Ϸվ

L-oppożizzjoni demokratika fil-Belarussja – 2020, il-Belarussja

Il-Kunsill ta’ Koordinazzjoni, li huwa mmexxi minn nisa kuraġġużi u minn personalitajiet oħra tas-soċjetà ċivili u politiċi, għaqqad il-Belarussi fil-ġlieda favur id-demokrazija fl-aħħar dittatorjat tal-Ewropa.

Il-Premju Sakharov 2020 ingħata lill-oppożizzjoni demokratika tal-Belarussja, irrappreżentata mill-Kunsill ta' Koordinazzjoni, inizjattiva tan-nisa kuraġġużi Sviatlana Tsikhanouskaya, Svetlana Alexievich, Maryia Kalesnikava, Volha Kavalkova u Veranika Tsapkala, u l-personalitajiet politiċi u tas-soċjetà ċivili Siarhei Tsikhanouski, Ales Bialiatski, Siarhei Dyleuski, Stsiapan Putsila u Mikola Statkevich.

F'Awwissu 2020, l-oppożizzjoni demokratika tal-Belarussja bdiet timmobilizza s-soċjetà fi protesti tal-massa paċifiċi bla preċedent għad-demokrazija f'pajjiż li ilu meqjus bħala l-aħħar dittatorjat fl-Ewropa. Il-protesti segwew l-elezzjonijiet, li raw lil Aliaksandr Lukashenka jiddikjara s-sitt mandat tiegħu bħala President f'kompetizzjoni mtebba' minn frodi elettorali mifruxa. L-oppożizzjoni magħquda insistiet li l-kandidata ewlenija tal-oppożizzjoni Sviatlana Tsikhanouskaya kienet rebħet rebħa deċiżiva fl-ewwel rawnd. Huma appellaw lil Lukashenka jibda negozjati biex jittrasferixxi s-setgħa u ħolqu Kunsill ta' Koordinazzjoni għal dak il-għan.

Fil-ġimgħat ta' wara, it-toroq ta' Minsk imtlew b'dimostrazzjonijiet enormi li ġibdu aktar minn 200 000 persuna. Persuni minn kull qasam tal-ħajja u kull professjoni appellaw lil Lukashenka biex iwarrab. Ir-reġim wieġeb b'livell bla preċedent ta' vjolenza u repressjoni.

Nisa kuraġġużi bħal Sviatlana Tsikhanouskaya, Svetlana Alexievich, Maryia Kalesnikava u Volha Kavalkova, membri tal-Presidju tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni, flimkien mal-attivista politika Veranika Tsapkala, saru s-simbolu tal-oppożizzjoni u offrew it-tama lill-Belarussi. Dawn kienu appoġġati minn dissidenti, attivisti politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, politiċi tal-oppożizzjoni u mexxejja taż-żgħażagħ, inklużi Siarhei Tsikhanouski, Ales Bialiatski, Siarhei Dyleuski, Stsiapan Putsila u Mikola Statkevich.

Il-mexxeja tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni, Sviatlana Tsikhanouskaya, saret l-emblema ta' din ir-rivoluzzjoni Belarussa paċifika. Minkejja li ma kellha l-ebda esperjenza politika preċedenti, hija daħlet tieħu post ir-raġel tagħha, il-blogger u d-dissident Siarhei Tsikhanouski, li kien ġie arrestat fuq akkużi foloz u mitfugħ il-ħabs, bħala kandidat presidenzjali indipendenti. Jumejn wara l-elezzjoni Tsikhanouskaya ġiet skortata lejn il-fruntiera minn uffiċjali Belarussi. Issa li tinsab fl-eżilju, hija għadha l-vuċi tan-nazzjon ċiviku tal-Belarussja fl-Ewropa kollha. Matul iż-żjarat tagħha fil-Parlament Ewropew, Tsikhanouskaya pproklamat li l-Belarussja kienet qed tesperjenza rivoluzzjoni demokratika u qed tistinka biex tistabbilixxi d-demokrazija u tieħu r-responsabbiltà tad-destin tagħha stess. Fl-2022, hija ffurmat gvern fl-eżilju msejjaħ Kabinett Tranżizzjonali Magħqud li hija tmexxi.

