Ϸվ

Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B10-0079/2024Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B10-0079/2024

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONIdwar ir-rigress demokratiku u t-theddid għall-pluraliżmu politiku fil-Georgia

4.10.2024-()

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà
skont l-Artikolu 136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Rasa Juknevičienė, Michael Gahler, Andrzej Halicki, Sebastião Bugalho, David McAllister, Željana Zovko, Nicolás Pascual De La Parte, Isabel Wiseler‑Lima, Antonio López‑Istúriz White, Wouter Beke, Daniel Caspary, Sandra Kalniete, Ondřej Kolář, Andrey Kovatchev, Andrius Kubilius, Miriam Lexmann, Vangelis Meimarakis, AnaMiguel Pedro, Davor Ivo Stier, Michał Szczerba, Ingeborg TerLaak, Matej Tonin, Milan Zver
f’isem il-Grupp PPE

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuniRC-B10-0070/2024

ʰċܰ:
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument:
B10-0079/2024
Testi mressqa :
B10-0079/2024
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

10‑0079/2024

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rigress demokratiku u t-theddid għall-pluraliżmu politiku fil-Georgia

()

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Georgia,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissarju għall-Viċinat u t-Tkabbir tas-17 ta’ April 2024 dwar l-adozzjoni tal-liġi dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija”,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tat-18 ta’ Settembru 2024 dwar il-liġi tal-Georgia dwar “il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni”,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-portavuċi tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tal-4 ta’ April 2024 dwar l-abbozz ta’ liġi dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija”,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023 bit-titolu “Komunikazzjoni tal-2023 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE” (),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra[1],

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-President tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Kawkasu tan-Nofsinhar u r-Rapporteur Permanenti tal-Parlament Ewropew dwar il-Georgia tat-18 ta’ April 2024 dwar l-introduzzjoni mill-ġdid tal-abbozz ta’ liġi dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija” fil-Georgia,

wara li kkunsidra l-Artikolu136(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.billi l-eżerċizzju tal-libertà tal-opinjoni, tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika huwa dritt fundamentali minqux fil-Kostituzzjoni tal-Georgia;

B.billi l-Georgia, bħala firmatarja tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, impenjat ruħha li tosserva l-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett għal-libertajiet fundamentali u għad-drittijiet tal-bniedem;

C.billi l-Artikolu 78 tal-Kostituzzjoni tal-Georgia jipprevedi li l-korpi kostituzzjonali għandhom jieħdu l-miżuri kollha fl-ambitu tal-kompetenzi tagħhom biex jiżguraw l-integrazzjoni sħiħa tal-Georgia fl-Unjoni Ewropea u fl-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana;

D.billi l-UE tistenna li l-Georgia, li hija pajjiż kandidat għal adeżjoni mal-UE, tirrispetta bis-sħiħ il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u impenji internazzjonali oħra li ħadet u, b’mod partikolari, tissodisfa l-kundizzjonijiet u tieħu l-passi stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023; billi l-Kunsill Ewropew iddeċieda li jagħti l-istatus ta’ kandidat lill-Georgia biss bil-fehim li tieħu dawn il-passi, inklużi li tiġġieled kontra d-diżinformazzjoni u l-indħil kontra l-UE u l-valuri tagħha, li tinvolvi lill-partiti tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili fil-governanza, li tiżgura l-libertà tal-għaqda u tal-espressjoni, kif ukoll li, b’mod sinifikanti, tikkonsulta lis-soċjetà ċivili u tinvolviha fil-proċessi leġiżlattivi u tat-tfassil tal-politika, u li tiżgura li tkun tista’ topera liberament;

E.billi fl-20 ta’ Frar 2024 il-Parlament tal-Georgia għadda emendi għall-kodiċi elettorali li biddlu l-proċedura għall-elezzjoni tal-president u tal-hekk imsejħa membri professjonali tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali u neħħew il-kariga ta’ viċi president, li timtela minn rappreżentant tal-oppożizzjoni;

