazzjoni dwar l-aġenti barranin u l-organizzazzjonijiet mhux mixtieqa sabiex jiffaċilitaw il-pluraliżmu u l-elezzjonijiet ħielsa u ġusti skont l-istandards internazzjonali u joħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-kandidati tal-oppożizzjoni; jitlob li l-Gvern Russu jiggarantixxi aċċess ugwali u opportunitajiet indaqs lill-partiti demokratiċi kollha matul l-elezzjonijiet li ġejjin tad-Duma, peress li n-nuqqas ta' reġistrazzjoni tal-partiti huwa abbuż tal-proċedura ta' reġistrazzjoni li teqred il-kompetizzjoni politika u d-demokrazija pluralista;

8.Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kunsill biex ifasslu strateġija ġdida għar-relazzjonijiet tal-UE mar-Russja, li trid tappoġġja aħjar l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu l-valuri demokratiċi, l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem fir-Russja, inkluża l-Fondazzjoni Kontra l-Korruzzjoni ta' Navalny, u biex jissaħħu l-kuntatti bejn il-persuni maċ-ċittadini tar-Russja;

9.Jitlob lill-Kunsill u lill-VP/RGħ jadottaw sanzjonijiet immirati, malajr kemm jista' jkun, kontra individwi jew entitajiet li jirriżulta li jkunu kisru b'mod serju d-drittijiet tal-bniedem jew il-libertajiet essenzjali – b'mod partikolari relatati mar-repressjoni tas-soċjetà ċivili, l-attivisti tal-oppożizzjoni u l-ġurnalisti – kif ukoll kontra l-assoċjati u l-propagandisti korrotti tagħhom, possibbilment inklużi Roman Abramovich, Denis Bortnikov, Andrey Kostin, Mikhail Murashko, Dmitry Patrushev, Igor Shuvalov, Vladimir Solovyov u Alisher Usmanov;

10.Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri kollha jieqfu milli jlestu l-pipeline Nord Stream2, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-mezzi legali u politiċi kollha disponibbli biex tipprevjeni t-tlestija tiegħu, sabiex jiġi evitat milli tiżdied id-dipendenza tal-Ewropa fuq il-provvisti tal-enerġija Russi; jappella għal rieżami sistematiku ta' proġetti bilaterali simili fl-UE li jdgħajfu l-prinċipju tas-solidarjetà, jappoġġjaw il-korruzzjoni jew iwasslu għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-fondazzjoni li ġiet stabbilita reċentement mill-gvern tal-istat ta' Mecklenburg-Western Pomerania biex tgħin fil-finalizzazzjoni tan-Nord Stream2;

11.Iħeġġeġ lill-UE biex tistieden b'mod kontinwu lir-Russja tirrevoka jew temenda l-liġijiet kollha li mhumiex kompatibbli mal-istandards internazzjonali; jissottolinja li kwalunkwe djalogu mar-Russja jrid ikun ibbażat fuq ir-rispett tad-dritt internazzjonali;

12.Itenni l-appell tiegħu lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri biex ikomplu jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Federazzjoni Russa u jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE fir-Russja u l-ambaxxati tal-Istati Membri biex ikomplu jimmonitorjaw il-kawżi ġudizzjarji li jinvolvu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-politiċi tal-oppożizzjoni u l-attivisti, inkluż il-każ ta' Aleksei Navalny;

13.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-VP/RGħ, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, u lill-President, il-Gvern u d-Duma tal-Istat tal-Federazzjoni Russa.

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Jannar 2021
Avviż legali-Politika tal-privatezza