Nisa kuraġġużi oħra huma Veranika Tsapkala, maniġer tan-negozju u attivista, li rrappreżentat lir-raġel tagħha Valery fil-manifestazzjonijiet tal-kampanja ta' Tsikhanouskaya wara li dan iċċaħħad milli jirreġistra bħala kandidat presidenzjali. Hija kellha titlaq mill-pajjiż, u tieħu lil uliedhom magħha. Maryia Kalesnikava, mużiċista, attivista politika u membru tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni, mexxiet il-kampanja presidenzjali ta' Viktar Babaryka sakemm ġie arrestat, u wara tat l-appoġġ tagħha lil Tsikhanouskaya u issa hija priġuniera politika.

Il-mexxejja tal-Kunsill ta' Koordinazzjoni jinkludu wkoll lil Svetlana Alexievich, ir-rebbieħa tal-Premju Nobel għal-Letteratura fl-2015, Volha Kavalkova, ir-rappreżentanta ta' Tsikhanouskaya meta ġie ffurmat il-kunsill, u Siarhei Dyleuski, li mexxa l-kumitat tal-istrajk tal-Fabbrika tat-Tratturi ta' Minsk.

L-awtoritajiet Belarussi poġġew il-ħabs lill-attivisti prominenti kollha favur id-demokrazija, inkluż Siarhei Tsikhanouski, ir-raġel ta' Sviatlana, Ales Bialiatski, li rċieva l-Premju Nobel għall-Paċi fl-2022, u lil Mikola Statkevich, veteran prominenti tal-oppożizzjoni. Ħafna oħrajn ġew sfurzati fl-eżilju, bħal Stsiapan Putsila, il-fundatur tal-kanal ta' informazzjoni NEXTA li xerred aħbarijiet dwar il-protesti fil-Belarussja u espona l-vjolenza kontra ċ-ċittadini mwettqa mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

Fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-2020 u wara, il-Parlament Ewropew ikkundanna lill-awtoritajiet Belarussi u appella għal sanzjonijiet tal-UE kontra l-individwi responsabbli għall-falsifikazzjoni tar-riżultati elettorali u għar-repressjoni vjolenti, inkluż il-President Lukashenka nnifsu. Il-Membri enfasizzaw li l-elezzjonijiet saru bi "ksur flagranti tal-istandards rikonoxxuti internazzjonalment kollha" u li l-Parlament ma kienx se jibqa' jirrikonoxxi lil Aliaksandr Lukashenka bħala President tal-Belarussja ladarba l-mandat tiegħu jkun skada fil-5 ta' Novembru ta' dik is-sena.

Il-Parlament talab ukoll li jsiru elezzjonijiet ħielsa u ġusti, segwiti minn proċess ta' riforma kostituzzjonali trasparenti u inklużiv. Il-Membru faħħru lill-Kunsill ta' Koordinazzjoni talli wera ruħu miftuħ għall-partijiet politiċi u soċjali kollha ikkonċernati u talli jservi bħala r-rappreżentant leġittimu tan-nies li qegħdin jitolbu bidla demokratika u l-libertà fil-Belarussja, u insistew li r-reġim tal-Belarussja għandu jibda djalogu miegħu;

Matul iċ-ċerimonja, li saret b'mod eċċezzjonali fi Brussell, il-President Sassoli qal: "Id-dinja kollha hija konxja ta' x'qed jiġri f'pajjiżkom. Aħna naraw il-kuraġġ tagħkom. Naraw il-kuraġġ tan-nisa. Naraw it-tbatija tagħkom. Naraw l-abbużi indeskrivibbli. Naraw il-vjolenza. L-aspirazzjoni u d-determinazzjoni tagħkom li tgħixu f'pajjiż demokratiku tispirana."

Filwaqt li aċċettat il-premju, Sviatlana Tsikhanouskaya qalet: "Kull Belarussu li jieħu sehem fil-protesta paċifika kontra l-vjolenza u l-liġijiet huwa eroj. Kull wieħed minnhom huwa eżempju ta' kuraġġ, kompassjoni u dinjità."

"Il-Belarussi ilhom jimxu f'dimostrazzjonijiet kull ġimgħa mill-elezzjoni tad-9 ta' Awwissu. Huma jimxu għall-futur tagħhom u għall-futur ta' dawk li ma jistgħux ikunu hemm. Huma jimxu għal-libertà u d-dinjità tal-Belarussi, tal-Ewropej, tiegħek u tagħna. Mingħajr Belarussja ħielsa, l-Ewropa lanqas mhi kompletament ħielsa."