F.billi fl-4 ta’ April 2024 il-Parlament tal-Georgia adotta emendi għall-kodiċi elettorali tal-pajjiż u abolixxa l-kwoti parlamentari obbligatorji għan-nisa, li kienu jirrikjedu li mill-inqas kandidat wieħed minn kull erba’ kandidati fuq lista tal-partiti jkun ta’ ġeneru differenti mill-maġġoranza;

G.billi fit-28 ta’ Mejju 2024, il-Parlament Georgjan adotta l-hekk imsejħa liġi dwar it-trasparenza tal-influwenza barranija, li tirrikjedi li l-organizzazzjonijiet li jirċievu aktar minn 20% tal-finanzjament tagħhom minn barra l-pajjiż jirreġistraw fi żmien xahrejn bħala “organizzazzjonijiet li jsegwu l-interessi ta’ setgħa barranija” u jidentifikaw bħala tali; billi dawn l-organizzazzjonijiet se jkunu soġġetti għal skrutinju addizzjonali, rekwiżiti ta’ rappurtar u possibbilment sanzjonijiet, inklużi penali amministrattivi sa massimu ta’ GEL25000; billi din il-liġi tirrestrinġi serjament il-kapaċità tal-media u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li joperaw liberament; billi l-adozzjoni ta’ din il-liġi wasslet għas-sospensjoni tal-assistenza finanzjarja tal-UE lill-Georgia;

H.billi fis-6 ta’ Ġunju 2024, l-Istati Uniti imponew restrizzjonijiet tal-viża fuq għexieren ta’ uffiċjali Georgjani minħabba l-adozzjoni tal-“liġi dwar l-aġenti barranin”;

I.billi fl-11 ta’ Lulju 2024 il-Kumitat tal-Kungress tal-Istati Uniti għall-Affarijiet Barranin adotta leġiżlazzjoni ta’ sanzjonijiet kontra l-Georgia magħrufa bħala l-Att Megobari, li timponi sanzjonijiet kontra uffiċjali Georgjani responsabbli ta’ atti li jdgħajfu s-sistema demokratika tal-pajjiż;

J.billi fis-17 ta’ Settembru 2024 il-Parlament Georgjan għadda liġi dwar “il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni”, li ċċaħħad lill-komunità LGBTI mid-drittijiet tagħha u tipprojbixxi avvenimenti Pride u wirjiet pubbliċi tal-bandiera qawsalla;

K.billi fis-26 ta’ Ottubru 2024 se jsiru l-elezzjonijiet parlamentari fil-Georgia; billi hemm retorika ostili kontra l-Punent dejjem tikber mill-partit Ħolma Georgjana kontra s-sħab demokratiċi tal-Georgia, kif ukoll promozzjoni tad-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni Russi; billi l-partit Ħolma Georgjana qed isegwi narrattiva li l-Punent huwa “partit tal-gwerra globali” li qed jipprova jimbotta lill-Georgia lura fi gwerra mar-Russja;

L.billi fit-28 ta’ Awwissu 2024, il-mexxej tal-Ħolma Georgjana, Bidzina Ivanishvili, fl-inawgurazzjoni tal-kampanja elettorali tal-partit tiegħu, tkellem dwar ix-xewqa tiegħu li jipprojbixxi lill-partiti demokratiċi tal-oppożizzjoni; billi huwa ġie ssekondat mill-Prim Ministru, Irakli Kobakhidze, li ddikjara li jekk il-partit tagħhom jikseb maġġoranza fil-Parlament Georgjan, dan jipprojbixxi ċerti partiti tal-oppożizzjoni;

1.Jikkundanna bil-qawwa l-adozzjoni tal-liġi dwar “it-trasparenza tal-influwenza barranija” u l-liġi dwar “il-valuri tal-familja u l-protezzjoni tal-minorenni”, kif ukoll il-bidliet fil-kodiċi elettorali; iqis li dawn huwa inkompatibbli mal-valuri u l-prinċipji demokratiċi tal-UE, imorru kontra l-ambizzjonijiet tal-Georgia ta’ sħubija mal-UE, jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni internazzjonali tal-Georgia u jipperikolaw l-integrazzjoni Ewro-Atlantika tal-pajjiż; jenfasizza bil-qawwa li sakemm il-leġiżlazzjoni msemmija hawn fuq ma tiġix revokata, ma jistax isir progress fir-relazzjonijiet tal-Georgia mal-UE; jiddispjaċih li l-Georgja, li darba kienet promotriċi tal-progress demokratiku b’aspirazzjonijiet Ewro-Atlantiċi, ilha tiżżerżaq lura mil-lat demokratiku għal perjodu konsiderevoli ta’ żmien;

2.Jistenna li l-partit Ħolma Georgjana jirrispetta r-rieda u l-għażla libera tal-poplu Georgjan fl-elezzjonijiet parlamentari li jmiss u li jirrinunzja għall-poter b’mod paċifiku jekk ma joħroġx rebbieħ; jitlob li l-partit u l-mexxejja tiegħu jwaqqfu minnufih il-vjolenza, l-intimidazzjoni, id-diskors ta’ mibegħda, il-persekuzzjoni u r-ripressjoni li qed iwettaq kontra l-oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili u l-media indipendenti;

3.Jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha tikkunsidra li tissospendi temporanjament ir-reġim tagħha mingħajr viża mal-Georgia jekk l-iżvolġiment tal-elezzjonijiet ma jkunx konformi mal-istandards internazzjonali aċċettati u jekk ikun hemm dubju dwar kemm il-Georgia tissodisfa l-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża, b’mod partikolari l-punt ta’ riferiment tad-drittijiet fundamentali;

4.Jemmen bis-sħiħ li l-elezzjonijiet li jmiss se jkunu deċiżivi biex jiddeterminaw l-iżvilupp demokratiku futur u l-għażla ġeopolitika tal-Georgia, kif ukoll il-kapaċità tagħha li tagħmel progress fil-kandidatura tagħha bħala Stat Membru tal-UE; iqis li r-riżultat tal-elezzjonijiet Georgjani għandu jippermetti li l-pajjiż jerġa’ lura għall-aġenda demokratika favur il-Punent tiegħu, jimplimenta r-riformi meħtieġa u jniedi negozjati ta’ adeżjoni mal-UE;

5.Itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-aspirazzjonijiet Ewropej leġittimi tan-nies tal-Georgia u għax-xewqa tagħhom li jgħixu f’pajjiż prosperu, ħieles mill-korruzzjoni, li jirrispetta bis-sħiħ il-libertajiet fundamentali, jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem u jiggarantixxi soċjetà miftuħa u media indipendenti; jissottolinja li d-deċiżjoni biex il-Georgia tingħata status ta’ pajjiż kandidat għal sħubija fl-UE kienet immotivata mix-xewqa li jiġu rikonoxxuti l-kisbiet u l-isforzi demokratiċi tas-soċjetà ċivili tal-Georgia, kif ukoll l-appoġġ enormi fost iċ-ċittadini tagħha għal adeżjoni mal-UE; japprezza l-isforzi li saru mill-President tal-Georgia Salome Zourabishvili biex il-Georgia terġa’ lura fit-triq demokratika u pro-Ewropea tal-iżvilupp;

6.Jiddeplora r-rwol personali li żvolġa Bidzina Ivanishvili, l-uniku oligarka tal-Georgia, li rritorna fil-politika attiva fit-30 ta’ Diċembru 2023 u sar “president onorarju” tal-partit Ħolma Georgjana, fil-kriżi politika attwali u f’tentattiv ieħor biex jikkomprometti l-perkors tal-pajjiż orjentat lejn il-Punent biex minflok jiddevjah lejn ir-Russja; itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill u lis-sħab demokratiċi tal-UE biex jikkunsidraw li jimponu sanzjonijiet personali fuq Ivanishvili minħabba r-rwol tiegħu fid-deterjorament tal-proċess politiku fil-Georgia u talli qiegħed jaħdem kontra l-interessi tal-poplu tagħha;

7.Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżommu responsabbli u jimponu sanzjonijiet personali fuq dawk kollha responsabbli li pperikolaw id-demokrazija fil-Georgia, li huma kompliċi fil-vjolenza mwettqa kontra avversarji politiċi u dimostranti paċifiċi u li jxerrdu diżinformazzjoni kontra l-Punent; jilqa’ s-sanzjonijiet personali imposti mill-Istati Uniti fuq l-uffiċjali tal-partit Ħolma Georgjana;

8.Jenfasizza l-fatt inkwetanti li ħafna deċiżjonijiet leġiżlattivi riċenti tal-partit Ħolma Georgjana jittradixxu l-aspirazzjonijiet tal-maġġoranza l-kbira tal-poplu tal-Georgia li jgħixu f’soċjetà demokratika, li jitkomplew ir-riformi demokratiċi u tal-istat tad-dritt, li titkompla l-kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab Ewro-Atlantiċi u li jittieħed impenn favur triq lejn sħubija fl-UE;

9.Jenfasizza li d-drittijiet għal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda u tal-protesta paċifika huma libertajiet fundamentali u jridu jiġu rrispettati f’kull ċirkostanza, b’mod partikolari f’pajjiż bl-ambizzjoni li jissieħeb fl-UE;

10.Ifakkar li l-Kunsill Ewropew tal-14 u l-15 ta’ Diċembru 2023 ta lill-Georgia l-istatus ta’ pajjiż kandidat bil-kundizzjoni li jittieħdu l-passi rilevanti stabbiliti fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2023; jenfasizza li l-leġiżlazzjoni adottata reċentement tmur b’mod ċar kontra din l-ambizzjoni u effettivament issospendiet l-integrazzjoni tal-Georgia fl-UE;

11.Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jerġa’ lura għat-triq tiegħu lejn l-Ewropa, jonora l-impenn tiegħu li jirrispetta, isaħħaħ u jippromwovi d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u jinvolvi ruħu ġenwinament fl-implimentazzjoni sħiħa tal-passi meħtieġa biex jissodisfa l-kundizzjonijiet għal status ta’ pajjiż kandidat u għas-sħubija fl-UE, fi spirtu ta’ involviment u kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni politika tal-Georgia;

12.Itenni l-opportunitajiet tanġibbli li l-Georgia tieħu vantaġġ minnhom ladarba jibdew in-negozjati tal-adeżjoni, bħall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni li ttejjeb l-istandard tal-għajxien taċ-ċittadini Georgjani, kif ukoll l-appoġġ għall-istituzzjonijiet, l-infrastruttura u s-servizzi soċjali;

13.Jesprimi tħassib serju dwar l-influwenza akbar tar-Russja fil-Georgia, iż-żieda fl-għadd ta’ ċittadini Russi li jirrisjedu fil-Georgia, iż-żieda fir-rabtiet kummerċjali mar-Russja, u r-rieda tal-Georgia li ssegwi r-rikonċiljazzjoni mar-Russja minkejja l-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna u l-okkupazzjoni tagħha ta’ għoxrin fil-mija tat-territorju sovran Georgjan; jistieden lill-Gvern tal-Georgia jimponi sanzjonijiet kontra r-Russja b’reazzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna;

14.Itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet tal-Georgia biex jeħilsu lill-ex President Mikheil Saakashvili mill-ħabs;

15.Jistieden lill-Uffiċċju tal-Investigazzjoni tal-Georgia jwettaq investigazzjoni bir-reqqa tal-brutalità tal-pulizija matul il-protesti tar-rebbiegħa kontra l-liġi dwar it-“trasparenza tal-influwenza barranija” fil-Georgia;

16.Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Georgia.

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Ottubru 2024
Avviż legali-Politika tal-privatezza